Month: October 2025

PR251929

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, inawgura l-lukanda ġdida VOCO Hotel f’San Ġiljan, investiment ta’ €40 miljun imwettaq mill-Eden Leisure Group, bħala parti mill-InterContinental Hotels Group. Din il-lukanda ta’ ħames stilel, li tinkludi 168 kamra moderna, hija xiehda ta’ kemm is-settur privat għandu fiduċja fl-ekonomija Maltija u jemmnu fil-futur tat-turiżmu f’pajjiżna.

Malta qed tkompli tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha bħala waħda mill-aktar destinazzjonijiet importanti internazzjonalment fid-dinja tat-turizmu. Fl-ewwel tmien xhur tal-2025, in-nefqa tat-turisti f’pajjiżna żdiedet bi 18.2% meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, riżultat li juri t-tkabbir b’saħħtu u sostenibbli li qed jesperjenza s-settur turistiku Malti.

Barra minn hekk, skont ċifri ppubblikati minn Eurostat, Malta kklassifikat l-ewwel fost il-pajjiżi Ewropej għan-numru ta’ ljieli ta’ akkomodazzjoni, li żdiedu bi kważi 13% fl-ewwel nofs tas-sena.  Is-settur turistiku Malti qed ikompli jikber b’rata li mhux biss taqbeż il-medja Ewropea, iżda anke dik ta’ ħafna pajjiżi oħra fil-Mediterran.

Dr Abela enfasizza li dan it-tkabbir huwa frott ta’ għażliet strateġiċi u t-twettieq ta’ inizjattivi b’saħħithom, bl-għan li pajjiżna jkollu tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huwa tenna li permezz tal-Malta Vison 2050 pajjiżna qed iħares lejn futur fejn it-turiżmu jibqa’ jiffoka fuq il-kwalità, aktar milli fuq il-kwantità.

Il-Prim Ministru tenna kif il-Gvern se jkompli isostni l-bażi għal turiżmu sostenibbli permezz ta’ infrastruttura aħjar u kollaborazzjoni b’saħħita bejn is-settur pubbliku u dak privat.

Bil-bini tal-lukanda VOCO, Eden Leisure Group qed ikomplu jsaħħu r-relazzjoni mal-kumpanija IHG Hotels Group, hekk kif din hija t-tielet lukanda li qed titmexxa minn din il-kumpanija internazzjonali f’pajjiżna. Dan l-investiment jibqa jpoġġi lil Malta fuq il-mappa bħala destinazzjoni ta’ turiżmu ta’ kwalità li tgħaqqad l-ospitalità mal-innovazzjoni.

PR251915

F’Malta se jkollna middle-class li mhux se jħallsu ċenteżmu f’taxxa

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, wara li ġie ppreżentat il-Budget 2026, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-familji b’miżura bla preċedent f’ġenerazzjoni, dik ta’ tax cut akbar għall-ġenituri ħaddiema. F’pajjiżna se jkollna middle class ta’ ġenituri ta’ żewġ ulied jew aktar li jaqilgħu sa €30,000 kull wieħed, li mhux se jibqgħu jħallsu taxxa minn tliet snin oħra ’l quddiem. Għalhekk din il-miżura fl-intir tagħha se twassal biex dawn il-ġenituri ma jħallsux taxxa għal kważi kwart ta’ seklu. Ġenituri ħaddiema b’wild wieħed ukoll se jgawdu minn tnaqqis qawwi fit-taxxa.

Dr Abela nnota kif filwaqt li ekonomiji f’pajjiżi oħra Ewropej qed jistaġnaw u l-Gvernijiet tagħhom qed jaħdmu bl-awsterità, il-Maltin u l-Għawdxin qed igawdu mill-aqwa Budget fl-istorja. “Budget li qed jagħtihom serħan il-moħħ li l-Gvern qiegħed hemm għalihom. Qiegħed hemm meta jibdew familja. Meta jkollhom l-ulied, kif ukoll meta jsiru anzjani. Għax b’familji b’saħħithom, ikollna ekonomija b’saħħitha”, saħaq il-Prim Ministru.

Qal li dawk l-aktar fil-bżonn se jkunu qed igawdu minn pakkett soċjali ta’ €120 miljun. Single parent b’żewġt itfal fuq il-paga minima bejn In-Work Benefit u żieda fiċ-Children’s Allowance se tara dħul tagħha jiżdied b’€650 oħra.

Il-pensjonanti Għawdxin u Maltin se jaraw il-ħdax-il żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, żieda li tammonta għad-doppju tal-għoli tal-ħajja. Dan filwaqt li qed jingħataw żidiet ogħla għar-romol u dawk imwielda qabel l-1962 se tkompli tissewwa inġustizzja li nħolqot fl-2006. Il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għaż-żieda ta’ 15% fl-istipendji tal-istudenti kollha, flimkien maż-żieda fl-għotja lil studenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Budget qed ikompli jagħti spinta lin-negozji b’inċentivi ġenerużi imma ffukati. Huwa żied jgħid li pajjiżna qiegħed fl-għatba ta’ trasformazzjoni totali. Dan hekk kif fil-bidu tas-sena d-dieħla se tkun qed tiġi varata l-Viżjoni Malta 2050 b’miri ambizzjużi mmens. Fosthom li pajjiżna jiġi mal-aqwa fid-dinja fejn jidħol żvilupp uman, li l-livell tas-sodisfazzjon fil-ħajja u d-dħul għall-familji jkunu fost l-aħjar fl-Ewropa. Huwa saħaq li biex nagħmlu dan kollu għandna bżonn investimenti kbar, b’bidliet fil-mod kif jaħdmu n-negozji, f’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija, kif ukoll fil-ħiliet tal-ħaddiema. B’hekk il-Gvern qed jalloka fond ta’ €100 miljun għall-qalba diġitali u adozzjoni tal-AI għal kulħadd.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg innota li l-Budget 2026 qed jibni fuq il-kisbiet tal-Maltin u l-Għawdxin f’dawn l-aħħar snin sabiex l-istabbiltà ekonomika verament tissarraf f’ħajja aħjar, filwaqt li jidderieġi lill-pajjiż lejn iżjed reżiljenża u sostenibbiltà fis-snin li ġejjin. “Il-poplu tagħna dejjem kien kapaċi jistinka biex għelibna l-isfidi u wasalna fejn xtaqna. Is-suċċess ekonomiku ta’ dawn l-aħħar snin qatt ma rajna bħalu, suċċess li ksibna għax ħdimna flimkien, bħala pajjiż. Iżda l-isfidi li dan iġib miegħu f’diversi komunitajiet, u sfidi oħrajn globali li qed jolqtu lil pajjiżna, jeħtieġu impenn mill-aktar b’saħħtu wkoll. B’dan il-Budget, il-Gvern qed joffri l-għodda biex inkomplu niġbdu ħabel wieħed, biex inkomplu naħdmu flimkien għal futur aħjar għall-familji u l-komunitajiet f’pajjiżna,” stqarr id-Deputat Prim Ministru.

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li f’dan il-Budget il-Gvern reġa’ wera kemm dan huwa Gvern li jagħti garanzija lill-poplu. “Bħalma ma bżajniex nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa quddiem l-isfidi l-kbar li ġew fl-aħħar snin, illum komplejna nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi biex naħsbu fil-futur. Budget b’miżuri studjati u responsabbli, li jinfluwenza l-futur tas-soċjetà Maltija u Għawdxin għall-aħjar”, saħaq il-Ministru Caruana.

PR251902

It-tibdil fil-klima u l-appoġġ lill-Ukrajna jiddominaw l-aġenda tad-diskussjonijiet

“Filwaqt li nżommu l-livell għoli ta’ ambizzjoni li għandna, irridu naraw li nilħqu l-miri tagħna mingħajr ma nitfgħu piżijiet sproporzjonati fuq il-familji u n-negozji tagħna.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’waħda mid-diskussjonijiet ewlenin ta’ dan is-Summit.

Fil-kuntest tal-isforzi li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel biex issaħħaħ il-kompetittività globali, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li jittieħdu deċiżjonijiet ekwi u li jieħdu kont tar-realtajiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru, inkluż b’mod partikolari dawk tal-Istati Membri gżejjer bħalma huwa pajjiżna. Fl-interventi tiegħu, il-Prim Ministru insista li dawn ir-realtajiet iridu jkunu riflessi fil-leġiżlazzjoni li ser twassal lill-Unjoni Ewropea biex tilħaq il-miri klimatiċi li għandha għall-2040 u l-2050, u tenna li jridu jiġu evitati żbalji tal-passat billi l-impatt ta’ kull pass ikun studjat fid-dettall mill-Kummissjoni Ewropea. Dan ġie rifless ukoll f’dikjarazzjoni li għamel pajjiżna u li ġiet annessa mal-konklużjonijiet formali tal-Kunsill Ewropew, fejn ġew deskritti r-realtajiet u l-bżonnijiet speċifiċi ta’ Stati Membri gżejjer bħal Malta.

Tema oħra ewlenija fuq l-aġenda tal-mexxejja kienet dik dwar l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna, fejn il-Prim Ministru saħaq fuq is-solidarjetà kontinwa mal-poplu Ukren, filwaqt li mill-ġdid tenna li kull sforz lejn trattat tal-paċi, ġej minn fejn ġej, irid ikun sostnut. F’dan ir-rigward, il-mexxejja komplew jiddiskutu l-kunċett ta’ Reparations Loan imressaq mill-Kummissjoni Ewropea, fejn għal darb’oħra l-Prim Ministru Robert Abela kien parteċipi b’mod attiv u saħaq fuq il-bżonn li jkun studjat aktar l-impatt fuq kull Stat Membru u fuq l-Unjoni Ewropea. Huwa tenna wkoll li l-eventwali proposta għandha tkun konformi mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, u li trid tkun rispettata n-newtralità Kostituzzjonali ta’ pajjiżna.

F’taħdidiet dwar id-difiża u s-sigurtà fl-Ewropa, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li Malta tingħata l-libertà meħtieġa li biha titħalla topera u tikkontribwixxi fil-limiti tal-Kostituzzjoni. Huwa enfasizza li s-sigurtà tmur lil hinn mill-elementi tradizzjonali tad-difiża u qal li oqsma bħal dawk tas-sigurtà marittima, l-istat ta’ tħejjija għal kriżijiet, u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika madwar il-Mediterran u l-viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jibqgħu ta’ prijorità għal pajjiżna.           

Il-Mexxejja ddiskutew ukoll temi oħra, fosthom l-akkomodazzjoni affordabbli kif ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, fejn il-Prim Ministru kompla jenfasizza l-importanza tal-immobilizzar ta’ riżorsi u għajnuna umanitarja, partikolarment f’Gaża. Huwa semma kif bħalma pajjiżna ta sehmu fl-evakwazzjoni u fit-trattament ta’ pazjenti tfal minn Gaża, hemm bżonn sforz b’saħħtu kollettiv xprunat mill-empatija u gwidat minn prinċipju waħdieni, dak tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati. B’hekk biss dan ir-reġjun ser jkun jista’ jiżgura d-dinjità fil-Palestina kif ukoll is-sigurtà fl-Iżrael.

Il-Prim Ministru pparteċipa wkoll fis-Summit tal-Euro fejn tkellem dwar il-ħtieġa li nkomplu nsaħħu s-sostenibbiltà fiskali fit-tfassil tal-politika ekonomika għall-futur. Huwa qal li l-politika tal-Unjoni Ewropea trid tkun waħda ta’ flessibbiltà u r-rispett lejn il-kompetenzi nazzjonali, filwaqt li tibqa’ tassigura l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri.

Qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru pparteċipa wkoll f’laqgħa ta’ koordinament dwar l-immigrazzjoni flimkien ma’ tnax-il pajjiż ieħor u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-appoġġ kontinwu ta’ pajjiżna favur sforz kollettiv u strateġiku quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni, b’enfasi fuq solidarjetà, responsabbiltà u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, inkluż dawk tal-oriġini u tat-tranżitu. Il-Prim Ministru qal li l-proċess tal-adozzjoni tal-liġijiet, partikolarment dwar ir-ritorn ta’ dawk li ma jistħoqqilhomx l-ażil, għandu jkun aktar spedit, filwaqt li tenna l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u istituzzjonijiet oħra Ewropej, inkluż mal-Kunsill tal-Ewropa sabiex din l-isfida tiġi indirizzata b’mod ħolistiku.

PR251887

Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna. Din hija t-tema għall-Budget 2026 li l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jippreżenta nhar it-Tnejn li ġej fil-Parlament.

Il-Budget moqri mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, se jkompli jinvesti fil-familji, fil-ħaddiema, fiż-żgħażagħ, fil-pensjonanti għax il-pajjiż għandu ekonomija b’saħħitha, ekonomija li toffri futur għal uliedna.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li meta l-ekonomija tkun b’saħħitha, igawdu l-familji Maltin u Għawdxin. “Dak li ksibna flimkien se jkun il-pedament tal-progress tal-futur,” qal il-Prim Ministru meta ħabbar it-tema tal-Budget li se jkompli jwitti futur sabiħ għal ulied Malta.

PR251878

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza konferenza tal-EY li tixhed il-fiduċja b’saħħitha f’Malta

Fil-ftuħ tal-konferenza ‘Malta Future Realised 2025’ organizzata minn EY, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li issa li pajjiżna stabbilixxa ekonomija b’saħħitha, il-Gvern għandu tliet miri importanti għat-tkattir tas-suċċess ibbażati fuq il-Viżjoni Malta 2050.

Fil-konferenza li fiha ġie rrimarkat li r-rata ta’ attrazzjoni mill-investituri f’pajjiżna telgħet ’il fuq għal 79%, l-ogħla rata fi kważi għaxar snin, il-Prim Ministru qal li rridu li pajjiżna jkun fost l-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fl-iżvilupp uman, li d-dħul disponibbli għall-familji jaqbeż bi 15% il-medja Ewropea u li s-sodisfazzjon tal-ħajja tal-Maltin tkun fost l-aqwa fl-Ewropa. Dawn huma miri li wkoll joħorġu mill-Viżjoni Malta 2050.

Fid-diskors tiegħu, Dr Abela nnota li filwaqt li ħafna mill-akbar ekonomiji fid-dinja, spiss meqjusa bħala ġganti ekonomiċi globali, esperjenzaw tnaqqis, l-istorja ekonomika ta’ Malta kienet waħda ferm differenti u ħafna aktar pożittiva. “L-aġenziji tar-rating, waħda wara l-oħra, reġgħu affermaw il-fiduċja tagħhom f’Malta u żammew ratings pożittivi għal pajjiżna,” tenna l-Prim Ministru Abela. Huwa żied jgħid li l-EY Attractiveness Survey għal Malta jikkonferma din il-fiduċja u juri li pajjiżna kompla jkun pajjiż attraenti għal-investituri.

Il-Prim Ministru wera sodisfazzjon li kważi żewġ terzi ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ sostnew li qed jippjanaw li jibqgħu f’Malta fl-għaxar snin li ġejjin, filwaqt li disgħa minn kull għaxar kumpaniji qed jippjanaw li jespandu jew isostnu l-investiment tagħhom f’pajjiżna. Dr Abela afferma li l-ekonomija ta’ Malta issa hija terz ikbar milli kienet qabel il-pandemija, filwaqt li n-numru ta’ persuni li qed ifittxu impjieg naqas b’terz.

“Bl-adozzjoni ta’ politiki ekonomiċi progressivi, illum ninsabu f’pożizzjoni ferm aktar b’saħħitha minn pajjiżi li għażlu li jħaddnu awsterità fuq medda qasira ta’ żmien,” qal il-Prim Ministru. Huwa saħaq li l-appoġġ tal-Gvern għall-familji u n-negozji ta’ ħarsien lill-kapaċità produttiva ta’ pajjiżna.

Dr Abela esprima sodisfazzjon li bit-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050 kmieni s-sena d-dieħla, il-pajjiż se jkollu strateġija komprensiva mibnija mill-poplu u għall-poplu, viżjoni li tintrefa’ ’l fuq mill-partiġġjaniżmu politiku u tistabbilixxi pjan għall-prosperità fit-tul ta’ Malta u Għawdex.