Month: December 2022

PR221801

Is-serħan il-moħħ li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba.

Huwa dak li ħdimna għalih fl-aħħar tnax-il xahar.

Huwa dak li se nibqgħu niggarantixxu fiż-żmien li ġej.

Huwa għan li naħdmu għalih u nilħquh bħala poplu wieħed flimkien.

Ridna li wara sfida tant kbira bħall-pandemija, il-familji mhux biss ikunu jistgħu jippjanaw is-sena li ġejja, iżda wkoll il-futur.

Dan f’pajjiż li fih jinħolqu opportunitajiet ġodda għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna u fejn jikber is-sostenn lill-pensjonanti u dawk l-aktar fil-bżonn.

Biex nilħqu dawn l-għanijiet, pajjiżna għandu pjan imġedded. Pjan magħżul minnkom aktar kmieni din is-sena fl-iktar proċess demokratiku b’saħħtu u miftuħ, dak ta’ elezzjoni ġenerali.

L-għażla tagħkom ma kinitx biss dwar partit jew ieħor, iżda kienet għażla dwar x’ġejjieni tridu għal pajjiżna. Għażiltu programm ta’ ħidma b’elf proposta biex nibnu futur sabiħ flimkien.

Xejn ma jiġi mingħajr l-isfidi iżda wrejna għal darba wara oħra li bħala pajjiż kapaċi nagħrfu l-mument u ndawru l-isfidi f’opportunità.

Filwaqt li qatt ma ppruvajna nċekknu dak li qed jiġri barra pajjiżna, qatt ma ġejna quddiemkom biex naqtgħulkom qalbkom.

Fil-kuntest globali li qed ngħixu fih, f’Malta komplejna nieħdu deċiżjonijiet ħalli nagħtukom il-mezz li tkomplu tagħmlu kuraġġ għax grazzi għall-ħidma tagħkom se nibqgħu lkoll mexjin ’il quddiem.

Din is-sena kien veru importanti wkoll li ksibna l-fiduċja li erġajna lura għan-normalità sħiħa.

Fil-fatt kellna f’dawn l-aħħar ġimgħat konferma wara oħra ta’ kemm pajjiżna rkupra malajr u kemm ir-riżultati ekonomiċi li qed niksbu huma fost l-aqwa.

Rapporti ta’ istituzzjonijiet internazzjonali u indipendenti li jagħtu konferma li qed inħaddmu ekonomija b’saħħitha li fuqha nkomplu ngħinu lill-familji b’żidiet bħal dawk fiċ-children’s allowance, l-anzjani b’żidiet fil-pensjonijiet, il-first-time buyers b’għotjiet ġodda u lill-aktar vulnerabbli b’inizjattivi maħsuba apposta.

It-tkabbir ekonomiku qed nużawh biex kull min jgħix f’dan il-pajjiż ikun jista’ jgħix aħjar, f’soċjetà li tħobb u f’pajjiż isbaħ li jagħraf jagħti kwalità ta’ ħajja mill-aqwa.

Għalhekk, nisħaq illi s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna jrid ikun akkumpanjat minn progress soċjali u aktar drittijiet ċivili.

Ikollna soċjetà b’saħħitha jekk tkompli bir-riformi biex toħloq ġustizzja. Għax il-kwalità tal-ħajja mhix biss dħul finanzjarju aħjar.

L-2023 trid tkun ukoll is-sena fejn tarana nkomplu b’bidliet soċjali b’saħħithom, li jibnu fuq dak li għamilna fl-aħħar snin.

Nemmen li wasal il-mument li s-soċjetà tagħna tibgħat messaġġ iktar b’saħħtu favur il-ħarsien tal-mara. Issa li għandna l-akbar rappreżentanza femminili fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, huwa kruċjali li nagħmlu l-akbar qabża ‘l quddiem fid-drittijiet tan-nisa.

Dejjem emmint li l-fatt li tant iktar nisa llum daħlu fid-dinja tax-xogħol kellu jkun il-bażi biex ikollhom ħelsien ikbar f’oqsma oħra.

Iżda, sfortunatament bqajna nisimgħu wisq realtajiet ta’ nisa li jbatu fis-skiet proprju għax huma nisa.

U filwaqt li ssib min jgħidlek li se jibqa’ jkollok każi fejn is-sistema tidher li falliet, ikun ta’ għajb għalina jekk ma naħdmux biex kull tifla f’dan il-pajjiż ikollha s-serħan il-moħħ ta’ soċjetà li verament trid tħarisha. Li d-drittijiet ma jkunux biss fuq il-karta imma li jkun hemm ir-rieda u r-riżorsi biex jitħarsu.

Meta nitkellmu fuq l-ugwaljanza, meta ninsistu kontra l-vjolenza domestika, meta nisħqu fuq il-bżonn li kull mara nħarsulha ħajjitha u saħħitha, qed nitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja ta’ bintek, ta’ ommok jew oħtok.

Dawn mhux teoriji, dawn huma l-esperjenzi diretti tal-għeżeż tagħna fil-ħajja ta’ kuljum. Sfortunatament erġajna għaddejna minn ċerti esperjenzi koroh li kiddewni fuq livell personali, kemm bħala missier, kif ukoll bħala politiku.

Ebda riforma mhi se tiġi bi qbil assolut. Qatt ma ċaqlaqna l-affarijiet u ma qamitx diskussjoni. Ngħid li allaħares mhux hekk. Għaliex hija minn dik l-istess diskussjoni li noħorġu bl-aqwa għażliet. Bħala pajjiż wieħed u magħqud, mingħajr kliem kattiv jew li jifred.

Għażla waħda biss m’għandux ikun hemm; dik li naċċettaw l-istatus quo, jew ninħbew mir-realitajiet daqslikieku ma jeżistux.

Għaliex, meta nagħżlu li nibżgħu mill-bidla, anke bl-iskuża li l-maġġoranza komda kif inhi, inkunu qed ninjoraw lil dawk li ilhom ibatu u li bil-mod il-mod qed jitilfu t-tama. U dik mhux xi ħaġa li rridu naċċettaw.

Daqstant ieħor ma rridux naċċettaw l-istatus quo fis-settur ambjentali.

Din is-sena tajna sinjali ċari ta’ prijoritajiet ġodda. Ħadna deċiżjoni fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid biex medda ta’ art ODZ fiż-Żonqor nipproteġuha. Rajna lill-Ħondoq jiġi salvat u lliberajna spazji oħra biex fuqhom isiru proġetti li jitgawdew mill-familji.

Ifisser li għamilna biżżejjed? Dażgur li le. Għalhekk fix-xhur li ġejjin din il-ħidma trid tieħu forma iktar mgħaġġla biex ikollna l-bażi b’saħħitha għal aktar proġetti ambizzjużi.

Konvint li naslu għax għandi fiduċja f’pajjiżna.

U mhux aħna biss għandna fiduċja f’pajjiżna.

Pajjiżi oħra għandhom fiduċja f’pajjiżna. Se nibdew inservu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Se nġibu f’pajjiżna s-sena d-dieħla Summit li jiġbor fih il-pajjiżi kollha tan-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea. Ingħatajna ċertifikat mill-FATF għar-riformi li għamilna. Dawn huma kollha sinjali b’saħħithom ta’ kemm pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba.

Huwa fuq dawn is-sinjali li rridu nidħlu għas-sena l-ġdida b’ottimiżmu u entużjażmu. Fuq kollox bis-serħan il-moħħ li Għawdex u Malta għandhom ġejjieni sabiħ fejn flimkien nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar.

F’ismi, f’isem Lydia u Giorgia Mae, u f’isem il-gvern nawgura lilkom kollha, sena mill-aqwa.

PR221802

Il-Papa Emeritu Benedittu XVI kellu rabta ma’ pajjiżna wara li kien il-Papa li kkanonizza lil Ġorġ Preca bħala l-ewwel qaddis Malti.

Papa Benedittu XVI kien anki żar pajjiżna f’April tal-2010 u wara ż-żjara appostolika tiegħu kien esprima gratitudni għal-laqgħat sbieħ li tah il-poplu Malti u Għawdxi.

Filwaqt li nnota l-laqgħa li kellu fuq livell personali meta l-Papa Benedittu XVI żar pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal-laqgħat sinifikattivi li kellu l-Papa f’Malta, fosthom maż-żgħażagħ.

Il-Gvern ta’ Malta jsellem il-memorja ta’ Papa Benedittu XVI u jagħti l-kondoljanzi lill-Istat tal-Vatikan.

PR221752

Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew għal din is-sena, il-mexxejja Ewropej iddiskutew bosta temi importanti fosthom l-enerġija, is-sitwazzjoni ekonomika tal-Unjoni Ewropea u r-relazzjonijiet transatlantiċi.

Fid-diskussjoni dwar l-enerġija, il-mexxejja Ewropej inkarigaw lill-ministri għall-enerġija biex jibnu fuq il-progress miksub sa issa u jikkonkludu l-ftehim dwar il-mekkaniżmu korrettiv tas-suq (price correction mechanism). Dan il-mekkaniżmu għandu jipproteġi lill-Unjoni Ewropea minn żidiet fil-prezzijiet tal-gass bil-għan li jiġu salvagwardati l-konsumaturi.

Għal din il-laqgħa fi Brussell, attenda l-Prim Ministru Robert Abela li rrimarka li dawn l-inizjattivi pożittivi huma ċertifikat għall-politika li ħaddem il-Gvern Malti, li fl-isfond taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, qed jipproteġi lill-familji u lin-negozji; miżuri li riżultat tagħhom l-ekonomija Maltija baqgħet ukoll tikber u l-inflazzjoni baqgħet taħt kontroll.

Wara li l-President Biden ħabbar l-adozzjoni tal-IRA (Inflation Reduction Act), il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll ir-relazzjonijiet transatlantiċi u s-sitwazzjoni ekonomika fl-Unjoni Ewropea. Il-mexxejja qablu li l-Istati Uniti se tibqa’ sieħeb ewlieni għall-Unjoni Ewropea, madanakollu, il-protezzjoni tal-industrija Ewropea tibqa’ kruċjali għall-kompetittività tal-UE, l-awtonomija strateġika tagħna u anke biex ikollna aktar tkabbir ekonomiku.

Fuq dan il-punt fl-aġenda, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li kif għamilna fuq livell lokali, l-Unjoni Ewropea ukoll qed tirrikonoxxi li l-industrija teħtieġ l-inċentivi u għajnuniet biex l-ekonomija tkompli tikber u tkun kompetittiva. Dan b’mod partikolari b’aktar flessibbiltà fir-regolamenti marbuta mal-għajnuna finanzjata mill-istat li se twassal biex inkomplu nassistu l-industrija kif meħtieġ. Dan kif għamel il-Gvern Malti fejn jidħlu l-qmuħ u ċ-ċereali, is-settur tal-enerġija rinnovabbli, l-assistenza lill-Ajruport Internazzjoni tal-Malta, il-wage supplement u kif qed isir ukoll f’setturi oħra.

Id-diskussjoni dwar il-gwerra fl-Ukrajna, is-sigurtà u d-difiża kompliet bi skambju mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky, wara diskussjoni dwar id-disa’ pakkett ta’ sanzjonijiet. Żieda fl-assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi u sapport bilaterali ġew proposti fid-dawl tal-aħħar żviluppi fl-Ukrajna.

Il-mexxejja Ewropej iddiskutew is-sitwazzjoni fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li dan huwa reġjun li jippreżenta opportunitajiet li għadhom ma ġewx sfruttati fosthom fejn jidħol kummerċ, it-tranżizzjoni diġitali, l-edukazzjoni, l-akwakultura u l-agrikoltura. Għalhekk, kollaborazzjoni ma’ dan ir-reġjun u mal-imsieħba tan-Nofsinhar jeħtieġ li tiżdied biex jiġu indirizzati sfidi komuni bħalma hi t-tibdil fil-klima. Fl-isfond ta’ dan, Malta laqgħet is-sejħa għal laqgħa, is-sena d-dieħla, mal-imsieħba tan-Nofsinhar.

Matul il-jum tal-Erbgħa l-Prim Ministru attenda għal summit mal-mexxejja tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN). F’dan is-summit, il-Prim Ministru sostna li filwaqt li r-relazzjonijiet transatlantiċi u ċ-Ċina, huma importanti, irridu ninvestu ma’ sħab strateġiċi oħra. Għalhekk, pajjiżi bħal dawk tal-ASEAN u oħrajn lil hinn, inkluż fil-kontinent Afrikan, se jkunu kruċjali biex inkunu awtonomi strateġikament, għall-fini ta’ kompetittività u tkabbir ekonomiku. Hemm oqsma, bħal dawk diġitali, ta’ innovazzjoni, il-konnettività u oħrajn li ma’ dawn il-pajjiżi nistgħu nagħmlu alleanzi strateġiċi. F’dan ir-rigward, Dr Abela saħaq li l-kummerċ jibqa’ importanti ħafna u Malta se tibqa’ miftuħa u kommessa li taħdem favur ftehimiet f’dan il-qasam. ​

PR221722

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela se jkunu qed jilqgħu lill-pubbliku fil-Berġa ta’ Kastilja nhar is-Sibt 17 ta’ Diċembru bejn l-4:30pm u s-6:00pm, biex jawguraw lil xulxin fl-okkażjoni tal-Milied u s-Sena l-Ġdida.

Kull min jixtieq jiltaqa’ mal-Prim Ministru u ma’ Dr Lydia Abela qed jintalab iċempel fuq 22002400/1 biex iħalli d-dettalji tiegħu.

Waqt li jkun fil-Berġa ta’ Kastilja, il-pubbliku se jkun jista’ jara s-swali tal-Kabinett u tal-Ambaxxaturi u kull min jixtieq, se jkun jista’ wkoll jiffirma l-ktieb tal-viżitaturi.

PR221715

Disa’ mexxejja Ewropej se jiltaqgħu f’Malta

Fi tmiem summit tal-MED 9, li jlaqqa’ pajjiżi tan-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea, tħabbar li s-summit li jmiss ta’ dawn il-pajjiżi se jkun qed isir f’Malta s-sena d-dieħla.

Fi Spanja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jkun unur għal Malta li tospita dan is-summit proprju fl-għaxar sena tiegħu. “Inħares ’il quddiem biex nilqagħkom f’Malta biex inkomplu dan id-djalogu,” qal il-prim ministru f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-mexxejja tat-tmien pajjiżi l-oħra. Dawn il-pajjiżi huma Franza, Spanja, l-Italja, il-Portugall, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja u s-Slovenja.

“Huwa s-suċċess tal-koperazzjoni tagħna li jwassal biex nibqgħu nsibu s-soluzzjonijiet,” kompla jgħid il-Prim Ministru Abela.

L-enerġija u l-ekonomija kienu fost it-temi għad-diskussjoni bejn il-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi. Dan tul żewġ sessjonijiet li saru matul il-jum tal-Ġimgħa.

“Iċ-ċittadini u n-negozji tagħna jixirqilhom soluzzjoni għat-tul u soluzzjonijiet robusti,” insista l-Prim Ministru Robert Abela meta tkellem dwar is-settur tal-enerġija u qal li dan hu l-messaġġ ċar li għandu anke jintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea. Hawn kien enfasizzat ukoll il-bżonn tal-konnettività fin-networks Ewropej, fosthom permezz ta’ infrastruttura tal-futur bħal dik hydrogen ready. “Li nħaffu l-investiment fl-enerġija rinnovabbli huwa wkoll kruċjali biex innaqqsu d-dipendenza minn fuq sorsi tal-enerġija li jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea,” kompla jispjega l-prim ministru li enfasizza kif fl-immedjat il-konsumatur irid jibqa’ jkun megħjun. Malta hija waħda mill-aqwa eżempji ta’ din l-għajnuna u għalhekk illum pajjiżna għandu fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Għal darba oħra, il-Prim Ministru Abela reġa’ enfasizza l-ħtieġa ta’ paċi u stabbiltà fil-Mediterran u semma li dan jista’ jinkiseb billi kulħadd jaħdem flimkien f’oqsma ta’ interess komuni bħall-bidla fil-klima, l-enerġija, il-paċi, is-sigurtà u l-immigrazzjoni. B’rabta mal-immigrazzjoni, il-prim ministru reġa’ enfasizza fuq politika li tħarbat il-mudell ta’ traffikanti tal-bnedmin għax dawn huma gruppi kriminali li japprofittaw mill-vulnerabilità tal-immigranti. Hawn reġa’ insista għall-appoġġ lill-poplu Libjan.

Intant, meta rrefera għall-irwol li se tieħu Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta hawn se taħdem għall-ġid komuni u rrefera għal oqsma importanti bħall-bidla fil-klima.