Month: February 2024

PR240327

Bil-għan li tkun ikkonsolidata u kkoordinata b’mod aħjar il-ħidma marbuta mal-immaniġġjar ta’ ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol Malti, il-Prim Ministru Robert Abela ħa deċiżjoni li l-aġenziji Identità u Jobs+ ikunu responsabbiltà tal-istess Ministeru. Il-Gvern ilu għal diversi xhur jieħu azzjonijiet diretti u kkoordinati biex il-kontroll tal-awtoritajiet Maltin jissaħħaħ, tiżdied il-kwalità u s-suq tax-xogħol Malti jassorbi l-ħaddiema li għandu bżonn u mhux iktar. Il-pass li qed jittieħed illum huwa primarjament maħsub biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-entitajiet governattivi.

Għal dan il-għan il-Ministru Byron Camilleri se jkun qed iservi bħala Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u x-Xogħol. Il-ħidma fis-suq tax-xogħol trid tibni wkoll fuq il-ħidma importanti u b’saħħitha mibdija mill-Ministru Clyde Caruana bit-tnedija u l-bidu tat-twettiq tal-politika nazzjonali għas-suq tax-xogħol.

B’konsegwenza ta’ din il-bidla, ir-riformi u l-ugwaljanza issa se jkunu qed jimxu taħt id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, bis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tibqa’ fdata bir-responsabbiltà tas-setturi. Il-Ministeru se jkun iġib l-isem tal-Ministeru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, Riformi u Djalogu Soċjali.

PR240324

Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza konferenza tal-aħbarijiet wara l-pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-Inkjesta Pubblika dwar l-inċident fatali li seħħ f’Kordin nhar it-3 ta’ Diċembru 2022.

Id-diskors qed ikun ippubblikat.

PR240322

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qiegħed jippubblika r-rapport finali tal-Inkjesta Pubblika dwar l-inċident fatali li seħħ f’Kordin nhar it-3 ta’ Diċembru 2022, hekk kif mgħoddi mill-Bord tal-Inkjesta Amministrattiva, illum l-Erbgħa 28 ta’ Frar. Il-Bord kien maħtur mill-Prim Ministru fit-2 ta’ Awwissu 2023. 

B’hekk il-Prim Ministru qed iżomm mal-impenn li ta pubblikament li ladarba jasal għandu dan ir-rapport finali tal-Inkjesta Pubblika, dan ir-rapport jiġi ppubblikat, f’att ta’ trasparenza, kif anke mniżżel fit-termini ta’ referenza tal-Inkjesta Amministrattiva. 

PR240305

Il-kunsilli lokali għandhom rwol importanti ħafna biex il-komunitajiet tagħna jkunu komunitajiet fejn jitħaddem il-kunċett ta’ anzjanità attiva. 

Esprima dan il-ħsieb il-Prim Ministru Robert Abela fi żjara fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’San Pawl il-Baħar.

F’dan iċ-ċentru, b’ħidma konġunta bejn il-Gvern Ċentrali u l-kunsill lokali, jinġabru għexieren ta’ anzjani kuljum fejn jieħdu sehem f’numru ta’ attivitajiet, kemm fiċ-ċentru kif ukoll lil hinn minnu. 

F’diskussjoni mal-anzjani miġbura fiċ-ċentru, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-inizjattivi tal-Gvern biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u saħaq li biex dan ikun possibbli jeħtieġ servizzi tajbin u li jilħqu lill-anzjani bħalma huma servizzi bħas-Silver T u ċentri ta’ dan it-tip.

Kruċjali wkoll li l-Gvern jibqa’ jsaħħaħ il-pensjonijiet u l-għotjiet lill-anzjani. Iżda, mbagħad, qal il-Prim Ministru, anke l-kunsill lokali jista’ jservi bħala forza pożittiva ta’ organizzazzjoni ta’ attivitajiet, inizjattivi u miżuri li jagħtu wens u sigurtà lill-anzjani.

Hawn radd ħajr lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għall-inizjattivi f’dan is-sens.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea u mis-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima.

PR240298

• Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura laboratorji state-of-the-art parti mill-kumpless TRAKE

Malta kapaċi tkun minn ta’ quddiem fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan permezz ta’ investiment fl-istituzzjonijiet edukattivi biex uliedna jirċievu edukazzjoni li tippreparahom għal karrieri ta’ kwalità li qed jinħolqu fl-industriji tal-futur. Messaġġ importanti li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt li inawgura laboratorji tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-inġinerija, parti mill-ewwel binja ddedikata għar-riċerka fl-Università ta’ Malta.

Dawn il-laboratorji huma parti mill-kumpless TRAKE (Transdisciplinary Research and Knowledge Exchange) u se jilqgħu fihom studenti li qed jistudjaw f’livell Maġisteru u Dottorat. Fihom se ssir riċerka marbuta mal-inġinerija tal-manifattura, l-intelliġenza artifiċjali, l-awtomatizazzjoni u l-inġinerija robotika kemm għall-vetturi fuq l-art, fuq il-baħar u anki dawk aerospazjali.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dak li qed jiġi inawgurat permezz ta’ ħidma b’sinerġija bejn Ministeri, entitajiet iżda anki l-viżjoni tal-Università ta’ Malta, huwa sinjal ċar ta’ fejn irridu nieħdu lil pajjiżna għas-snin li ġej biex inkunu fuq quddiem tal-avvanzi teknoloġiċi li qed iseħħu madwar id-dinja. Qal li dan l-investiment komprensiv ta’ €39 miljun b’fondi pubbliċi u dawk Ewropej huwa xhieda ta’ investiment fl-edukazzjoni, speċjalment fir-riżorsi li jħejju primarjament liż-żgħażagħ għat-teknoloġija tal-futur. Hawn semma deċiżjoni oħra li ħa l-Gvern li jirriforma s-sistema tal-istipendji u jżidhom partikolarment għal studenti li qed jistudjaw f’oqsma tal-futur u li jagħtu valur miżjud lil pajjiżna.

Dr Abela qal li daqstant ieħor l-investiment fir-riżors uman, ir-riċerkaturi li jnisslu s-suċċess ta’ proġett bħal dak inawgurat fl-Università għaliex il-laboratorji u l-apparat state-of-the-art li hemm jingħata l-ħajja mill-għerf tal-istudenti Maltin. Dan sostnieh ukoll waqt iż-żjara li kellu fil-laboratorji u tkellem mal-istudenti li qed jirriċerkaw anki fl-ittestjar tal-elettronika fejn qed jinħolqu teknoloġiji intelliġenti applikati f’oqsma diversi sabiex nibqgħu ntejbu l-effiċjenza pereżempju fl-użu tal-enerġija fil-binjiet tagħna.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għal żjara li kellu aktar kmieni din il-ġimgħa fil-fabbrika ta’ Trelleborg u nnota wkoll kif f’pajjiżna hawn bosta kumpaniji li qed ifuru bl-innovazzjoni u joffru prodotti ta’ kwalità li jispiċċaw f’dak kollu li nużaw ta’ kuljum bħal karozzi, mediċini, mobile phones u aġġeġi oħra. “Għalhekk investiment bħal dan hu importanti għax qed inħejju l-istudenti għal dak li se jsibu fl-industrija, anzi iktar minn hekk dawn l-istudenti se jfasslu fejn trid tmur l-industrija”, sostna l-Prim Ministru Abela. Irrimarka wkoll li filwaqt li qed ninvestu f’laboratorji tal-ogħla livell għar-riċerka u l-innovazzjoni, daqstant ieħor irridu ninvestu f’dawk l-istudenti li dak li jaraw b’għajnejhom, jagħmluh b’idejhom. Hawn semma l-korsijiet fis-snajja’ fejn ukoll tidħol ix-xjenza u t-teknoloġija.

Il-Prim Ministru qal li huwa għalhekk li l-inizjattiva fl-Università ta’ Malta mhiex waħda iżolata imma tagħti direzzjoni ċara taż-żerriegħa li tfajna f’oqsma industrijali ġodda. Dan f’kuntest ta’ dak li qed isir biex bħala pajjiż inkomplu nrawwmu namra max-xjenza u t-teknoloġija anki fl-edukazzjoni bikrija. Dan fi ħsieb ċar li l-edukazzjoni tagħna tkun allinijata mal-ekonomija li qed noħolqu.