Month: May 2025

PR250937

Il-Prim Ministru Robert Abela preżenta l-Pjan Soċjali għall-Familja 2025–2030. Pjan li fih hemm politika ta’ Gvern li se jkompli jgħin il-familji u jsaħħaħhom fid-diversi forom tagħhom.

Il-Pjan jitkellem dwar għajnuna mmirata għall-familji fosthom dawk vulnerabbli, jitkellem dwar kif se jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet fil-familji billi jitqatta’ aktar ħin ta’ kwalità u allura jenfasizza dwar diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali dwar żieda fil-leave tal-maternità u l-paternità. Pilastru ieħor f’dan il-Pjan Soċjali għall-Familja huwa l-edukazzjoni għal trobbija b’saħħitha ta’ wliedna. Dan il-Pjan ħolistiku msejjes fuq erba’ pilastri ewlenin jitkellem ukoll dwar ir-rata tal-fertilità. Matul dawn il-ħames snin li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jaħdem fuq aktar minn sebgħin miżura, ilkoll immirati biex iservu ta’ sostenn għall-familji.

F’indirizz li għamel fil-preżentazzjoni ta’ dan il-Pjan, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif dan il-Pjan Soċjali jiġbor fih l-ewwel sett ta’ miżuri mmirati biex tissaħħaħ ir-rata ta’ fertilità. Huwa żdied jgħid li l-Gvern qed jindirizza din ir-realtà ħolistikament; mill-kundizzjonijiet tax-xogħol sal-akkomodazzjoni, mir-rati ta’ taxxa sal-benefiċċji soċjali. Mill-ambjent li jgawdu l-familji sat-trattamenti mediċi li joffru l-isptarijiet tagħna.

Il-Prim Ministru Robert Abela għamel ukoll referenza għar-riforma fil-Qorti tal-Familja u saħaq kif sakemm il-ħin ma’ ġenitur jew ieħor ma jkunx ta’ dannu għat-tfal infushom, it-tfal għandhom ikollhom aċċess indaqs maż-żewġ ġenituri. Dwar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja semma kif il-Gvern irid jippremja lin-negozji li joffru miżuri fuq il-post tax-xogħol li jagħtu dan il-bilanċ.

B’referenza għall-Viżjoni Malta 2050, il-Prim Ministru saħaq li biex pajjiżna jkompli jissaħħaħ jeħtieġ li l-familji tal-lum u t’għada jkunu reżiljenti aktar milli huma. Huwa semma b’sodisfazzjon kif fuq dawn il-miżuri diġà nbdiet ħidma mill-Ministeri kkonċernati. Dan filwaqt li fuq miżuri oħra diġà bdew it-tħejjijiet marbuta magħhom waqt il-preparazzjoni għall-Budget għas-sena li ġejja.

Il-Prim Ministru Robert Abela semma kif il-fondi li jalloka l-Gvern f’benefiċċji soċjali, kemm dawk kontributorji u kif ukoll dawk mhux kontributorji, żdiedu bi 53% bejn l-2014 u l-2023. Din iż-żieda fl-investiment fil-benefiċċji seħħet fl-istess perjodu meta l-persuni dipendenti fuq is-servizzi soċjali naqsu bin-nofs bejn l-2013 u l-2024. Huwa rrimarka li dan is-sostenn għall-familji huwa riżultat tas-suċċess ekonomiku li għamel dan il-pajjiż, fejn stajna nassiguraw li aktar individwi, aktar persuni vulnerabbli, ikollhom aċċess għal porzjon akbar minn dak li jipproduċi l-pajjiż.

Il-Prim Ministru żied jgħid li pajjiżna huwa mibni fuq ix-xogħol, il-ħaddiema u l-familji u għalhekk l-investiment li qed isir mill-Gvern fil-familji huwa investiment fil-prosperità ta’ pajjiżna.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, spjega kif dan il-Pjan se jkompli jindirizza realtajiet ġodda ta’ familji li qed jiffaċċjaw sfidi li mhux essenzjalment huma marbuta ma’ finanzjament. Huwa sostna, “Din il-politika hija riżultat ta’ ħafna xogħol, mifruxa fuq l-esperjenzi tat-tfal, l-adulti u anke n-nanniet li tant jagħtu kontribut fit-trobbija tat-tfal.” Huwa tenna wkoll li l-implimentazzjoni ta’ dan id-dokument issa hija l-aktar parti kruċjali, sabiex verament tingħata dik l-imbuttatura soċjali li tkompli jsaħħaħ l-familja, filwaqt li aktar persuni jitħajru jibnu familja.

PR250923

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur The Waterfront Hotel li għalqet 25 sena u li qed timplimenta inizjattiva ambjentali li biha tgħin lill-komunità

Il-Prim Ministru Robert Abela żar The Waterfront Hotel bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jimmarkaw il-25 anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-lukanda. Il-Prim Ministru ġie milqugħ minn membri tal-familja Mizzi u minn dawk li jmexxu l-lukanda, fejn ingħata tagħrif dwar l-investimenti sostanzjali li saru f’dawn l-aħħar sentejn sabiex minn din il-lukanda tittejjeb l-esperjenza tal-klijenti filwaqt li jkompli jogħla l-livell ta’ kwalità tas-servizz.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru seta’ jara mill-qrib il-proġetti ta’ rinnovazzjoni li saru fl-aħħar snin, b’investiment totali ta’ madwar €2.5 miljun u aktar minn €1 miljun ieħor ippjanat għal din is-sena. Ir-rinnovazzjoni tinkludi fosthom tibdil ta’ kmamar kif ukoll tisbiħ mill-ġdid tar-ristorant prinċipali, il-kċina, il-faċilitajiet tal-ħasil, u sistemi ta’ enerġija u arja kkundizzjonata effiċjenti u sostenibbli.

Waqt żjara f’waħda mill-kmamar rinnovati ta’ din il-lukanda, il-General Manager Frederick Curmi spjega kif din il-lukanda tikkunsidra wkoll l-impatt tagħha fuq il-komunità Ġżirjana. Għalhekk tnediet l-inizjattiva ‘Do Not Clean My Room’ fejn kull klijent li jiddeċiedi li ma jużax il-faċilitajiet ta’ tindif tal-kamra jkun qed jikkontribwixxi għal fondi li jingħataw lill-kunsill lokali għal tħawwil ta’ siġar u tisbiħ taż-żona.

Waqt l-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru faħħar l-impenn kontinwu tal-Waterfront Hotel favur turiżmu ta’ kwalità u sostenibbli, f’konformità mal-Viżjoni Malta 2050. “Proġetti bħal dawn huma xhieda ta’ kif nistgħu nibqgħu noħolqu aktar ġid għal pajjiżna filwaqt li nżidu l-kwalità fis-settur turistiku”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela. Huwa faħħar is-sens ta’ innovazzjoni u r-rieda biex il-prodott turistiku ta’ pajjiżna jkompli jogħla bis-sehem ta’ stakeholders fis-settur tal-ospitalità. Spjega kif pajjiżna qed jiffoka fuq il-kwalità aktar milli l-kwantità biex inħallu valur miżjud fl-ekonomija.

Il-Prim Ministru temm billi feraħ lit-tmexxija u lill-impjegati għall-kontribut siewi tagħhom fis-settur tal-ospitalità, u awgura aktar snin ta’ suċċess u eċċellenza.

PR250918

F’laqgħa mal-bord tal-tmexxija il-ġdida tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-laqgħat kordjali u l-ħidma konġunta li kien hemm fis snin li għaddew se tibqa’ għaddejja mat-tim il-ġdid tal-Kamra għaliex biha jgawdi l-poplu Malti u l-kollaborazzjoni tkompli tissarraf f’ġid ekonomiku.

Fil-laqgħa f’Kastilja, il-Prim Ministru tkellem dwar it-tbassir ekonomiku tajjeb tal-ekonomija Maltija u s-sentiment b’saħħtu ħafna fost il-komunità kummerċjali Maltija. Semma li l-Budget li ġej ser jkun Budget ieħor ġeneruż li jmur id f’id ukoll mal-prinċipji ewlenin tal-Viżjoni Malta 2050, jiġifieri tkabbir ekonomiku sostenibbli, servizzi iffukati fuq iċ-ċittadini, reżiljenza u edukazzjoni moderna u użu intelliġenti tal-art u l-baħar.

Dwar il-Viżjoni Malta 2050 tkellem wkoll il-President il-ġdid tal-Kamra tal-Kummerċ, William Spiteri Bailey, li qal kif fuq din il-viżjoni għall-25 sena li ġejjin saret ħidma tajba ta’ preparazzjoni mal-Gvern. Preparazzjoni simili saret wkoll fuq riformi oħra bħall-Malta Labour Migration Policy u anke l-introduzzjoni tal-miscarriage leave.

Iż-żewġ naħat trattaw ukoll għadd ta’ temi oħra inkluż l-armonizzazzjoni fit-taxxa u elementi varji oħra li jiġbdu l-kumpaniji lejn pajjiżna.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll fost oħrajn il-Ministri Byron Camilleri, Miriam Dalli u Clyde Caruana, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.

PR250912

Bil-għan li tiġi kkonsolidata l-ħidma fil-qasam tal-artijiet mal-preservazzjoni tal-wirt nazzjonali u l-ħtiġijiet varji tal-Kunsilli Lokali, il-Ministru Owen Bonnici se jassumi r-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet bħala l-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali. Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli se tibqa’ taqdi r-responsabbiltajiet tagħha f’dan il-Ministeru.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi se jkun il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali.

Sadanittant, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri se jieħu wkoll ir-responsabbiltà tal-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (NDSF) filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul se jieħu wkoll ir-responsabbiltà tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).

PR250909

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura binja net zero carbon tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) li lestiet b’suċċess proġett ambizzjuż u mill-aktar modern ta’ maħżen ewlieni, net zero carbon f’Bulebel. Dan b’investiment li jlaħħaq is-€7.2 miljun. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma issa se tkun qed tagħmel użu minn teknoloġija innovattiva li se twassal għal aktar tisħiħ u livelli ogħla ta’ sostenibbiltà fl-operat tagħha.

Mifrux fuq medda ta’ 2,000 metru kwadru, il-maħżen il-ġdid huwa ddisinjat biex jaħżen aktar minn 920 stock-keeping Unit (SKUs), b’valur ta’ madwar €9 miljun. Il-binja hija wkoll mgħammra b’sistema fotovoltajika mill-aktar avvanzata li tiġġenera madwar 430,000kWh t’enerġija rinnovabbli fis-sena. Din il-ġenerazzjoni t’enerġija rinnovabbli tiżboq bis-sħiħ l-ammont t’enerġija neċessarja għall-operat tal-faċilità nnifisha. B’hekk il-binja hija ddisinjata biex topera mingħajr karbonju nett.

Waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan il-proġett ambizzjuż jirrappreżenta pass kruċjali lejn it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-istandards fil-bini u l-kostruzzjoni f’pajjiżna. Huwa qal li b’inizjattivi bħal dawn, pajjiżna qed jilqa’ l-isfidi tal-lum u ta’ għada u jdawwarhom f’opportunitajiet.

Il-Prim Ministru żied jgħid li dan il-proġett huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tħaddan bi sħiħ is-sostenibbiltà bħala pedament fl-iżvilupp ta’ Malta, sabiex niżguraw futur aktar aħdar għall-ġenerazzjonijiet futuri. Fl-istess waqt huwa tenna l-impenn kontinwu tal-Gvern li jwettaq il-bidliet neċessarji sabiex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem, lejn kwalità ta’ ħajja aħjar. Qal li l-Gvern se jkun fuq quddiem li jmexxi bl-eżempju fit-tħaddim ta’ inizjattivi ambjentali.

Qabel il-Prim Ministru, tkellmet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli li sostniet li n-net zero carbon warehouse hija proġett li tirrappreżenta Gvern li jmexxi b’eżempju. Eżempju b’saħħtu li bih nistgħu nħeġġu industriji oħra u lill-privat biex huma wkoll jinvestu fi prattiċi sostenibbli. “L-investimenti li qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma huma xhieda ta’ kif is-sostenibbiltà u l-effiċjenza huma żewg faċċati tal-istess munita. Is-sostenibbiltà mhix slogan. Hija t-triq ’il quddiem li għażilna li nimxu fiha. Hija l-għażla konxja li nagħmlu ta’ kuljum”, saħqet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qal li din il-faċilità l-ġdida tfisser ħafna aktar minn investiment fl-infrastruttura. Hija investiment fl-effiċjenza, fis-sostenibbiltà, u f’servizz ta’ eċċellenza. “Permezz tal-ikkonsolidar fl-operat tagħna u l-enerġija nadifa fuq il-post, mhux biss qed innaqqsu l-impatt tagħna fuq il-klima, imma wkoll qed noffru servizzi tal-ilma aktar reżiljenti lill-poplu Malti”, spjega Karl Cilia.

George Vella, Partner ta’ Grant Thornton Malta li huma l-Awdituri esterni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma saħaq li n-net zero warehouse hija eżempju tanġibbli ta’ kif l-investiment pubbliku, l-ippjanar strateġiku u s-sostenibbiltà jistgħu jingħaqdu biex iwasslu valur fit-tul. “Dan il-proġett, parzjalment iffinanzjat permezz tal-Green Bond ta’ €25 miljun tal-WSC, juri kif finanzjament immirat jista’ jappoġġja direttament infrastruttura ta’ impatt. Daqstant importanti huwa l-impenn tal-Korporazzjoni għat-trasparenza, b’portal pubbliku f’ħin reali issa fis-seħħ, il-WSC qed tistabbilixxi standard ġdid biex turi fejn u kif qed jiġu investiti l-fondi”, temm jgħid Vella.