Il-Ġimgħa filgħodu, fil-Berġa ta’ Kastilja ġie ffirmat l-aqwa ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li minnu se jgawdu 33,000 ħaddiem permezz ta’ żidiet sostanzjali fil-pagi u titjib qawwi fil-kundizzjonijiet. Dan il-ftehim jagħti żidiet apparti dak li diġà ngħataw ħaddiema tas-Servizz Pubbliku fuq livell settorjali.
Dan il-ftehim jidħol fis-seħħ mill-bidu tas-sena d-dieħla sas-sena 2030 u se jiġu investiti għalih €1.270 biljun, hekk kif ikopri żidiet fil-pagi, żidiet f’allowances ġodda u l-introduzzjoni ta’ allowances oħrajn. Permezz ta’ dan il-ftehim ukoll, l-impjegati li mhumiex fuq il-massimu tal-iskala rispettiva tagħhom ikunu intitolati wkoll għall-increments. Filwaqt li l-inqas skala tal-Gvern kienet €500 fuq il-paga minima, issa permezz ta’ dan il-ftehim ġiet €1,200 ’il fuq mill-paga minima.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif dan il-ftehim jibni fuq iż-żidiet u l-investiment qawwi fil-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku permezz ta’ ftehimiet settorjali li diġà ġew iffirmati fl-aħħar xhur u snin, fosthom mal-edukaturi, l-infermiera u l-qwiebel, il-Pulizija u l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.
“Dan huwa Gvern li jwettaq. Mhux li jehda fil-kliem u d-diskorsi. Iżda li jaħdem biex jieħu d-deċiżjonijiet li jbiddlu għall-aħjar il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u l-Maltin kollha. Ħidma importanti li saret biex wasalna għal dan il-ftehim mal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li dejjem kienu hemm fil-mument tal-prova,” tenna l-Prim Ministru, li għal darb’oħra rrimarka kif dan il-ftehim ta’ investiment fil-ħaddiema huwa possibbli grazzi għall-ekonomija b’saħħitha li għandu pajjiżna.
Dr Abela sostna kif is-Servizz Pubbliku huwa mutur biex nibqgħu noffru s-servizzi kollha li nagħtu bħala Gvern għan-nies u b’hekk se jkun pedina importanti fit-twettiq tal-Viżjoni Malta 2050 fejn irridu naraw qabża fil-kwalità f’tant oqsma kruċjali.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal illi l-ftehim li ġie ffirmat illum mhux se jkun qed jieħu post il-ftehimiet settorjali diġà ffirmati imma se jkun qed jikkumplimentahom. “Dan huwa ftehim li se jkun qed idaħħal kunċetti ġodda bħall-introduzzjoni tal-Long Service Bonus, kif ukoll żidiet bla preċedent fis-salarji, allowances u rata ta’ ħlas ta’ overtime,” qal Sultana.
Żied isostni li dan il-ftehim qed iħares lil hinn mill-aspett finanzjarju b’enfasi prattika fuq il-bilanċ tal-impjegati bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, is-saħħa mentali u inizjattivi sostenibbli. Il-Kap tas-Servizz Pubbliku temm jgħid li għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku dan huwa mument storiku biex inkomplu intejbu, inbiddlu u nimmodernizzaw lis-Servizz Pubbliku sabiex nagħtu servizz dejjem aħjar u ta’ aktar kwalità għall-ġid ta’ pajjiżna.
Flimkien mal-Prim Ministru u l-Kap tas-Servizz Pubbliku, attendew ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar, flimkien mat-tmexxija tal-għaxar unjins involuti f’dan il-ftehim
Recent Comments