Month: June 2023

PR231028

“Jeħtieġ inkunu ggwidati minn prinċipji ċari biex nibqgħu nistimulaw tkabbir anki fuq livell Ewropew.” Kien dan il-messaġġ importanti li tkellem fuqu l-Prim Ministru Robert Abela f’Summit ta’ jumejn tal-Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell fil-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq prinċipji importanti meta għad-diskussjoni bejn il-Mexxejja Ewropej kien hemm il-kwistjoni tal-ekonomija. Il-Prim Ministru qal li l-Unjoni Ewropea trid tkompli ssaħħaħ il-kompetittività filwaqt li tassigura li n-negozji kollha fl-Unjoni Ewropea, anki dawk medji u żgħar, flimkien maċ-ċittadini, ikomplu jgawdu b’mod ġust mill-benefiċċji tas-Suq Waħdieni.

Dr Abela saħaq li l-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Waħdieni huma importanti fost l-oħrajn għal affarijiet bażiċi bħal aċċess mingħajr xkiel għal mediċini. Fil-fatt, b’insistenza ta’ Malta, konklużjoni mill-Kunsill Ewropew qed titlob li tħaffef in-negozjati dwar il-Pakkett tal-Farmaċewtika li ħejjiet il-Kummissjoni Ewropea, li fost l-oħrajn jaħseb biex il-kumpaniji li jipproduċu l-mediċini jiftħu l-aċċess għall-prodotti farmaċewtiċi tagħhom għall-pazjenti f’kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li f’kuntest ta’ suq żgħir bħal dak ta’ pajjiżna, mistenni jiżdied l-aċċess għall-mediċini.

“Imbagħad għandek oqsma strateġiċi għas-suq tagħna u tal-Unjoni Ewropea bħall-iżvilupp ta’ prodotti teknoloġiċi innovattivi, bħall-investiment tal-ST Microelectronics li għadu kif ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea u li jħalli valur miżjud għoli fl-ekonomija tagħna”, sostna l-Prim Ministru hu u jkompli jisħaq fuq l-importanza tas-Suq Ħieles li jkompli jagħti l-opportunità lil Malta tkompli tikber f’oqsma diġitali bħall-gaming, settur li l-Gvern Malti kompla jseddqu b’leġislazzjoni li tipproteġi l-ġurisdizzjoni Maltija f’dan il-qasam.

Fi Brussell Dr Abela tkellem ukoll fuq il-ħtieġa tat-tisħiħ ta’ koperazzjoni ekonomika ma’ sħab internazzjonali differenti u semma wkoll il-ħidma importanti li trid issir dwar provvista ta’ enerġija nadifa bbażata fuq ir-rinnovabbli li tilqa’ għal sfidi futuri fis-settur kif urietna l-esperjenza tal-gwerra fuq l-Ukrajna. “Nemmnu fil-potenzjal tal-Mediterran li jkun ċentru ta’ enerġija nadifa,” sostna l-Prim Ministru Abela hu u jirrimarka wkoll għall-implimentazzjoni tal-Pjan REPowerEU, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li nkomplu niddiversifikaw fil-provvisti tal-enerġija.

Marbut mal-enerġija rinnovabbli, il-Prim Ministru rrimarka għal soluzzjonijiet ħolistiċi biex tiġi trattata l-problema tal-immigrazzjoni illegali. Innota l-ittra tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li tamplifika dak li ilha tgħid Malta dwar koperazzjoni ekonomika ma’ pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran anki dwar proġetti tar-rinnovabbli. “Is-soluzzjoni għall-immigrazzjoni irregolari mhijiex f’nofs ta’ baħar iżda fil-punt tat-tluq u għalhekk proġetti fejjieda f’dawn il-pajjiżi jagħrfu l-potenzjal biex nies jibqgħu jgħixu hemmhekk,” sostna l-Prim Ministru Abela hu u jispjega dwar il-ħtieġa ta’ taħdidiet f’dan ir-rigward mal-Libja u t-Tuneżija.

Fil-bidu tas-Summit ġiet diskussa t-tema tas-sigurtà u d-difiża u f’dik il-parti tad-diskussjoni pparteċipa wkoll is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg. Malta saħqet li l-koperazzjoni man-NATO fuq livell Ewropew għandha ssir b’rispett sħiħ lejn il-karatteristiċi tal-politika tas-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri kollha. Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ġew diskussi wkoll ir-relazzjonijiet esterni fosthom b’diskussjoni strateġika dwar iċ-Ċina.​

 PR231023

Irridu aktar investiment fejn is-sostenibbiltà tkun fil-qalba ta’ dak li jkun qed isir. Kien dan il-messaġġ ewlieni li ta l-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz li għamel waqt l-inawgurazzjoni ta’ żewġ proġetti privati b’investiment ta’ €86 miljun. Iż-żewġ proġetti minn Farsons Group f’Birkirkara huma investiment ta’ €66 miljun fi Trident Park, proġett fuq skala kbira li qed jara kampus ta’ uffiċini b’element ambjentali u spazju miftuħ filwaqt li The Brewhouse Malta huwa proġett ta’ €20 miljun fejn l-eks birrerija ta’ Farsons ġiet riġenerata u fost l-oħrajn toffri esperjenza lill-viżitaturi f’dik li kienet tilqa’ l-produzzjoni tal-birra.

Waqt l-inawgurazzjoni l-Prim Ministru Robert Abela nnota b’mod pożittiv l-għanijiet tal-investiment f’dawn iż-żewġ proġetti, fosthom li jingħata spazju miftuħ lin-nies u anki jqajjem ukoll niċċa magħrufa bħala turiżmu industrijali. Il-Prim Ministru fisser kif investimenti ffukati fuq is-sostenibbiltà u l-kwalità qed ikomplu jikkontribwixxu fi tkabbir ekonomiku li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena laħħaq id-darbtejn u nofs aktar minn dak tal-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru Abela saħaq li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja investimenti marbuta mas-sostenibbiltà u li joħolqu impjiegi ta’ kwalità. Fisser it-tranżizzjoni ekonomika li qed jimbotta l-Gvern bħala waħda importanti għaliex it-tkabbir li rridu nkomplu nesperjenzaw f’pajjiżna jasal frott bidliet li nagħmlu biex noħolqu l-aqwa ambjent possibbli biex Malta tibqa’ tattira l-investiment li jkun ibbażat iżjed fuq il-kwalità u s-sostenibbiltà.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li l-qalba ambjentali hija xi ħaġa li l-Gvern irid jagħmel f’pajjiżna flimkien mas-settur privat. Semma fost oħrajn l-importanza li nkomplu ninvestu fir-rinnovabbli. Dan sostnieh fil-kuntest li propju din il-ġimgħa l-Kummissjoni Ewropea approvat il-Pjan ta’ Rkupru rivedut ta’ pajjiżna li kien hu li talab biex jinvesti iżjed fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. B’rabta mal-kampus ta’ uffiċini li jilqa’ wkoll dawk fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, il-Prim Ministru nnota s-saħħa tal-industrija finanzjarja f’pajjiżna kif jixhed rapport li ħarġet fl-aħħar jiem l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, fejn mhux biss żdied il-valur miżjud ta’ din l-industrija fl-ekonomija iżda f’sena żdiedet b’26% ir-rata ta’ persuni jaħdmu fis-settur.

Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza s-Sessjoni Parlamentari tal-EkoSkola, li matula studenti minn skejjel differenti ressqu l-ideat u l-proposti tagħhom dwar temi differenti imdawra mal-ambjent. Il-Prim Ministru rrimarka li t-tfal u ż-żgħażagħ huma parti mid-deċiżjonijiet tal-lum, mhux tal-futur biss, u appellalhom biex jibqgħu jipparteċipaw b’mod attiv. Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għal uħud mit-temi diskussi u sostna li l-ħolqien ta’ spazji miftuħa huma ta’ prijorità għall-Gvern filwaqt li rrefera għall-proġetti li qegħdin jitwettqu biex il-komunitajiet igawdu minn pulmuni ħodor. Dwar il-kwalità tal-arja, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li rridu nħarsu lejn proġetti kbar fosthom rinovabbli fuq il-bjut, karozza elettriċi, u sistema fil-portijiet ta’ shore-to-ship. Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru rrefera għall-ħidma li qed titwettaq mill-Gvern biex jitnaqqas l-iskart, spjega li bis-separazzjoni tal-iskart mandatorja, l-iskema tal-BCRS u l-projbizzjoni tas-single-use-plastics flimkien mal-proġetti biex jerġa’ jintuża l-iskart u mill-iskart nagħmlu enerġija se jwassluna biex nagħmlu Malta carbon-neutral. Il-Prim Ministru kkonkluda b’ringrazzjament għall-istudenti parteċipi u appellalhom biex qatt ma jibżgħu jikkritikaw u jisfidaw l-istatus quo u jibqgħu jersqu lejn il-Gvern b’aktar ideat.

PR230995

Il-Gvern se jagħti appoġġ sħiħ lil dawk l-investituri li jifhmu li fit-tranżizzjoni ekonomika li għaddej minnha pajjiżna, jeħtieġ enfasi ikbar fuq l-innovazzjoni u l-kwalità. Kien dan il-messaġġ li wassal il-Prim Ministru Robert Abela meta kien mistieden jinawgura investiment ta’ Polidano Group, li kien jinkludi wkoll investiment li jieħu kunsiderazzjonijiet ambjentali. “Kull settur huwa importanti, iżda daqstant ieħor importanti li kull settur jifhem li l-prattiċi u l-prijoritajiet ta’ għaxar, ħames snin ilu, illum iridu jkomplu jinbidlu,” qal il-Prim Ministru.

L-investiment inawgurat kien jinkludi uffiċini ġodda u tagħmir li taw importanza l-effiċjenza tal-enerġija fl-użu tal-bini, għall-ħażna u r-riċiklaġġ tal-ilma u l-kontroll tal-emissjonijiet. “Li tinvestu €25 miljun fuq medda ta’ ftit xhur hija xi ħaġa pożittiva, li dak l-investiment ikkunsidra dawn l-aspetti hija xi ħaġa ferm isbaħ,” qal il-Prim Ministru Robert Abela. Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern qed isaħħaħ ukoll il-qafas regolatorju biex jassigura standards ogħla. “Għax il-pajjiż ma jistax jieqaf jagħmel xogħlijiet biex intejbu l-infrastruttura, insebbħu t-toroq tagħna u nimmodernizzaw, imma dan kollu nistgħu dejjem nagħmluh aħjar. L-innovazzjoni u t-teknoloġija għandhom ikunu għodda importanti biex kull ċittadin iħoss li dak li qed isir, qed isir b’rispett lejh. Għalhekk nibqa’ nisħaq li kull investiment ta’ kwalità se jsib l-appoġġ tagħna,” saħaq il-Prim Ministru Abela.

Il-Prim Ministru spjega li l-entitajiet tal-Gvern għandhom wkoll inċentivi ċari għal din id-direzzjoni. L-iskemi eżistenti bħall-Invest, u għal kumpaniji iżgħar il-Microinvest, jinċentivaw il-bdil ta’ makkinarju biex ikun iktar nadif.  Filwaqt li skemi bħall-Energy Efficiency Investment Aid u Smart and Sustainable Scheme huma maħsuba biex anke l-operat, l-impjant u l-makkinarju jinbidlu għal dawk iktar effiċjenti u għalhekk jitnaqqas l-impatt ambjentali fuq l-operat b’inċentivi b’massimu ta’ €100,000 jew nofs l-ispiża għal kull proġett. Fl-aħħar snin il-Malta Enterprise tat ukoll inċentiv permezz ta’ skema ta’ bdil tal-makkinarju, li biha kienu investiti €4 miljun f’makkinarju iktar nadif fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Il-Prim Ministru rrefera għall-proġett ta’ fabbriki newtrali għall-klima li żar u fisser kif dawn huma xhieda oħra ta’ kif setturi, li forsi meqjusa tradizzjonali, jistgħu jitwaħħdu b’mod tajjeb ma’ dak li rridu fid-dinja tal-lum. Il-Prim Ministru tenna li fl-eqqel tal-isfidi, dan il-pajjiż baqa’ miexi ‘l quddiem u hekk se jibqa’ jagħmel fiż-żmien li ġej. “Mhux talli rkuprajna, imma tlaqna niġru. Mela ibqgħu agħmlu kuraġġ biex tibqgħu tinvestu f’pajjiżna”, qal il-Prim Ministru lill-udjenza preżenti li kienet magħmula minn persuni minn oqsma differenti. “Meta tagħmlu dan kollu ħarsu lejn il-futur. Kunu innovattivi, tikkuntentawx b’dak li għamilna dejjem, imma ħossu fuq spallejkom intom ukoll il-piż ta’ x’tip ta’ Malta rridu nħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri,” ikkonkluda l-Prim Ministru.

PR230972

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ grupp ta’ ċiklisti Maltin li jiffurmaw parti mill-Alive Charity Foundation. L-għan ta’ din l-għaqda mhux governattiva huwa li jinġabru fondi għal riċerka dwar il-kanċer, permezz ta’ sfidi bir-rota.​​

Fl-isfida li jmiss, li se tibda fil-25 ta’ Lulju minn Barċellona, ħamsa u tletin ċiklist se jaqdfu mal-1,300km f’sebat ijiem, biex jiġbru donazzjonijiet proprju għal dan l-għan. Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela faħħar din l-inizjattiva u qal li din l-isfida hija simbolu tad-determinazzjoni, tar-rieda u l-kuraġġ ta’ dawk kollha li xi darba jew oħra messithom il-marda tal-kanċer.

Saħaq li l-gvern jibqa’ kommess li jinvesti fil-qasam tar-riċerka dwar il-marda, tant li l-Pjan dwar il-Kanċer 2024-2030 jiffoka fuq ir-riċerka, il-prevenzjoni, l-iscreening u li wieħed ikollu dijanjosi kmieni tal-marda.

F’isem Alive Charity Foundation tkellmu ċ-Chairperson, Nicky Camilleri, u l-kofundatur, Elton Barry, li spjegaw li l-mira tagħhom hija li jinġabru €300,000 biex fl-għaxar sena mit-twaqqif tal-fondazzjoni jkunu ġabru total ta’ miljun ewro. Mal-prim ministru tkellmu dwar il-preparamenti għal din l-isfida li ilhom għaddejjin għal din l-aħħar sena, kemm f’dik li hija t-tfassil tar-rotta, il-loġistika wara din l-inizjattiva kif ukoll it-taħriġ fiżiku taċ-ċiklisti.

Min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jżur is-sit www.alivecharity.com.