Month: August 2024

PR241381

B’referenza għal rappurtaġġ ippubblikat illum rigward allegati irregolaritajiet fi ħdan il-LESA u li jiffurmaw il-mertu ta’ rikors biex tinbeda inkjesta dwar l-in genere, il-Prim Ministru Robert Abela jiċħad u jinnega bl-aktar mod assolut u kategoriku dak li ġie rrappurtat li hu kontenut fir-rikors (li mhuwiex għad-dispożizzjoni tal-Prim Ministru), u ċioè li l-Prim Ministru kien konxju ta’ dawn l-allegati irregolaritajiet u m’għamel xejn biex iwaqqafhom.

Din hi gidba u dikjarazzjoni falza mill-aktar faħxija li saret minn min ressaq ir-rikors promotur, u abbuż sfaċċat tas-salvagwardji li jagħti dokument ġudizzjarju. Daqstant ieħor u in kwantu jikkonċerna lilu, il-Prim Ministru Robert Abela jagħmilha ċara illi hu kodard u beżżiegħ min iressaq atti ġudizzjarji malizzjużi li jikkontjenu allegazzjonijiet foloz bl-iskop uniku li xi tajn forsi jeħel, u jinqeda bis-segretezza ta’ inkjesta biex dak li jkun ma jkollux l-opportunità li jirribatti pubblikament.

Il-Prim Ministru Robert Abela hu assoċjat ma’ riformi kbar li seħħew fil-qasam tal-governanza tajba u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, biex ikollhom aktar saħħa li jipprevjenu u jaġixxu kontra min iwettaq irregolaritajiet. Għall-kuntrarju, min ressaq ir-rikors jibqa’ assoċjat ma’ episodji li fuqhom tkellem b’mod iebes fost oħrajn l-Awditur Ġenerali u li ma għandhom xejn mill-governanza t-tajba. 

PR241370

Pajjiżna se jkompli jagħti inċentivi li qed jagħtu riżultati li jwasslu għall-ħolqien ta’ start-ups innovattivi li joffru karrieri ta’ kwalità partikolarment għaż-żgħażagħ u l-familji bi dħul b’saħħtu. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara fl-uffiċini tal-kumpaniji Maltin Scope Solutions Malta u Dedaub, li jaħdmu minn ġewwa l-Malta Life Sciences Park f’San Ġwann u li kienu bdew bħala start-ups. Scope Solutions taħdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u Dedaub fil-Blockchain. Il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ numru ta’ ħaddiema filwaqt li tkellem ukoll mat-tmexxija taż-żewġ kumpaniji fejn hemm ingħata spjegazzjoni tax-xogħol li jwettqu.

Filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri ngħata dettalji dwar il-vjaġġ li wassal għall-ħolqien ta’ dawn il-kumpaniji u r-realtajiet li affaċċjaw hekk kif ibbażaw lilhom infushom fl-oqsma rispettivi tagħhom, huwa ġie mgħarraf ukoll li ż-żewġ kumpaniji qed jippjanaw li jespandu u jkabbru l-operat tagħhom barra minn xtutna.

“L-esperjenzi ta’ start-ups u eventwalment scale-ups differenti juru li l-investiment li qed isir bi skemi t’appoġġ mill-Malta Enterprise huma importanti biex aktar żgħażagħ jimirħu fl-ideat ambizzjużi li jwasslu għall-ħolqien ta’ kumpaniji innovattivi li jagħtu opportunitajiet u karrieri lil anki żgħażagħ oħra”, qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jisħaq fuq direzzjoni li ta l-Gvern għal tkabbir favur kwalità u mhux kwantià f’oqsma li jistgħu jsaħħu l-valur miżjud tal-ekonomija Maltija. Hawn faħħar ukoll is-sens ta’ imprenditorjat taż-żewġ kumpaniji Maltin li kienu determinati li joħolqu operat innovattiv u llum taw karrieri ta’ kwalità lil ħaddiema oħrajn.

Scope Solutions tipprovdi s-servizzi tagħha għal kumpaniji f’diversi setturi fosthom accounting, gaming, servizzi tekniċi, servizzi professjonali, mediċina u ħafna oħrajn. Dan billi tipprovdi servizzi tal-operat ta’ kuljum għall-kumpaniji fosthom accounting software, pagi, workforce management, u e-commerce. Dawn is-servizzi jitfasslu wkoll skont il-bżonnijiet tal-kumpaniji permezz ta’ cloud software. Dan jagħmilha possibbli biex is-servizzi jiġu aċċessati mill-internet u b’hekk tiżdied il-flessibiltà u l-aċċessibiltà. Din il-kumpanija mhux biss hija bbażata f’Malta imma wkoll fl-Emirati Għarab Magħquda. Apparti minn hekk it-tmexxija ta’ Scope Solutions ddeċidiet li tespandi f’Ċipru u llum tħaddem aktar minn 40 persuna. Din il-kumpanija gawdiet ukoll minn assistenza permezz ta’ skemi tal-Malta Enterprise, primarjament l-iskema Micro Invest, Strengthening Market Entry u Investment Aid Tax Credits.

Il-kumpanija Dedaub min-naħa l-oħra tibbaża x-xogħol tagħha fil-qasam tal-Blockchain. Hija tingħata kuntratti ta’ xogħol sabiex tevalwa proġetti magħmula fuq il-blockchain magħrufa aħjar bħala smart contracts. Fl-evalwazzjoni tagħhom fost oħrajn isir proċess ta’ awditjar sabiex jiġi assigurat is-sigurtà ta’ dawn il-kuntratti. Apparti minn hekk, Dedaub ħolqot ukoll numru ta’ prodotti u servizzi li jgħinu jżidu s-sigurtà f’dawn it-tip ta’ smart contracts. Il-kumpanija tħaddem aktar minn 25 persuna u mistennija tkabbar l-operat tagħha wkoll f’Ateni.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri nnota kif kumpaniji u start-ups se jkollhom l-opportunità jesebixxu x-xogħol tagħhom waqt Start-up-Festival u Techxpo li se jkunu organizzati mill-Ministeru bejn is-17 u d-19 ta’ Ottubru li ġej fl-MFCC Ta’ Qali. Qal li anki b’work-shops prattiċi għall-fundaturi ta’ start-ups, se jkun hemm opportunitajiet li l-ideat innovattivi fuq il-karta jsiru realtà b’laqgħat anki ma’ investituri.

PR241357

B’referenza għal rappurtaġġ ta’ aktar kmieni llum fejn ġie falsament allegat li l-Prim Ministru Robert Abela ta struzzjoni lil xi Uffiċjali tal-Pulizija biex ma jinterrogawx persuni li ġew indizzjati fl-inkjesta maġisterjali dwar konċessjoni lil Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare, il-Prim Ministru jiċħad kategorikament u bl-aktar mod assolut li qatt ta xi direzzjoni simili għal kif ġie malizzjożament irrappurtat. Dan ukoll bla ma mqar saret verifika mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru qabel ġie ppubblikat ir-rappurtaġġ, li juri kemm l-intenzjoni ma kinitx ta’ rappurtaġġ fattwali u veritier.

Id-deċiżjonijiet dwar min jiġi interrogat jew le, u dwar min jitressaq quddiem il-qorti ta’ ġuriżdizzjoni kriminali jew le huma esklussivament f’idejn il-Pulizija Eżekuttiva u l-Avukat Ġenerali, u l-Prim Ministru kien kompletament estraneju għal dawn id-deċizjonijiet li ttieħdu, u bl-ebda mod ma ndaħal fil-funzjonijiet tal-istituzzjonijiet imsemmija.

Pajjiżna taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela għadda minn sensiela ta’ riformi favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt fejn istituzzjonijiet differenti jaħdmu b’mod awtonomu u mingħajr biża’ jew favur. Riformi li twettqu u qed ikomplu jitwettqu ġew rikonoxxuti minn istituzzjonijiet Ewropej tant li fl-aħħar rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea nnutat titjib u żvilupp notevoli fit-tishih tas-saltna tad-dritt. Dan wara snin twal minn amministrazzjonijiet preċedenti fejn ix-xejn u n-nolle prosequi arbitrarju kien ir-regola u l-Gvern kien anke jispiċċa fl-interrogation room tad-Depot.

Għall-kuntrarju, il-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ impenjat li jkompli jsaħħaħ is-saltna tad-dritt u jinvesti fir-riżorsi tal-Korp tal-Pulizija biex dan ikompli jsaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività fl-operat indipendenti tiegħu u mingħajr indħil.