Month: October 2025

PR251778

Fil-Berġa ta’ Kastilja, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2026 mar-rappreżentanti tal-Forum Unions Maltin, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li budget wara ieħor dejjem intwera biċ-ċar li din l-amministrazzjoni kommessa li tibqa’ taħdem bi sħiħ għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema kollha, kemm dawk fis-settur pubbliku kif ukoll dawk li jaħdmu fil-privat.

Dr Abela rrimarka li l-ftehimiet kollettivi huma l-qalba ta’ relazzjoni stabbli bejn il-ħaddiema u l-amministrazzjoni. F’din il-leġiżlatura, fi ftit iktar minn tliet snin u nofs, ġew iffirmati aktar minn 110 ftehimiet li fih itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u żiedu l-pagi ta’ ’l fuq minn 40,000 impjegat.

Huwa rrimarka kif grazzi għal ekonomija stabbli u li trendi, pajjiżna se jerġa’ jkollu budget mingħajr żieda fit-taxxi. Fl-istess waqt il-Gvern se jkompli jonora l-patt soċjali dwar il-paga minima, hekk kif se jerga’ jkun hemm żieda fil-paga minima.

Il-Prim Ministru  sostna li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-ħiliet u t-taħriġ biex ikompli jiġi żgurat li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikollhom l-aqwa opportunitajiet għall-avvanzi professjonali. Dan jinkludi investiment fi programmi ta’ taħriġ, korsijiet vokazzjonali, u inizjattivi li jsaħħu l-produttività u l-kwalità tax-xogħol.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru Roderick Galdes, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Alicia Bugeja Said, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru il-Kurunell Mark Mallia.

PR251775

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2026, mar-rappreżentanti tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif permezz ta’ djalogu miftuħ u Gvern li jisma’, l-infermiera u l-qwiebel qed igawdu minn ftehim kollettiv li qed jagħtihom l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol.

Huwa saħaq li l-Gvern se jkompli jinvesti fir-riżorsa umana, biex dan is-settur vitali jkompli jissaħħaħ u joffri servizz ta’ kwalità lill-pazjenti.

Dr Abela enfasizza li s-settur tas-saħħa huwa u se jibqa’ wieħed mill-aktar pilastri essenzjali tal-politika ta’ dan il-Gvern, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa fiżika, iżda wkoll ma’ dik mentali. Fuq is-saħħa mentali, il-Prim Ministru rrimarka li l-Gvern jinsab impenjat li jkompli jsaħħaħ il-faċilitajiet u s-servizzi, inkluż dawk speċjalizzati, flimkien ma’ aktar investiment biex ikomplu jitjiebu l-ħiliet ta’ dawk li jaħdmu f’dan il-qasam.

Hu fakkar li f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern kompla jinvesti b’mod sostanzjali fis-sistema tas-saħħa, kemm fl-infrastruttura u t-teknoloġija, kif ukoll fl-investiment fil-ħaddiema tas-saħħa. Semma t-titjib fil-kura primarja, fejn anke rrefera għaċ-Ċentru tal-Kura tas-Saħħa Primarja Ċensu Moran, li issa beda jopera u joffri servizzi estensivi lill-pazjenti, fosthom podjatrija, fiżjoterapija u klinika tal-mediċina respiratorja.

Il-Prim Ministru żied jgħid li l-kura primarja hi essenzjali biex titnaqqas il-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei u biex il-kura medika ssir aktar aċċessibbli fil-qalba tal-komunitajiet. Huwa semma wkoll is-servizz telefoniku ġdid għal każijiet ta’ saħħa mhux ta’ emerġenza, li qed juri riżultati pożittivi. “Dawn huma biss ftit mill-inizjattivi li l-Gvern ħadem fuqhom matul dawn l-aħħar xhur,” sostna Dr Abela.

Preżenti għal din il-laqgħa konsultattiva kien hemm il-Ministru Jo Etienne Abela, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul, Malcolm Paul Agius Galea u Rebecca Buttigieg, id-Deputati Chris Fearne, Michael Farrugia u Romilda Zarb u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru l-Kurunell Mark Mallia.

PR251769

Fl-ogħla forum tal-amministrazzjoni pubblika, il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li l-Berġa ta’ Kastilja kisbet ċertifikat ambjentali

Fl-ogħla forum tal-amministrazzjoni pubblika, f’laqgħa mas-Segretarji Permanenti fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li resqin lejn Budget ieħor b’saħħtu li se jagħti garanzija lill-familji u hija mbagħad l-amministrazzjoni pubblika li trid tkun mutur fl-implimentazzjoni tal-miżuri għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Fl-indirizz tiegħu fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u s-Segretarji Permanenti fi ħdan il-Ministeri fost oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ukoll li l-binja ta’ Kastilja għadha kif kisbet ċertifikat ISO 14001:2015, li huwa ċertifikat ambjentali verifikat minn entità indipendenti. “Il-Berġa ta’ Kastilja, f’binja storika qed nagħtu eżempju bħala Gvern biex b’mod responsabbli lejn l-ambjent innaqqsu l-impatt fuq il-klima”, qal Dr Abela hu u jinnota kif il-ħidma biex il-Berġa ta’ Kastilja tkun ambjentalment sostenibbli nibtet minn grupp ta’ tfal ta’ Eko-Skola li waqt pandemija żaru Kastilja u saħqu fuq il-ħtieġa li l-operat tal-binja jkun aktar effiċjenti f’termini ta’ użu ta’ enerġija.

Il-Prim Ministru fakkar f’riforma li għadda l-Gvern biex ssostni l-ħaddiema u uffiċjali fl-amministrazzjoni pubblika, dawk li kuljum jaqdu dmirhom b’sens ta’ dover u lealtà lejn pajjiżna. Fejn issa l-uffiċjali pubbliċi mhux se jibqgħu jistgħu jiġu mfittxija personalment għal deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu b’rieda tajba. Fisser li għalhekk ukoll irridu li l-amministrazzjoni pubblika trid tkompli taħdem b’saħħa, b’serenità u b’mod effettiv.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li pajjiżna għandu riżultati ekonomiċi u qed ikompli jiġbed lejh investiment ta’ kwalità. Qal li dan kollu jkompli jimliena b’kuraġġ biex il-Gvern iwettaq il-programm ta’ ħidma għall-ġid tal-familji.

F’dan il-forum tkellem ukoll il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana. Huwa qal li l-amministrazzjoni pubblika mhux biss timplimenta dak li jitħabbar fil-Budget imma wkoll tagħti rendikont ta’ dan it-twettiq. Huwa żvela li fil-jiem li ġejjin se nkunu qed inħabbru rata qawwija ta’ implimentazzjoni tal-Budget 2025. Is-Servizz Pubbliku mhux biss qed jissoda l-istrutturi tiegħu fil-preżent imma wkoll jaħseb fil-futur. “Din is-sena, is-Servizz Pubbliku ta opportunità lil madwar 2,500 student żagħżugħ sabiex jaħdmu magħna u jiksbu l-esperjenza”, qal Tony Sultana.

Huwa sostna li teżisti fiduċja kbira bejn il-Gvern u l-amministrazzjoni pubblika tant li dejjem irċevejna appoġġ u protezzjoni, fosthom anke mil-att leġislattiv u l-investimenti fis-servizz kemm f’termini ta’ riżorsi umani u teknoloġija dejjem baqa’ għaddej. “Għandna nħarsu ’l quddiem b’aktar fiduċja biex inkomplu bil-ħidma u riformi kontinwi”, temm jgħid il-Kap tas-Servizz Pubbliku.

PR251760

Waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2026, din id-darba mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern se jkompli jipproteġi l-investiment ta’ kulħadd iżda jeħtieġ niddirezzjonaw lejn il-kwalità. Qal li l-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jinvesti fit-tisħiħ tas-settur turistiku, settur li jifforma pilastru ewlieni tal-ekonomija nazzjonali.

Huwa nnota, kif l-istrateġija nazzjonali għat-turiżmu, li qed tiġi implimentata, flimkien mal-Viżjoni Malta 2050, it-tnejn iħaddnu l-prinċipju tal-kwalità fuq kwantità. Bl-enfasi tkun li jiġu attirati lejn pajjiżna dejjem aktar turisti li japprezzaw l-esperjenza awtentika Maltija u li jħallu impatt dejjem aktar pożittiv fuq l-ekonomija u l-komunitajiet lokali.

Dr Abela spjega kif matul l-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, pajjiżna ra żieda ta’ 18.2 % fin-nefqa mit-turisti meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika kklassifika lil Malta fl-ewwel post f’dak li għandu x’jaqsam ma’ overnight stays, li sal-ewwel nofs tal-2025 żdiedu b’12.7%. Il-Prim Ministru sostna li dawn ir-riżultati jinkoraġġixxu aktar lill-Gvern biex ikompli jħaddem politika tal-inċentiv li twassal għal turiżmu ta’ kwalità u sostenibbiltà.

Il-Prim Ministru fisser l-MHRA bħala stakeholder importanti biex flimkien ma’ oħrajn inkomplu ntejbu l-prodott Malti għat-turisti u nnota kif pajjiżna qed isaħħaħ il-konnettività. Hawn innota kif mis-sena d-dieħla se jibda jkollna wkoll titjiriet diretti mill-Istati Uniti, mil-linja tal-ajru Delta Airlines. Dan is-sajf, Malta kellha kważi 110 rotot diretti, filwaqt li bdew joperaw numru ta’ kumpaniji tal-ajru ġodda. 

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Clint Camilleri, Byron Camilleri u  Chris Bonnet, is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.

PR251746

Fil-Berġa ta’ Kastilja, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2026 mal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA), il-Prim Ministru Robert Abela sostna li resqin lejn Budget ieħor li jagħti kuraġġ lil min iħaddem. Spjega kif matul din il-leġislatura, il-Budget dejjem kien riflessjoni tal-politika li jħaddan il-Gvern, politika ta’ inċentivi u ta’ sostenn.

Huwa żied jgħid li grazzi għal ekonomija li tkompli turi tkabbir u stabbiltà, il-Gvern jinsab f’pożizzjoni li jkompli jibni fuq il-Budgets ta’ qabel. Hawn irrimarka għal suq tax-xogħol b’saħħtu li għandu sfidi iżda huma għalkollox differenti minn dawk li qed naraw lil hinn minn xtutna. Spjega li llum irridu naraw aktar persuni jieħdu l-aqwa opportunitajiet li jinħolqu fil-pajjiż, fosthom minn min iħaddem.

Il-Prim Ministru rrimarka li min iħaddem u l-intrapriżi huma ħolqa essenzjali biex il-familji tal-lum u ta’ għada jkollhom futur u kwalità ta’ ħajja aħjar. Żied jgħid li l-pajjiż qed ikompli jattira investiment u xogħol ta’ kwalità f’pajjiżna. Qal li permezz ta’ diversi entitajiet pubbliċi, il-Gvern qed joffri numru ta’ skemi li mhux biss isaħħu l-operat tal-intrapriżi, iżda jgħinuhom jinvestu fl-aqwa riżorsa tagħhom, il-ħaddiem.

Waqt din il-laqgħa kien hemm preżenti il-Ministri Clyde Caruana, Clifton Grima u Jonathan Attard, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat Alex Muscat, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.