Month: November 2025

PR251970

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, żar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS) f’Pembroke fejn iltaqa’ mal-istudenti li jattendu din l-iskola sabiex jispeċjalizzaw fid-dixxiplini sportivi tagħhom. L-NSS hija skola sekondarja li tgħaqqad l-edukazzjoni akkademika mat-taħriġ sportiv ta’ livell għoli, bil-għan li tiżviluppa l-atleti żgħażagħ Maltin sabiex jilħqu livell professjonali fid-dixxiplina sportiva tagħhom. Din l-skola għandha total ta’ 241 student u toffri taħriġ f’21 dixxiplina sportiva.

Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru Abela kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ studenti li kisbu riżultati barra minn xtutna, fosthom Sophie St John li bħalissa qed tagħmel suċċess fil-ġinnastika. Din l-iskola kienet strumentali sabiex atleti bħall-għawwiema Sasha Gatt li ħadet sehem fl-Olimpjadi u l-player tal-futbol Hailey Bugeja li tilgħab fis-Serie A fl-Italja waslu f’dan il-livelliprofessjonali. Dawn il-kisbiet huma xhieda li pajjiżna kapaċi jkollu atleti ta’ livell għoli bħal kull pajjiż ieħor.

Matul diskussjonijiet mal-edukaturi u t-tmexxija tal-iskola, il-Prim Ministru tkellem dwar l-investiment sinifikanti tal-Gvern fl-edukazzjoni u l-isport. Huwa semma kif fil-Budget ta’ din is-sena, il-Gvern qed jippjana li jinvesti aktar minn €13-il miljun bħala parti mill-EDU Infrastructure Programme, biex isaħħaħ l-infrastruttura u jsir ir-rinnovar fil-kulleġġi filwaqt li joħloqspazji edukattivi moderni u inklużivi. F’dan il-kuntest, huwa semma wkoll l-estensjoni tal-iskema tal-gym b’xejn għaż-żgħażagħ, li issa qed tinkludi wkoll żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena.

Il-Prim Ministru spejga wkoll kif sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu tqassmu madwar 20,000 apparat diġitali lill-istudenti tas-snin 4, 7, 8 u 9 biex jiġi assigurat aċċess ugwali għat-teknoloġija. Barra minn hekk, il-Gvern se jipprovdi għajnuna finanzjarja ta’ €500 lill-familji kollha li għandhom studenti fis-Sena 10 u 11 biex ikompli jsaħħaħ l-Istrateġija Diġitali għall-Edukazzjoni.

Inizjattivi bħall-espansjoni tal-proġett tal-Handball Pavilion f’kumpless sportiv multifunzjonali u l-ftuħ uffiċjali ta’ faċilitajiet ġodda bħall-Marsa Sports Complex u ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke, juru l-impenn tal-Gvern biex jippromwovi l-attività fiżika u l-edukazzjoni ħolistika.

PR251962

Aktar minn 280,000 ħaddiem bdew jirċievu għotja oħra għat-tmien sena konsekuttiva. Dan huwa ċekk għall-ħaddiema biex il-Gvern ikompli jippremja l-bżulija. Għotja ta’ bejn €60 u €140 għall-ħaddiema li kienu f’impjieg fl-2023. B’kollox, għal din l-għotja, fuq medda ta’ tmien snin, il-Gvern se jkun investa ftit aktar minn €158 miljun.

Din l-għotja hija addizzjonali għall-investiment li qed isir fil-ħaddiema bl-akbar rati ta’ tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema kollha. Tax cut għall-ħaddiema kollha li tfisser li minn tal-inqas kull ħaddiem ma jħallasx taxxa fuq l-ewwel €1,000 fix-xahar li jaqla’.

Il-Gvern ħabbar ukoll Budget għas-sena d-dieħla li fih se jnaqqas iżjed it-taxxa għall-ħaddiema ġenituri fejn familja b’żewġ ġenituri u żewġt itfal b’paga sa €30,000 kull ġenitur mhux se tħallas ċenteżmu taxxa mill-2028 għal kwart ta’ seklu. Ġenituri ħaddiema anki b’wild wieħed se jgawdu b’mod saħħtu t-tnaqqis fit-taxxa. Fil-fatt dawk b’wild wieħed mhux se jħallsu taxxa fuq l-ewwel €1,500 fix-xahar li jaqilgħu u dawk b’żewġ ulied, ma jħallsux taxxa fuq l-ewwel €2,500 fix-xahar li jaqilgħu.

Il-Gvern baqa’ jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema u l-familji fi żmien li pajjiżi lil hinn minn Malta qed jaffaċċjaw sfidi bla preċedent u Gvernijiet fl-Ewropa qed ikunu kostretti jimponu l-awsterità. Min-naħa l-oħra, frott ekonomija b’saħħitha li tagħti garanzija għal uliedna, il-Gvern Malti mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela qed ikompli jinċentiva s-settur tax-xogħol favur ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità u li jrendu. Fil-fatt il-Budget 2026 se jinċentiva wkoll lin-negozji billi ġew introdotti skemi li bihom jissussidja sa 80% taż-żidiet fil-pagi, sa €960 fis-sena, li min iħaddem jagħti lil ħaddiema li ilhom jaħdmu miegħu aktar minn erba’ snin f’Għawdex u l-istess għall-ħaddiema f’kumpaniji f’Malta b’sussidju sa 60% taż-żieda fil-paga, sa massimu ta’ €780 fis-sena.

Il-Gvern isostni li se jkompli jippremja l-bżulija tal-ħaddiema b’miżuri mmirati li jkomplu jżidu d-dħul tagħhom wara li huma l-kontributuri ewlenin għas-suċċess ta’ pajjiżna.

PR251961

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, żar is-swali tal-operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei biex jara mil-qrib kif l-investiment rekord li l-Gvern qed jagħmel fis-settur tas-saħħa qed iwassal għal aktar interventi u servizzi aħjar għall-pazjenti Maltin u Għawdxin.

Matul iż-żjara tiegħu fit-taqsima tal-Operating Theatres, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ pazjenti li kienu se jiġu operati matul il-jum. Hawnhekk ukoll żar il-kirurgi waqt li kienu lesti biex jibdew iwettqu l-interventi tal-ġurnata, filwaqt li ra mill-qrib l-apparat robotiku kirurġiku li permezz tal-investiment tiegħu qed jonqsu r-rati ta’ kumplikazzjonijiet u ż-żmien tal-irkupru. Waqt din iż-żjara il-Prim Ministru żar ukoll il-binja tal-amministrazzjoni tal-isptar li bħalissa tinsab taħt manutenzjoni u tibdil intensiv biex minn binja bl-uffiċini tinbidel għal żewg swali b’47 sodda.

Fl-aħħar sena, in-numru ta’ operazzjonijiet żdied b’rata kbira grazzi għall-investiment fil-kirurġija robotika u fis-sistema ta’ outsourcing mal-isptarijiet privati. Fl-2025, l-interventi bħal dawk tal-hip u knee replacements żdiedu b’mod qawwi. L-interventi ta’ knee replacements biss żdiedu għal 890 meta mqabbla ma’ 390 fl-2024, filwaqt li l-interventi tal-endoskopija  laħqu aktar minn 13,000, żieda ta’ kważi 2,400 fuq is-sena ta’ qabel. Dan grazzi għall-introduzzjoni ta’ proċeduri avvanzati bħal Capsule Endoscopy, li permezz ta’ kapsula tippermetti li jittieħdu ritratti tal-intern mingħajr ebda uġigħ jew loppju.

Dawn l-avvanzi kollha setgħu isiru grazzi għal investiment mill-Gvern fis-settur tas-saħħa. Is-sena l-oħra il-Gvern investa €14-il miljun f’sistema ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat li rriżultat fit tnaqqasi tal-istennija tal-pazjenti għal diversi tipi ta’ interventi, fosthom tal-għadam, tal-ftuq, u dawk radjoloġiċi bħall-CT u MRI scans. Bil-Budget għas-sena d-dieħla, l-investiment kapitalifis-saħħa se jiżdied għal €107 miljun, żieda ta’ 4% fuq din is-sena. Dan hekk kif il-Gvern se jibda tliet proġetti kbar: sptar ta’ 300 sodda f’San Vinċenz de Paul, sptar ġdid għas-saħħa mentali u l-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal: “L-investiment bla preċedent fil-qasam tas-saħħa hu xhieda konkreta ta’ Gvern li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Għall kull operazzjoni oħra li jirnexxilena nżidu, għall kull pazjent li jirkupra aktar malajr, nkunu qed nagħtu ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.” Huwa faħħar il-professjonisti kollha għax-xogħol li jwettqu ta’ kuljum biex is-sistema tas-saħħa Maltija tibqa’ toffri l-aqwa servizz.

PR251951

Il-Prim Ministru Robert Abela jinnota kif Tribunal reputabbli xejjen il-gidba tal-€400 miljun

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar id-deċiżjoni tal-Arbitraġġ Internazzjonali tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li b’ħila, b’kompetenza u b’għarfien tas-suġġett, il-Gvern Malti rnexxielu jiddefendi l-interessi ta’ pajjiżna. Dan wara li l-interessi ta’ Malta ipprevalew fil-proċeduri kontra Steward Healthcare.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif wara li sentejn u nofs ilu kien hemm is-sentenza tal-Prim Awla Ċivili li ħassret il-konċessjoni tal-isptarijiet, il-Gvern daħal minnufih fil-pussess tal-isptarijiet, qabel ma’ fl-istadju tal-appell tal-Qorti Maltija irrifurmat is-sentenza inizjali.

Il-Prim Ministru nnota li t-Tribuna xejjen għal kollox dak li ngħad mill-Oppożizzjoni, li Steward Healthcare kienu ħarbu minn Malta b’€400 miljun u l-Gvern ta’ Malta ħallashom ta’ servizz li ma għamlux. Dr Abela qal li t-Tribunal, bl-esperti tekniċi tiegħu għamel eżerċizzju li bih eżamina x’ħallas il-Gvern lil Steward Healthcare u x’ta lura f’servizz Steward Healthcare. Hawn it-Tribunal iddikjara li l-Istat Malti ħa l-valur ġust ta’ dak li ħallas.

Il-Prim Ministru Robert Abela għalhekk spjega li t-Tribunal ikkonkluda li l-konċessjonarju ta b’aktar servizzi milli ġew imħallsa u meta wieħed iqis ukoll spejjeż li għandu jirrifondi Steward Healthcare favur l-Istat Malti, id-differenza dovuta għall-kumpanija hija ta’ ftit aktar minn erba’ miljun u nofs ewro.

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru rrimarka wkoll li l-Gvern ġie espost li għax ħassar il-konċessjoni wara l-ewwel deċiżjoni tal-Qorti Maltija, saret talba minn Steward li tlaħħaq il-€148 miljun biex titħallas mill-Gvern. Dik it-talba ġiet miċħuda mit-Tribunal u għalhekk il-Gvern Malti mhu se jħallas xejn minn din is-somma.

Dr Abela fakkar li t-Tribunal tal-ogħla kalibru b’reputazzjoni internazzjonali llum ta deċiżjoni awtorevoli fuq ukoll Oppożizzjoni li biegħet falsità li baqgħet tirrepetiha bit-tama li titwemmen. Saħaq li b’differenza, il-Gvern iddefenda l-interessi nazzjonali u hekk se jibqa’ jagħmel.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ta elenku għal dak li wettqet din l-amministrazzjoni biex kompliet tiddefendi l-interess nazzjonali. Il-Ministru sostna li d-deċiżjoni tal-lum mhijiex biss eżitu ta’ natura legali iżda wkoll ċertifikat favur il-governanza t-tajba li biha jgawdi l-poplu Malti. Fakkar kif f’nofs proċeduri quddiem Arbitraġġ Internazzjonali, l-Oppożizzjoni għamlet proċess biex diżnatura l-irwol tal-Avukat tal-Istat billi ħadet it-triq tal-irresponsabbiltà u fetħet kawża biex l-Avukat tal-Istat ifittex nies bħall-Prim Ministru u Ministri fil-Kabinett. Dr Attard ingħaqad mal-Prim Ministru u rringrazzja lit-tim legali li ħadem b’impenn sħiħ favur l-interessi tal-Istat Malti.

PR251947

Il-Gvern jirnexxi fid-difiża tiegħu u l-pożizzjoni ewlenija tiegħu tiġi kkonfermata mill-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ

Il-Gvern ta’ Malta tard dalgħodu rċieva kopja tas-sentenza maħruġa mit-tribunal ta’ arbitraġġ fir-rigward tal-proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali li jinvolvu lil Steward Healthcare, deċiża taħt ir-Regoli tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC).

It-tribunal laqa’ d-difiża prinċipali tal-Gvern u ċaħad it-talba kuntrattwali ta’ Steward Healthcare li kienet ta’ madwar €148 miljun.

It-tribunal ta’ arbitraġġ ċaħad it-talbiet ta’ Steward u applika l-prinċipji tar-restituzzjoni skont il-Liġi Maltija. Ma ngħatawx danni lil ebda waħda mill-partijiet. It-tribunal rrikonoxxa li Malta rċeviet valur ġust għas-servizzi mwettqa minn Steward u għall-ħlasijiet li saru mill-Gvern ta’ Malta taħt il-konċessjoni.

Skont is-sentenza tal-ICC, il-benefiċċji totali li rċieva l-Gvern ta’ Malta jammontaw għal €889,434,091, filwaqt li dawk li rċeviet Steward Healthcare jammontaw għal €884,644,629, b’differenza ta’ €4.78 miljun li huma dovuti lil Steward Healthcare.

It-tribunal tal-ICC ċaħad ukoll it-talba ta’ Steward li l-Gvern ta’ Malta temm il-konċessjoni b’mod illegali jew li kien dovuti kumpens kuntrattwali.

Il-Gvern ta’ Malta se jkompli jevalwa d-deċiżjoni sħiħa flimkien mal-Avukat tal-Istat u l-konsulenti legali tiegħu sabiex jikkunsidra l-implikazzjonijiet legali tas-sentenza.

Ir-riżultat ta’ dawn il-proċeduri ta’ arbitraġġ jikkonferma l-pożizzjoni tal-Gvern biex jipproteġi l-interess nazzjonali u jiżgura li r-riżorsi pubbliċi jibqgħu jiġu amministrati fl-aħjar interess taċ-ċittadini Maltin.

Il-Gvern ta’ Malta jirringrazzja lill-impjegati pubbliċi u lill-konsulenti legali li taw is-sehem tagħhom biex isalvagwardjaw l-interess pubbliku f’dan il-każ.

Aktar informazzjoni tingħata hekk kif it-tim legali tal-Gvern itemm l-analiżi tiegħu tal-konklużjonijiet dettaljati tat-tribunal.