Month: November 2025

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni Magnus Brunner li jinsab f’Malta waqt li pajjiżna qed jilqa’ l-laqgħa tal-MED5, Konferenza Ministerjali bejn ħames Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li jiddiskutu l-prijorità komuni bejniethom, dik tal-migrazzjoni.

Il-Prim Ministru saħaq li hekk kif ħa ngħaddu għall-implimentazzjoni tal-Patt għall-Migrazzjoni u l-Ażil irridu nikkumplimentaw dan ma’ azzjonijiet oħra fosthom li nħaffu l-proċess tan-negozjati for ir-Regolament tar-Ritorn u l-qafas leġislattiv dwar li l-Unjoni Ewropea jkollha l-lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini li huma siguri biex ikompli jiġi faċilitat il-proċess ta’ ritorn ta’ immigranti li ma ħaqqhomx l-ażil.

Fil-laqgħa mal-Prim Ministru kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia, u l-Konsulent tal-Prim Ministru fuq l-Affarijiet Ewropej, Leandro Borg.

PR252123

Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-istudenti fil-Giovanni Curmi Higher Secondary

Se nibqgħu nappoġġjaw il-vjaġġ edukattiv tal-istudenti u ż-żgħażagħ billi nsaħħu l-istipendji u fil-Budget għas-sena d-dieħla qed nagħtu l-akbar żieda fl-istipendji tal-istudenti kollha. Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel fil-Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar. Hemmhekk il-Prim Ministru kellu opportunità jitkellem ma’ bosta żgħażagħ li għaddejjin bl-istudji tagħhom fejn tkellem magħhom fuq diversi temi differenti ta’ interess għaż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li f’Malta progressiva li qed tkompli miexja ’l quddiem, iż-żgħażagħ huma katalisti u se jkomplu jsibu pajjiż magħhom, partikolarment fil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Huwa għalhekk li fil-Budget 2026, il-Gvern se jżid l-istipendji bi 15%, investiment ta’ €6 miljun fil-bwiet taż-żgħażagħ tagħna. Dr Abela qal li qabel mal-Gvern ħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla, huwa rrijafferma l-impenn u l-garanzija li l-istipendji se jibqgħu hemm favur l-aqwa għal uliedna li jkomplu jistudjaw. Saħaq li dan l-impenn ried ikompli jsaħħu billi l-Gvern żied l-istipendji biex nibqgħu spalla mal-istudenti li għandhom l-ambizzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom x’jilħqu. 

Dr Abela qal li dan l-appoġġ imsaħħaħ huwa apparti dak tal-għotja sa €1,500 fuq tliet snin lill-ġenituri tal-istudenti li komplew jistudjaw wara s-Sekondarja. Il-Prim Ministru akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, qal li fl-edukazzjoni rridu nibqgħu ninvestu biex biha ż-żgħażagħ jieħdu l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi li qed joħloq il-pajjiż. Mhux iżjed biex isibu xogħol imma biex jaqbdu karriera ta’ kwalità li trendi.

Fil-laqgħat tiegħu mal-istudenti, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tal-attiviżmu tagħhom bħala vuċi żagħżugħa li hi importanti biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem. Qal li l-attiviżmu żagħżugħ ikompli jimbotta ideat biex inkomplu nagħmlu pajjiż aħjar. Hawn issemma l-Youth Advisory Forum, forma ta’ Kabinett taż-żgħażagħ fejn l-eżekuttiv tal-pajjiż jiddiskuti temi importanti maż-żgħażagħ.

Preżentament hemm 1,300 student jattendu l-Giovanni Curmi Higher Secondary fejn jistudjaw biex jiksbu ċ-ċertifikat tal-matrikola u jidħlu fosthom fl-Università ta’ Malta. F’din l-istituzzjoni post-sekondarja jattendu wkoll studenti għall-programm Gem16+ li jgħin studenti jiksbu ċertifikat f’livell 3 biex ikomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom wara l-edukazzjoni obbligatorja.

PR252116

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura investiment favur il-komunità kollha ġewwa Birżebbuġa Aquatic Club. Permezz ta’ dan l-investiment, il-klabb ġie mgħammar b’sistema moderna ta’ heat pumps u b’kopertura ġdida għall-pixxina, sabiex l-ilma jinżamm f’temperatura adattata matul is-sena kollha. Dan se jippermetti lill-atleti, lill-membri tal-klabb u lir-residenti taż-żona jagħmlu użu minn din il-faċilità matul is-sena kollha.

Il-Prim Ministru Abela sostna kif dan il-proġett jixhed l-impenn kontinwu tal-Gvern li jimplimenta proġetti ta’ kwalità fil-kamp sportiv u għall-ġid tal-komunità. Huwa nnota b’sodisfazzjon kif dan l-investiment jirrifletti s-sinerġija bejn diversi entitajiet fosthom id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Sport Malta, ir-rappreżentanti ta’ dan il-klabb sportiv u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Riżultat ta’ din l-kollaborazzjoni l-firxa ta’ benefiċċji ġġenerati minn dan l-investiment se twassal biex din l-unika pixxina fuq barra fin-Nofsinhar ta’ Malta li issa hija wkoll heated tkun aċċessibbli wkoll għar-residenti ta’ Birżebbuġa fi ġranet u ħinijiet speċifiċi. “Dan jagħmel il-proġett wieħed verament komunitarju, li jsaħħaħ l-attività soċjali u sportiva f’lokalità,” tenna l-Prim Ministru.

Dr Abela nnota ukoll kif dan il-proġett mistenni jġib benefiċċji finanzjarji sostanzjali għall-klabb, li sa issa kien ikollu jħallas biex juża pixxini oħrajn matul ix-xhur tax-xitwa. Il-fondi li kienu jintefqu għal dan l-iskop issa jistgħu jiġu investiti direttament fil-klabb, biex jissaħħaħ l-operat tiegħu u tiġi ggarantita sostenibbiltà finanzjarja fit-tul.

Din l-inizjattiva tkompli tikkonferma kif il-komunitajiet lokali jinsabu fiċ-ċentru tal-viżjoni u l-ħidma politika tal-Gvern. Dan flimkien mar-rieda politika li jsir investiment kontinwu f’Birżebbuġa biex jiġu rranġati u mtejba deċiżjonijiet tal-passat u biex jinħoloq futur aħjar għar-residenti.

Il-Prim Ministru saħaq kif dan il-proġett jimxi id f’id ma’ inizjattivi oħrajn li qed jieħu l-Gvern f’din il-lokalità, bħal dak tar-riġenerazzjoni tal-Promenade ta’ Birżebbuġa, li se jitwettaq b’investiment ta’ €12-il miljun u li mistenni jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla, proġett li se jkun qed jagħti lill-poplu ħames spazji miftuħa ġodda.

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia rrimarka kif in-Nofsinhar ta’ Malta, permezz ta’ dan il-proġett għall-ewwel darba għandu pixxina li tista’ tintuża s-sena kollha u mhux fix-xhur tas-sajf biss. Kompla jgħid li dan l-investiment se jkun servizz ġdid għar-residenti Birżebbuġin u dawk tal-madwar li jkollhom bżonn jużaw il-pixxina bħala mezz terapewtiku.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia saħaq kif fl-aħħar xhur id-Dipartiment tax-Xogħlijiet, id f’id mal-Kunsill Lokali u l-għaqdiet tal-lokal ħadem qatigħ biex isiru numru ta’ proġett li jiggarantixxu kwalità ta’ ħajja aħjar u ambjent isbaħ u aktar sigur għall-komunità ta’ Birżebbuġa u r-residenti tal-madwar. “Dan l-impenn ser ikompli jissaħħaħ, hekk kif il-bidu tas-sena li ġejja, apparti li tibda r-riġenerazzjoni tal-Promenade ta’ Birżebbuġa hemm ukoll il-bini ta’ post ġdid għall-klabb tar-regatta. Dawn huma proġetti li se jfissru investiment dirett fir-residenti.”

PR252102

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza konferenza ta’ KPMG u Property Malta

Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, il-first-time u s-second-time buyers frankaw mad-€69 miljun f’taxxa tal-boll fuq xiri tal-proprjetà. Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza organizzata minn KPMG u Property Malta. F’indirizz li għamel fil-bidu tal-konferenza, il-Prim Ministru rrimarka għal skemi b’saħħithom li daħħal il-Gvern biex kompla jgħin aktar nies, fosthom żgħażagħ, isiru sidien ta’ darhom. Qal li bl-iskema tat-taxxa preferenzjali tal-boll, fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena gawdew aktar minn disat elef familja li frankaw mal-qrib it-€8,000 kull wieħed bħala medja.

Il-Prim Ministru fakkar li fil-Budget tħabbar it-twessigħ tal-iskema equity sharing fejn issa żgħażagħ minn 25 sena ’l fuq jistgħu jgawdu minnha flok minn 30 sena. B’din l-iskema l-Gvern joħroġ nofs is-somma tal-proprjetà u x-xerrej irid jifdi s-somma sa 20 sena wara. Il-limitu tal-proprjetà għola għal €350,000. Din l-iskema hi fost oħrajn li jeżistu fejn il-Gvern qed jgħin favur akkomodazzjoni affordabbli. Skemi oħra jinkludu l-għotja ta’ €10,000 lill-first-time buyers, l-għotjiet b’saħħithom għal min jinvesti fi proprjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana u r-rifużjoni tal-VAT għar-rinovazzjoni tal-proprjetà. Fakkar ukoll li min jinvesti fi proprjetà b’enerġija effiċjenti bi prattiċi sostenibbli jista’ jirċievi għotja oħra sa €9,000.

Il-Prim Ministru rrefera għal studju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li jgħid li huma biss kwart tas-sidien ta’ darhom f’pajjiżna li għad fadlilhom xi self biex iħallsu filwaqt li fl-Ewropa r-rata hija ta’ tliet kwarti tas-sidien ta’ darhom. Spjega wkoll li żewġ terzi bl-inqas dħul xorta huma sidien ta’ darhom f’pajjiżna kontra n-nofs ta’ dawk bl-inqas dħul fl-Ewropa.

Dr Abela semma wkoll kif il-Gvern kompla jinvesti fil-familji frott is-saħħa ekonomika li għandu l-pajjiż fosthom b’tax cut wara l-oħra li żżid il-pagi tan-nies. Qal li statistika tal-EUROSTAT turi biċ-ċar li l-paga medja f’pajjiżna fl-aħħar ħames snin żdiedet b’aktar miż-żieda kollha li kienet seħħet bejn is-sena 2000 u s-sena 2012. Din tfisser żieda ta’ aktar minn €6,600 fis-sena. Dan fl-istess waqt li l-qgħad niżel fl-inqas livelli storiċi. 

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll kif l-ekonomija Maltija qed tingħata ċertifikati eċċellenti fosthom mill-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). Il-Prim Ministru qal li l-IMF qed jgħid li Malta se jkollha l-aktar ekonomija dinamika fl-Ewropa sal-2030. Qal li s-saħħa ekonomika tagħti l-opportunità lill-Gvern ikompli jinvesti u jagħtu futur isbaħ lill-familji.

Fl-istess konferenza tkellem il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard. Dr Attard tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern biex jittrasforma s-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà f’mudell ta’ eċċellenza, sostenibbiltà u fiduċja. Sostna li s-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà mhux biss huwa pilastru tal-ekonomija Maltija, iżda element kruċjali fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu. “Il-progress ma jistax jitkejjel biss bin-numri, iżda bil-kwalità, is-sigurtà, is-sostenibbiltà u t-trasparenza,” qal il-Ministru. Ir-rapport ta’ KPMG ppreżentat waqt il-konferenza jikkonferma l-importanza strateġika tas-settur, li jġib miegħu responsabbiltà akbar biex l-industrija topera b’integrità u professjonalità. Fisser bħala inizjattiva storika il-ħidma li se twassal il-ħolqien tal-ewwel Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, li se jintroduċi standards ċari u infurzabbli għas-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-kwalità.  Il-Ministru enfasizza li s-sostenibbiltà tibqa’ fil-qalba tal-viżjoni tal-Gvern. Skemi bħall-Irrinova Darek u Ixtri Propjetà Sostenibbli se jkomplu jiġu sostnuti, flimkien ma’ żewġ skemi ġodda għas-sena d-dieħla. Dr Attard irringrazzja lill-istakeholders kollha għall-impenn tagħhom biex jissaħħaħ id-djalogu u l-professjonalità fis-settur.

PR252098

Il-Gvern bi proġett ta’ rikostruzzjoni ta’ 100 triq f’Għawdex

Hekk kif is-saħħa ekonomika f’Għawdex kompliet tikber, il-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex tibqa’ li jkompli jtejjeb l-infrastruttura ta’ Għawdex . Matul din is-sena, il-Gvern kompla jinvesti b’mod sostanzjali fl-infrastruttura tat-toroq Għawdxin. Dan sabiex titnaqqas il-konġestjoni miċ-ċentru storiku tar-Rabat, jitlestew it-toroq ta’ taħt iċ-Ċittadella u l-arterja ġdida li tgħaqqad Triq Fortunato Mizzi ma’ Triq Marsalforn, fost proġetti oħra ta’ modernizzar tat-toroq.

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żaru wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali fit-toroq Għawdxin, Triq Marsalforn, waħda mill-itwal u l-aktar arterji importanti li jgħaqqdu r-Rabat ma’ Marsalforn. Din it-triq tinsab fi stadju avvanzat ta’ rikostruzzjoni bħala parti minn programm tat-titjib infrastrutturali li qed jitwettaq f’Għawdex.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru tkellem iżjed fuq il-programm ambizzjuż ta’ rikostruzzjoni ta’ 100 triq madwar Għawdex, li se jġib titjib sinifikanti fil-konnettività tal-gżira. Din l-inizjattiva se tinkludi wkoll toroq arterjali fin-Nadur, il-Qala u r-Rabat, kif imħabbar fil-Budget.

Triq Marsalforn, li fiha madwar erba’ kilometri, qed tingħata diversi servizzi ġodda, inkluż dak tal-ilma u drenaġġ, servizz ta’ new water għall-bdiewa, mod ġdid tal-immaniġġjar tal-ilma tax-xita u sistema ġdid tad-dawl sabiex takkomoda ż-żieda fid-domanda għal Marsalforn. Dan il-proġett qed jitwettaq b’attenzjoni partikolari lejn l-ambjent u s-siti arkeoloġiċi fil-madwar, b’pjan li jħares siġar eżistenti, jintegra spazji ħodor ġodda u jnaqqas l-impatt fuq l-art naturali. Il-proġett qed isir f’żoni sensittivi arkeoloġikament, fejn instabu fdalijiet storiċi li jmorru lura għall-ewwel port ta’ Marsalforn.

L-ewwel fażi, il-bypass Ġorġ Pisani, b’tul ta’ nofs kilometru, diġà nfetħet għall-vetturi, u qed tnaqqas b’mod drastiku l-ħtieġa li l-vetturi jgħaddu miċ-ċentru tar-Rabat. Din tinkludi wkoll pont ġdid fuq il-wied ta’ Karawendi, strutturi sħaħ ta’ storm water ġodda u l-preservazzjoni ta’ barriera antika li nbidlet f’ġibjun għall-ilma tax-xita. Ix-xogħol għaddej fi tliet żoni tat-triq, fl-istess ħin, biex il-proġett jibqa’ għaddej b’ritmu mgħaġġel.

Fiż-żona tal-Knisja tal-Kapuċċini, se jsir titjib totali tal-junction, inkluż bankini ġodda u żoni ħodor biex tinħoloq pjazza pubblika, aktar organizzata u aktar sigura. Il-proġett qed jitwettaq f’kollaborazzjoni ma’ Din l-Art Ħelwa, u qed jiffoka fuq il-bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent. Tul it-triq se jitħawlu madwar 300 siġra indiġena matura, filwaqt li aktar minn 200 siġra oħra se jkunu salvati.