F’Tirana, l-Albanija, il-Prim Ministru Robert Abela attenda u indirizza Summit bejn il-Mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Fl-ewwel Summit tat-tip tiegħu f’pajjiż tal-Balkani, il-mexxejja ddiskutew diversi temi fosthom l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna, it-tisħiħ tas-sigurtà u r-reżiljenza kontra indħil barrani, l-enerġija, l-immigrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u l-importanza tas-sħubija u koperazzjoni strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Balkani tal-Punent.
Il-Prim Ministru Malti laqa’ l-fatt li l-Unjoni Ewropea qed talloka biljun ewro biex tilqa’ għall-kriżi fl-enerġija u tgħin fil-qalba nadifa fl-użu tal-enerġija fir-reġjun tal-Balkani. F’kummenti fi tmiem is-Summit, Dr Abela nnota wkoll il-fatt li din l-istrateġija t’għajnuna u li tilqa’ għall-impatt, ilha tiġi adottata minn Malta biex il-familji u n-negozji f’pajjiżna baqgħu jgawdu minn prezzijiet stabbli tal-enerġija u l-fjuwil. Il-Prim Ministru spjega kif din il-politika tal-Gvern Malti kompliet twassal għal stabbiltà ekonomika u soċjali f’pajjiżna iżda fuq kollox fiduċja minn dawk li qed ikattru l-investiment.
Dwar l-enerġija, il-Prim Ministru fakkar ukoll f’azzjonijiet oħra li l-Unjoni Ewropea ħadet biex tilqa’ għall-impatti mill-gwerra fl-Ukrajna, fosthom it-tħejjija favur is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u l-qbil fuq mekkaniżmu għal xiri konġunt ta’ gass u strateġija li tnaqqas l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u l-enerġija, li ntlaħaq f’Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell lejn l-aħħar ta’ Ottubru li għadda.
F’indirizz li għamel fis-Summit li tlaqqa’ fil-kapitali Albaniża, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-pajjiżi tal-Balkani qed jaraw il-futur tagħhom imsieħba fl-Unjoni Ewropea u Malta tappoġġja dan fi spirtu ta’ koperazzjoni b’saħħitha favur prosperità u stabbiltà fuq bażi reġjonali li minnha jgawdu l-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Hawn semma ħidma fuq riformi favur is-saltna tad-dritt li trid issir b’aktar koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Balkani tal-Punent.
Il-Prim Ministru Malti laqa’ wkoll l-ftehim ta’ tnaqqis fit-tarriffi tar-roaming bejn stati membri u pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Dr Abela awgura wkoll li wara ftehim milħuq fuq livell ta’ Kunsill Ewropew, issa jintlaħaq qbil fil-Parlament Ewropew dwar tneħħija tal-viża għaċ-ċittadini tal-Kosovo meta jivvjaġġaw lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Recent Comments