Month: May 2026

PR260898

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri mmarka f’isem il-Gvern it-trasferiment ta’ faċilità ġdida minn INDIS lill-STMicroelectronics f’Ħal Kirkop, li se tara investiment strateġiku li se jkun qed ikompli jqiegħed lil Malta fil-qalba tal-industriji li qed isawru dinja ta’ għada.

B’investiment kumplessiv ta’ €250 miljun, il-proġett tal-STMicroeletronics issa għadda għall-fażi li jmiss. Dan l-investiment, l-akbar investiment dirett barrani f’pajjiżna, qed issir b’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u STMicroelectronics, u se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru kompetittiv għall-industrija avvanzata.

Din il-fabbrika ġdida se tkun ibbażata fuq teknoloġija avvanzata, awtomazzjoni u robotika, u se ssaħħaħ l-irwol ta’ pajjiżna fil-manifattura teknoloġika ta’ valur għoli.

Il-Prim Ministru spjega li l-faċilità se tipproduċi komponenti u microchips fost l-aktar avvanzati għas-suq internazzjonali u li jintużaw f’oqsma varji bħas-satelliti, l-ajruplani u tagħmir elettroniku ieħor. Minn dan l-operat se naraw żieda fil-valur tal-produzzjoni tagħna u se nkomplu nsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż li kapaċi jilqa’ u jsostni l-ogħla livelli ta’ manifattura teknoloġika.

Dr Abela enfasizza li l-avvanz fit-teknoloġija tfisser li l-ħaddiema se jkollhom iktar għodda biex iżidu l-produzzjoni permezz tal-automation, imma tfisser ukoll aktar taħriġ, ħiliet ġodda, karrieri aktar b’saħħithom u pagi aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Prim Ministru rrimarka li dan huwa l-mudell ekonomiku li jemmen fih il-Gvern, mudell li jiffoka mhux biss fuq in-numru ta’ impjiegi, iżda fuq il-kwalità tal-impjiegi. 

Huwa qal li l-progress li qed naraw illum huwa frott ta’ trasformazzjoni ekonomika li pajjiżna wettaq matul dawn l-aħħar 13-il sena. Trasformazzjoni mibnija fuq il-ħarsien tal-industrija, l-investiment fin-nies u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija. Dan sar permezz ta’ politika li bniet il-fiduċja, ħolqot stabbiltà, tat direzzjoni ċara u attirat investiment barrani ta’ kwalità, filwaqt li ħeġġet ukoll lil min diġà kien stabbilit f’Malta biex ikompli jinvesti aktar.

Semma wkoll il-ħidma li saret biex pajjiżna jibni ekosistema b’saħħitha fil-qasam tal-microchips, fosthom permezz ta’ Malta Enterprise, is-sehem fl-IPCEI Ewropew dwar is-semikondutturi, il-kollaborazzjoni ma’ IMEC u l-iżvilupp ta’ competence centre nazzjonali għaċ-chips.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri saħaq li dan il-proġett huwa xhieda ċara tal-fiduċja li l-kumpaniji globali għandhom fil-kapaċitajiet ta’ Malta. “Dan l-investiment huwa vot ta’ fiduċja fil-poplu tagħna u f’pajjiżna. Qed ngħollu l-livell tal-manifattura avvanzata f’pajjiżna sabiex inkunu minn ta’ quddiem fis-settur tas-semikondutturi, li huma tant essenzjali għall-apparat mediku, il-vetturi elettriċi u s-sistemi avvanzati tal-enerġija. F’xenarju globali kompetittiv, Malta qed tkompli tattira investiment ta’ kalibru li joffri serħan il-moħħ u karrieri b’pagi tajbin,” sostna l-Ministru Schembri.

“Dan it-tragward jallinja eżattament ma’ Viżjoni Malta 2050. Bħala Gvern, qed nixprunaw b’mod attiv l-ekonomija tagħna lejn investimenti ta’ valur għoli, mibnija fuq l-innovazzjoni diġitali. Dan għaliex il-ħidma lejn manifattura intelliġenti xprunata mill-Intelliġenza Artifiċjali tassigura li l-ħaddiema tagħna jkunu impenjati f’xogħol ta’ kwalità għolja u li joħloq karrieri reżiljenti għall-futur b’paga tajba,” żied il-Ministru Schembri.

Il-General Manager ta’ STMicroelectronics Laurent Filipozzi qal li l-inawgurazzjoni tal-lum qed timmarka pass importanti ieħor lejn kollaborazzjoni dewwiema bejn ST u Malta. “Bl-appoġġ u l-kollaborazzjoni kontinwa min-naħa tal-Gvern, Malta Enterprise, INDIS u l-awtoritajiet Maltin, qed insaħħu l-preżenza ta’ ST f’Malta u nibnu l-faċilitajiet li huma meħtieġa għall-futur tal-manifattura avvanzata,” saħaq Laurent Filipozzi.

Il-proġett KK3 ta’ STMicroelectronics jirrappreżenta investiment ta’ €250 miljun u twettaq fuq perjodu ta’ 18-il xahar. Il-faċilità se tinkludi spazji ta’ produzzjoni avvanzata, infrastruttura għall-cleanrooms, sistemi moderni mekkaniċi u elettriċi, u sistemi ta’ loġistika interna mmexxija bit-teknoloġija.

PR260889

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u fil-preżenza tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, inawgura Ġnien it-Tfal Qriema, f’Ħal Qormi.

Dan il-proġett sar b’investiment ta’ €1.9 miljun, li l-parti l-kbira tiegħu ġiet iffinanzjata mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp u Soċjali, l-NDSF, kif ukoll minn INDIS Malta. Il-ġnien, li hu mifrux fuq 3,600 metru kwadru, inbidel fi spazju komunitarju b’faċilitajiet moderni, rikreattivi u edukattivi. Ġnien it-Tfal Qriema issa joffri ambjent sabiħ, sigur u inklussiv għall-familji, it-tfal u l-komunità kollha ta’ Ħal Qormi.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-proġett huwa parti minn ħidma usa’ biex jinħolqu aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-komunitajiet. Huwa fakkar kif ftit jiem ġie magħluq il-ftehim li permezz tiegħu Manoel Island u Forti Tigné ngħataw lura lin-nies u qal li l-istess viżjoni qed titwassal fil-lokalitajiet permezz ta’ proġetti li jagħtu prijorità lill-kwalità tal-ħajja.

Huwa qal li dawn huma postijiet fejn in-nies jistgħu jirrilassaw u jgawdu l-komunità tagħhom. Il-ġnien jinkludi wkoll apparat modern tal-logħob, outdoor gym u żona apposta għall-picnics, bil-għan li jħeġġeġ stil ta’ ħajja aktar attiv u b’saħħtu kemm fost it-tfal kif ukoll fost l-adulti. Il-Prim Ministru appella lit-tfal u lill-familji biex igawdu dan l-ispazju u fl-istess ħin jieħdu ħsiebu.

Waqt l-inawgurazzjoni, saret referenza wkoll għal-librerija li tinsab fl-istess ġnien. Din il-librerija ssemmiet għal missier il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, Anthony J. Coleiro edukatur u filantropu. Il-Prim Ministru qal li dan kien ġest xieraq lejn persuna li għamlet ħafna ġid fil-qasam edukattiv u li għenet lil bosta tfal Qriema jimxu ’l quddiem.

“Issa la lestejna dan il-post, inlestu l-iskola primarja ta’ San Ġorġ, hawn fejn il-ġnien biex ikollna din iż-żona kompleta. Żona isbaħ kif jixirqilhom tassew il-Qriema,” tenna l-Prim Ministru.

F’messaġġ lit-tfal preżenti, li jagħmlu parti mill-Kunsill tat-Tfal ta’ Ħal Qormi, il-Prim Ministru ħeġġiġhom jibqgħu attivi, jinvolvu ruħhom fid-diskussjonijiet, jistudjaw, jesploraw u jkomplu jkunu parti mill-bidliet pożittivi ta’ pajjiżna. Qal li t-tfal għandhom rwol importanti fil-kapitlu li jmiss ta’ pajjiżna. Dan hekk kif permezz tal-Viżjoni Malta 2050, qed inħarsu lejn futur fejn il-ħolm tagħhom ma jibqax biss ħolm fuq il-karta iżda jitwettaq.

Dr Abela rringrazzja lil kull min kien involut fit-twettiq ta’ dan il-proġett, fosthom l-NDSF u INDIS, u qal li s-sinerġija bejn entitajiet differenti wasslet għal ġnien mill-isbaħ li se jservi lill-komunità Qormija għal ħafna snin.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li permezz ta’ ekonomija b’saħħitha nistgħu nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u rrefera għall-ftuħ ta’ dan il-ġnien, bħala eżempju prattiku ta’ dan. “B’dan l-investiment, ittrasformajna medda ta’ 3,600 metru kwadru fi spazju modern għat-tfal tagħna. Investiment dirett għall-familji Qriema u l-komunità kollha, biex igawdu iktar ħin flimkien”, tenna l-Ministru Schembri.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li dan il-ġnien għandu tifsira sabiħa. “Fi żmien fejn ħafna tfal iqattgħu wisq ħin magħluqin ġewwa jew quddiem l-iskrins, spazji bħal dawn jagħtuhom il-libertà jilgħabu, jagħmlu ħbieb u joħolqu memorji sbieħ li jibqgħu magħhom għal ħajjithom kollha”, saħqet il-President Emeritu Coleiro Preca.

PR260840

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, immarka l-ftehim li ssiġilla u għamel realtà l-ħolma tal-poplu Malti u Għawdxi, dik li Manoel Island u Forti Tigné jerġgħu lura għand il-poplu.

Permezz tal-ftehim milħuq bejn il-Gvern u MIDI plc, dawn is-siti ta’ importanza storika u nazzjonali se jgħaddu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta.

Tfal mill-iskejjel ta’ Tas-Sliema u ż-Żejtun kienu fost tal-ewwel li dalgħodu,  flimkien mal-Prim Ministru u l-Ministru Bonnici, daru l-bini storiku mill-isbaħ ġewwa Manoel Island li issa li hi uffiċjalment lura għand il-poplu. 

Il-Prim Ministru ddeskriva dan il-mument bħala wieħed storiku.

Huwa saħaq li l-Gvern se jkun qed jagħmel bidliet fil-pjan lokali biex jiżgura li ma jkunx jista’ jsir żvilupp f’Manoel Island, u b’hekk din iż-żona tibqa’ mħarsa għall-ġenerazzjonijiet futuri. 

Żied jgħid li minn hawn ’il quddiem se jkun qed jissokta proċess biex din iż-żona tiġi trasformata f’park nazzjonali mfassal fuq ix-xewqat tal-Maltin u l-Għawdxin. Park nazzjonali li jippreserva u joħroġ l-aspett naturali tal-pajsaġġi u l-bajjiet, filwaqt li jieħu ħsieb ukoll il-wirt storiku li jinsab f’Manoel Island.

Dr Abela stqarr li matul il-proċess ta’ konsultazzjoni kien hemm eluf ta’ sottomissjonijiet mill-Maltin u l-Għawdxin dwar dak li jixtiequ għal dan is-sit. “In-nies iridu proġett li jieħu ħsieb il-pajsaġġ, fejn jirbaħ dejjem il-benefiċċju tal-pubbliku u naraw li jkun hawn aċċessibbiltà totali għall-poplu tagħna,” qal Dr Abela.

Huwa żied jgħid li fil-leġiżlatura li jmiss, it-tliet parks nazzjonali, jiġifieri dawk ta’ Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell, se jkunu prijorità, u stqarr li dan huwa wieħed mill-aqwa legat li dan il-Gvern se jħalli għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Prim Ministru temm jgħid li b’din id-deċiżjoni l-Gvern poġġa s-saħħa u l-ħin tan-nies qabel il-flus, “Xi ħaġa li stajna nagħmlu għax illum għandna ekonomija b’saħħitha u stabbiltà, li rridu nibnu fuqhom fis-snin li ġejjin biex inkunu nistgħu nieħdu iktar deċiżjonijiet bħal dawn,” saħaq Dr Abela.

Sabiex din il-viżjoni tal-Gvern titwettaq b’suċċess, Heritage Malta se tkompli taħdem f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ entitajiet governattivi oħra u mal-partijiet interessati kollha, sabiex jitfassal mudell ta’ mmaniġġjar li jirrispetta l-identità unika ta’ Manoel Island u Forti Tigné u jwieġeb għall-aspettattivi tal-poplu Malti.

PR260799

Il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, ħabbar investiment ġdid ta’ €150 miljun fil-MedTech, mill-Kumpanija Vantive. Dan l-investiment se joħloq 250 karriera ġdida ta’ kwalità u jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala bażi Ewropea għal industriji avvanzati u ta’ valur miżjud għoli.

Vantive se tinvesti f’faċilitajiet moderni ta’ manifattura u riċerka li se jservu bħala ċentru globali għall-produzzjoni ta’ apparat mediku essenzjali tal-plastik u settijiet ta’ apparat konsumabbli meħtieġa għal trattamenti kritiċi fil-kura tal-kliewi. Il-kostruzzjoni fuq is-sit mistennija tibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Prim Ministru ddeskriva dan l-investiment bħala mument storiku dan hekk kif għall-pajjiżna dan hu l-akbar investiment dirett barrani li qatt kellna. “Dan juri d-diliġenza, il-ħila u l-kompetenza li għandna kif nattrattaw investiment dirett barrani lejn pajjiżna u fis-setturi illi nemmnu li għandhom jikkostitwixxu l-futur ta’ dan il-pajjiż. Għalina dawn huma s-setturi ta’ kwalità li ta’ spiss nitħaddtu dwarhom, joħorġu mill-Viżjoni Malta 2050, u huma l-ħolma illi aħna għandna għaż-żgħażagħ tagħna. Dan it-tip ta’ investiment li mbagħad joħolqu dawk il-250 karriera ta’ kwalità fis-setturi ta’ valur miżjud illi aħna nemmnu li għandna niddirezzjonaw l-ekonomija tagħna lejhom,” tenna l-Prim Ministru. 

Dr Abela semma kif waħda mir-raġunijiet li l-investituri għażlu lil pajjiżna kien l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija li qed joffri pajjiżna. “Pajjiżna huwa l-uniku Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u wieħed mill-uniċi madwar id-dinja illi ma għolliex il-prezz tad-dawl, tal-petrol, tal-gass, tad-diesel u tal-ilma b’ċenteżmu wieħed, u mhux illum imma għal medda konsistenti ta’ snin,” sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru żied jgħid li meta tara kumpanija ta’ kalibru u t’eċċellenza illi tagħżel lil pajjiżna, l-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, biex fih tixħet l-investiment tagħha, dak huwa frott l-istabbiltà li qegħdin nipprovdu bħala pajjiż, kif ukoll id-direzzjoni ċara u viżjoni fit-tul li għandna permezz tal-Viżjoni Malta 2050.

Huwa rrimarka li l-għażla tal-kumpanija Vantive li tinvesti f’Malta tfisser li pajjiżna qed jissaħħaħ f’settur ta’ valur għoli, b’ħiliet speċjalizzati u b’potenzjal ta’ tkabbir fit-tul.  Semma wkoll kif il-prodott li se jkun manifatturat minn Vantive se jikkontribwixxi b’mod dirett għat-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-bniedem.

Il-Prim Ministru temm jgħid li dan il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jġib dawn l-investimenti li joffru karrieri ta’ kwalità u jkunu ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jaħtfu dawn l-opportunitajiet. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri qal li dan l-investiment huwa frott ta’ xhur ta’ ħidma, negozjati u determinazzjoni biex Malta tattira industriji strateġiċi f’ambjent internazzjonali kompetittiv. Huwa qal li Vantive tirrappreżenta t-tip ta’ investiment li Malta trid tkompli tattira – wieħed ta’ valur miżjud għoli, immexxi mill-innovazzjoni, teknoloġija avvanzata, manifattura ta’ preċiżjoni u esportazzjoni internazzjonali.

Il-Ministru ħeġġeġ ukoll liż-żgħażagħ isegwu taħriġ f’oqsma bħall-MedTech, il-manifattura avvanzata, il-farmaċewtika u t-teknoloġiji ta’ preċiżjoni, filwaqt li rringrazzja lil Malta Enterprise u INDIS Malta għall-ħidma tagħhom biex dan l-investiment jiġi assigurat għal Malta.

Brian Tabone, Senior Director għall-Istrateġija tal-Manifattura f’Vantive, qal li l-kumpanija għażlet lil Malta minħabba r-reputazzjoni li pajjiżna għandu fil-manifattura, il-pożizzjoni strateġika, il-ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati, l-ambjent favorevoli għan-negozju u l-appoġġ li l-Gvern joffri. Huwa spjega li dan il-proġett se jippermetti lil Vantive ssaħħaħ l-operat tagħha f’Malta, filwaqt li tkompli tipprovdi apparat mediku essenzjali għal pazjenti li jeħtieġu kura għall-mard tal-kliewi. “Inħarsu ‘l quddiem li nkomplu nibnu fuq il-wirt tagħna fil-manifattura f’Malta, hekk kif inkomplu nwettqu l-missjoni ta’ Vantive li testendi l-ħajja u twessa’ l-possibiltajiet għall-pazjenti madwar id-dinja”, stqarr Brian Tabone.

PR260788

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, inawgura l-bidu tas-servizz tal-Fast Ferry minn Tas-Sliema għal Buġibba, u minn Buġibba għal Għawdex.

Dr Abela qal li dan is-servizz ta’ Fast Ferry ser ikun bla ħlas bejn Tas-Sliema u Buġibba biex b’hekk f’Malta jkollna t-trasport pubbliku kollu, kemm tal-art u kemm tal-baħar, mingħajr ħlas. “Fi żmien fejn f’ħafna pajjiżi s-servizzi pubbliċi qed jitnaqqsu fid-dawl tal-awsterità li qed tirrenja fl-Ewropa, id-deċiżjoni tal-Gvern li jżid is-servizzi u jagħmel dan b’xejn hija l-aqwa ċertifikat tar-ruħ progressiva tagħna”, irrimarka l-Prim Ministru. 

Huwa żied jgħid li dan is-servizz ġdid minn Tas-Sliema lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta, imbagħad lejn il-gżira Għawdxija se joffri għażla għall-Għawdxin li jridu jiġu Malta biex jieqfu f’żewġ lokalitajiet oħra ma’ dawk li bħalissa għandhom konnessjoni diretta magħhom, jiġifieri ċ-Ċirkewwa u l-Belt.

Kompla jgħid li dan is-servizz qed jiġi integrat fis-sistema ta’ Tallinja bil-Baħar li fiż-żmien li ġej ser tkompli tespandi biex tilħaq ukoll l-esiġenzi tal-popolazzjoni tan-nofsinhar tal-pajjiż, b’servizz ġdid li jgħaqqad lil Marsaskala u l-Belt Valletta. Servizz li mistenni jibda meta jitlesta x-xogħol infrastrutturali li għaddej fuq il-ferry landing f’Wied il-Għajn.

Dr Abela nnota kif fi ftit aktar minn sentejn li ilu jaħdem bla ħlas s-servizz tal-Harbour Ferry, użaw dan is-servizz aktar minn miljun u nofs passiġġier. Huwa sostna li Tallinja bil-Baħar u t-trasport marittimu huma element importanti fil-pjan Malta in Motion li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu. Pjan li diġà qed jiġi implimentat u li fix-xhur u snin li ġejjin, se jkompli jissaħħaħ billi servizzi tal-ferries jiġu integrati aħjar ma’ sistemi oħra ta’ trasport bħal tal-linja, l-użu tar-rota, il-mixi u l-La Valletta line fil-futur.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li l-Gvern għandu pjanijiet biex isaħħaħ is-servizz tal-Gozo Channel, b’investiment qawwi biex iżidu n-numru ta’ vapuri u jkollna bastimenti b’teknoloġija li tniġġeż anqas. “Investiment multi-miljunarju li se jkun kumplimentat b’servizzi aqwa ta’ trasport pubbliku f’Għawdex. Dan minbarra s-servizz ta’ air taxi bejn iż-żewġ gżejjer”, tenna Dr Abela.

Semma wkoll li diġà nħolqot taskforce bl-għan li jiġi analizzat l-operat tal-port tal-Imġarr biex imbagħad tiġi assigurata s-sostenibbiltà fit-tul hekk kif tkompli tissaħħaħ il-konnettività lejn il-gżira Għawdxija b’servizzi bħal dawn.

Il-Prim Ministru nnota li l-Viżjoni Malta 2050 tidentifika KPIs u miri ċari fuq dak li rridu niksbu għal Għawdex. L-istess bħalma joħorġu mill-istrateġija Għawdex Gżira ta’ Villaġġi, liema strateġija se tkun qed tiġi aġġornata biex tikkumplimenta aħjar il-Viżjoni Malta 2050.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Bonett qal li “Dan is-servizz ifisser konnessjoni aħjar miċ-ċentru ta’ Malta għal Buġibba. Ifisser alternattiva reali għal dawk li jridu jaslu Għawdex jew jinżlu minn Għawdex lejn Malta. Ifisser li Għawdxin li llum jinżlu lejn Malta se jkollhom mhux biss il-konnessjonijiet eżistenti maċ-Ċirkewwa u mal-Belt, iżda wkoll rotot oħra li jiftħu opportunitajiet ġodda. Servizz ġdid ta’ bus ċirkolari ser jibda jopera mil-lum biex jikkumplimenta dan is-servizz ta’ fast ferry. Dan kollu jorbot ma’ Malta in Motion, il-viżjoni tal-Gvern għal futur tal-mobilità ta’ pajjiżna li l-għan tiegħu hu li jagħtik id-dritt li tivjaġġa kif tixtieq.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia rrimarka kif it-tnedija tas-servizz ġdid ta’ ferry li jgħaqqad lil Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex ifisser riżultat konkret ieħor fil-pjan ta’ Malta in Motion. “Dan huwa pass ieħor ’il quddiem fil-mod kif qegħdin inħarsu lejn trasport modern u integrat. Nemmnu bi sħiħ li dan is-servizz huwa parti minn sistema akbar fejn mezzi differenti ta’ trasport jaħdmu b’mod sinkronizzat flimkien”, saħaq Kurt Farrugia.