Month: July 2025

PR251369

Fil-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq, il-Prim Ministru Robert Abela żar sessjoni ta’ taħriġ tal-atleta Neil Agius qabel l-isfida tiegħu ‘The Gozo 7’ bejn il-31 ta’ Awwissu u s-6 ta’ Settembru li ġej.

Din l-inizjattiva se tinvolvi għawma ta’ 15-il siegħa kuljum li jkopru 42 kilometru, għal sebat ijiem konsekuttivi madwar il-gżira Għawdxija.

F’kelmtejn ma’ xulxin, Robert Abela u Neil Agius iddiskutew il-preparamenti intensivi li għaddejjin bħalissa, fejn l-atleta Malti qed iħejji ruħu għas-sitwazzjonijiet li se jsib fil-baħar u qed jaħdem ħafna fuq in-nifs li se jkun kruċjali biex jirnexxi fil-mira tiegħu.

Saħqu li attività bħal din tressaq lin-nies iktar viċin il-kunċett ta’ motivazzjoni favur ħajja sana.

Neil Agius qal li l-isfida hija diffiċli ħafna iżda jaf li biha se jkun qed iżid l-interess tal-poplu fl-attività fiżika u s-saħħa mentali. Semma wkoll li hija l-intenzjoni tiegħu li b’din l-għawma jagħti prominenza lill-gżira Għawdxija.

Filwaqt li faħħar l-impenn tal-atleta Malti, Dr Abela qal li messaġġ ieħor importanti favur ħajja sana hija n-nutrizzjoni li fi kliemu trid tingħata iktar importanza.

Qablu li l-ikel huwa l-bażi tal-iżvilupp tal-persuna, għaliex meta tiekol aħjar se tistrieħ aħjar, tkun aktar b’saħħtek u tibqa’ ffukat matul il-ġurnata kollha.

Neil Agius irringrazzja lill-Prim Ministru tal-interess li dejjem juri fix-xogħol u l-inizjattivi tiegħu.

PR251330

Il-Gvern ta’ Malta jesprimi s-sogħba għall-mewt tar-raġel tal-President ta’ Malta, in-Nutar Anthony Spiteri Debono.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser lil Dr Spiteri Debono bħala bniedem ġentlom u li fih kienet tispikka l-umiltà.

F’isem il-Gvern, Dr Abela ta l-kondoljanzi lill-għeżeż ta’ Dr Spiteri Debono u lill-President ta’ Malta l-E.T. Myriam Spiteri Debono, f’dan il-mument diffiċli.

PR251325

Skont l-artikolu 49 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jaħtar lil Dr Helena Dalli bħala Aġent President tar-Repubblika ta’ Malta meta l-President ta’ Malta, l-E.T. Dr Myriam Spiteri Debono tkun fost oħrajn assenti minn Malta.

Dan qed isir ai termini tal-istess artikolu msemmi u b’konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Dr Helena Dalli ġiet eletta fil-Parlament Malti sa mill-1996 u f’kull leġislatura, sa dik li bdiet fl-2017. Fost oħrajn hija kienet Ministru għar-Relazzjonijiet Industrijali, għall-Affarijiet Ewropej, għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili fejn mill-2013 ’il quddiem kienet katalista ewlenija li mbuttat bosta riformi u l-introduzzjoni ta’ numru ta’ drittijiet ċivili li ħallew impatt pożittiv fuq is-soċjetà fosthom gruppi tal-minoritajiet. 

Fl-2019 hija nħatret bħala l-ewwel Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza fejn kienet strumentali fit-tfassil ta’ strateġiji u liġijiet Ewropej biex l-Unjoni Ewropea tersaq aktar lejn Unjoni ta’ Ugwaljanza. Dr Dalli kienet għal bosta snin lettur fl-Università ta’ Malta tgħallem is-Soċjoloġija tal-Liġi. Hija kienet l-ewwel mara Maltija li nħatret fil-Kummissjoni Ewropea u fl-2023, Helena Dalli ngħatat l-Ordni Nazzjonali tal-Meritu.

PR251307

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-lukanda DoubleTree by Hilton f’Buġibba u l-lukanda Fitch f’San Ġiljan li sar investiment privat fihom bil-għan li jkompli jiġi attirat turiżmu ta’ kwalità. Waqt dawn iż-żjarat il-Prim Ministru nnota kif investimenti bħal dawn juru l-fiduċja li l-investituri għandhom f’pajjiżna, fl-ekonomija tagħna, u fil-futur tas-settur turistiku.

Pajjiżna qiegħed kulma jmur isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala destinazzjoni ewlenija fix-xenarju turistiku globali. Dan hekk kif is-settur turistiku f’Malta qed jirreġistra tkabbir li jisboq mhux biss il-medji Ewropej, imma anke dawk tal-pajjiżi Mediterranji. Il-Prim Ministru semma kif dan is-suċċess huwa riżultat t’għażliet u strateġiji ċari, u implimentazzjoni ta’ bosta inizjattivi ambizzjużi, ilkoll immirati lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huwa rrimarka kif il-Viżjoni Malta 2050 qed tħares lejn settur turistiku bbażat dejjem aktar fuq il-kwalità, aktar mill-kwantità.

Dr Abela nnota b’sodisfazzjon kif matul ix-xahar ta’ Mejju, mhux biss żdiedu n-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna, iżda żdiedet ukoll in-nefqa meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Huwa żied jgħid li l-fatt li pajjiżna qed jirreġistra numru sostanzjali ta’ turisti matul is-sena kollha, qed iwassal għal aktar investiment u innovazzjoni min-naħa tas-settur privat, investiment li fl-aħħar mill-aħħar qed jgħin biex ikompli jissaħħaħ il-prodott turistiku Malti.

B’investiment ta’ €22 miljun minn Tumas Group, il-lukanda DoubleTree f’Buġibba hija t-tieni lukanda f’pajjiżna parti minn Hilton. Mgħammra b’485 kamra, il-lukanda DoubleTree toffri diversi faċilitajiet rikreazzjonali u turistiċi. Il-lukanda Fitch li tinsab fil-qalba ta’ San Ġiljan tirrappreżenta investiment b’suċċess min-naħa ta’ żewġ investituri Taljani, it-tnejn b’esperjenza estensiva fl-industrija tal-ospitalità.

PR251272

Il-Prim Ministru Robert Abela fi żjara ta’ negozju Malti li qed ikabbar l-operat tiegħu

Fi żjara f’negozju f’Santa Venera, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-iżvilupp ekonomiku u s-suċċess li kiseb pajjiżna f’dawn l-aħħar snin irriduh ikompli jservi ta’ ġid għall-familji Maltin u Għawdxin. Dr Abela qal dan wara żjara f’wieħed mill-istabbilimenti ta’ PANINA fil-kuntest li mill-1 ta’ Awwissu se jiġu implimentati l-ewwel 12-il miżura tal-Malta Labour Migration Policy.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ u tkellem mas-sid u l-ħaddiema ta’ PANINA. Mill-bidu tal-ewwel stabbiliment fil-Fgura, dan in-negozju espanda u preżentement qiegħed f’ħames lokalitajiet madwar il-pajjiż. L-għan huwa li sas-sena d-dieħla dan in-negozju jinfirex sa tmien lokalitajiet. F’Santa Venera, dan in-negozju fil-qasam tal-ikel, qiegħed jikber is-servizz fejn il-kċina tal-istabbiliment se tespandi biex tforni x-xogħol fl-istabbilimenti l-oħra tal-istess negozju.

Il-Prim Ministru sema’ l-istorja tas-sid Malti li beda mix-xejn u llum qed ikabbar in-negozju tiegħu billi jħaddem bosta ħaddiema Maltin u anki wħud oħra barranin skont il-ħtieġa. Il-Prim Ministru Robert Abela qal, “Lin-negozji tagħna rriduhom ikomplu jimirħu u jikbru għax ikomplu jiġġeneraw il-ġid. Tieħu gost tara li llum hawn min iħaddem li qed ikompli jiġi inċentivat,” irrimarka l-Prim Ministru hu u jisħaq li bil-Malta Labour Migration Policy, dawk li jħaddmu n-nies u li huma ta’ rieda tajba, li huma fil-maġġorparti assoluta tagħhom, se jsibu spalla mill-Gvern.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fuq quddiem nett, permezz tal-Labour Migration Policy, se nagħtu stabbiltà lis-settur tax-xogħol, settur li huwa b’saħħtu ħafna f’pajjiżna. “Fuq kollox se nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema,” qal Dr Abela hu u jelenka għal żewġ miżuri ewlenin, jiġifieri li min ikeċċi l-ħaddiema għall-ebda raġuni, mhux se jitħalla jġib oħrajn ġodda minn pajjiżi terzi għall-istess pożizzjoni u se jiġi rduppjat il-prezz għall-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin ġodda.

Il-Prim Ministru temm jgħid li din il-policy hi waħda ambizzjuża ħafna iżda l-Gvern huwa kommess li jasal biex ikompli jħaddan il-prinċipju ta’ Maltin l-ewwel.