Month: October 2025

PR251732

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2026 mar-rappreżentanti tal-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) – Voice of the Workers fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fil-Budget li jmiss se nkomplu nsaħħu l-qagħda tal-ħaddiema. Spjega kif b’ekonomija b’saħħitha u li tippermetti, kapaċi nkomplu nimbuttaw favur it-titjib fil-qagħda tal-ħaddiem.

“Ħaddiem b’saħħtu jfisser pajjiż b’saħħtu”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela hu u jinnota miżuri li se jkomplu jkunu sostnuti mill-Gvern fosthom bit-tax-cut li l-ħaddiema bdew igawdu minn din is-sena. Illum, kull min jaħdem għandu minn tal-inqas l-ewwel €1,000 li jaqla’ mingħajr ma jħallas taxxa fuqhom.

Il-Prim Ministru nnota wkoll ir-relazzjonijiet industrijali tajbin li għandu l-Gvern anki mal-UĦM u nnota kif bis-saħħa tal-interess komuni favur il-ħaddiema, ġew iffirmati numru ta’ ftehimiet kollettivi li komplew itejbu l-qagħda tal-ħaddiem u taw l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Prim Ministru semma wkoll il-Labour Migration Policy, li fissirha bħala politika bilanċjata favur anki l-interess tal-ħaddiem. Qal li l-Gvern introduċa din il-politika fil-mument li kien meħtieġ.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Michael Falzon, Silvio Schembri, Byron Camilleri, Clyde Caruana u Jo Etienne Abela, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Malcolm Paul Aguis Galea, id-Deputati Deo Debattista u Katya De Giovanni kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru l-Kurunell Mark Mallia.

PR251731

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur Freshers’ Week fl-MCAST

Fi żjara fil-kampus f’Raħal Ġdid tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-investiment fl-edukazzjoni vokazzjonali biex aktar opportunitajiet ta’ kwalità jeħduhom iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Waqt Freshers’ Week, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ bosta studenti, fosthom dawk li bdew kors fl-MCAST din is-sena. Fil-fatt hemm ftit aktar minn 3,600 student ġdid fl-MCAST din is-sena f’korsijiet varji. Din is-sena wkoll daħlu studenti fl-Istitut tas-Snajja’ li fetaħ il-Gvern b’impenn lejn it-tkattir tas-sengħa Maltija fost iż-żgħażagħ. B’kollox studenti fl-MCAST hemm ftit aktar minn 9,200 student, li jfisser 2% żieda fuq sena qabel.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll l-investiment li qed isir fl-Istitut tal-ICT, binja ta’ 3,420 metru kwadru li se titlesta fiż-żmien li ġej biex tagħti l-aqwa ambjent u faċilitajiet edukattivi għall-istudenti, fosthom laboratorji state-of-the-art. Il-Prim Ministru rrimarka wkoll għall-miżuri li daħħal il-Gvern biex jappoġġja lill-istudenti fosthom bl-għotja ta’ €1,500 fuq tliet snin li tingħata lill-ġenituri ta’ dawk l-istudenti li jibqgħu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja. Minn din il-miżura qed igawdu wkoll l-istudenti tal-MCAST.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-aqwa għaż-żgħażagħ u l-familji tagħna ifisser appoġġ lilhom tul vjaġġ edukattiv importanti biex iż-żgħażagħ imbagħad jaħtfu l-aqwa opportunitajiet li qed joffri l-pajjiż. Fakkar ukoll fit-tisħiħ fl-istipendji, fosthom f’korsijiet ta’ setturi emerġenti u qal li l-istipendju qiegħed hemm biex jibqa’ ħalli jappoġġja l-ħajja tal-istudent.

Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll ma’ bosta letturi li bdew igawdu mill-aqwa ftehim għall-edukaturi u l-ħaddiema tal-MCAST. Dr Abela qal li dan l-aqwa ftehim ifisser investiment ieħor qawwi fis-settur edukattiv. B’hekk l-MCAST kompla jsaħħaħ l-għodda meħtieġa biex ikompli jattira l-aqwa edukaturi speċjalizzati f’oqsma differenti li jagħtu taħriġ importanti lill-istudenti favur futur ċar b’għażliet konkreti biex javvanzaw fil-ħajja f’karrieri ta’ kwalità.

PR251722

Il-Prim Ministru fl-inawgurazzjoni ta’ proġett ta’ restawr fil-Pro Katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta

Waqt ċerimonja li inawgurat ir-restawr tal-qniepen tal-Pro Katidral Anglikan ta’ San Pawl, fil-Belt Valletta u li mmarkat ukoll it-tlestija tar-restawr tal-kampnar riżultat fost oħrajn ta’ fondi Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif din il-binja hi parti mill-identità tal-belt kapitali u għalhekk kien hemm il-ħtieġa li nindukrawha u nieħdu ħsiebha.

Dr Abela qal li wara għexieren ta’ snin ta’ espożizzjoni għall-elementi naturali kien hemm bżonn urġenti ta’ restawr. Filwaqt li wera sodisfazzjon għat-tlestija tax-xogħol ta’ restawr fuq il-kampnar u l-qniepen, il-Prim Ministru Abela rrimarka li r-restawr tal-kampnar sar b’investiment qawwi u li mal-€4.2 miljun ġew allokati mill-Gvern f’fondi Ewropej biex isir ix-xogħol meħtieġ. Huwa żied jgħid li l-Pro Katidral gawda wkoll minn għajnuna mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, l-NDSF.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-għajnuna wkoll li tat il-Fondazzjoni HSBC Malta għar-restawr tal-qniepen u saħaq, “Hekk jiġri meta ningħaqdu flimkien: il-Gvern u l-komunità, naħdmu id f’id biex nissalvagwardjaw dak li hu tagħna lkoll.”

Huwa rrimarka kif dan il-proġett jikkumplimenta inizjattivi oħra f’dak li għandu x’jaqsam mar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta. Qal li b’investiment ta’ aktar minn €24 miljun, fl-aħħar snin il-komunitajiet tal-Belt Valletta gawdew minn spazji miftuħa ġodda, titjib f’faċilitajiet edukattivi u restawr tal-wirt storiku fosthom il-Palazz tal-Granmastru, fost oħrajn.

Il-Prim Ministru żied jgħid li għalhekk ir-restawr tal-Pro Katidral Anglikan ta’ San Pawl huwa aktar minn proġett, iżda huwa wegħda li se nkomplu nieħdu ħsieb il-wirt li ħallew ta’ qabilna. Huwa għamel ukoll referenza għall-avveniment annwali tan-Notte Bianca fejn il-Pro Katidral se jkun fost is-siti li jista’ jżur il-pubbliku u japprezza dan il-wirt.

PR251707

Waqt is-seba’ laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea f’Kopenħagen fid-Danimarka, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jwassal il-pożizzjoni b’saħħitha ta’ pajjiżna fuq is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari.

Din ir-realtà fil-kontinent Ewropew kienet tema ċentrali f’din il-laqgħa, bil-mexxejja Ewropej jaqblu li hemm bżonn approċċ olistiku li jindirizza l-immigrazzjoni irregolari hekk kif l-isfidi li din ġġib magħha dejjem jibqgħu jevolvu.

Dan kien is-sentiment ukoll tal-Prim Ministru Robert Abela li sostna li, apparti qafas b’saħħtu regolatorju u operazzjonali, hemm bżonn tisħiħ tal-isħubijiet strateġiċi u kooperazzjoni globali fuq dan is-suġġett.

“L-isfida quddiemna mhijiex biss li nnaqqsu n-numru ta’ wasliet irregolari, iżda li nżidu wkoll ir-ritorn effettiv ta’ dawk li jaslu fi xtutna b’mod irregolari u ma jkunux jimmeritaw il-protezzjoni. Il-messaġġ irid ikun wieħed ċar li fil-pajjiżi tagħna, għandna nkunu aħna li niddeċiedu min jidħol, u mhux iċ-ċrieki kriminali li fihom joperaw il-kuntrabandisti tal-bnedmin,” sostna l-Prim Ministru, hekk kif aċċenna għar-riżultati pożittivi li ġab pajjiżna f’dan is-settur li qed iservu ta’ eżempju għall-Unjoni Ewropea.

Waqt l-istess laqgħa, il-mexxejja ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa u kif din ser tkompli tiġi msaħħa fil-kuntest ġeopolitiku attwali fosthom bl-aggressjoni Russa fl-Ukrajna. It-tema tas-sigurtà u d-difiża kienet ukoll diskussa proprju jum qabel waqt summit informali bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea li sar ukoll f’Kopenħagen. F’din id-diskussjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li s-sapport lill-Ukrajna jibqa’ kruċjali filwaqt li għandna nibqgħu nsostnu l-isforzi li qed isiru flimkien mas-sħab internazzjonali sabiex ikun innegozjat ftehim ta’ paċi bil-parteċipazzjoni attiva tal-Ukrajna. Il-Prim Ministru fakkar ukoll l-impenn sħiħ ta’ Malta bil-promozzjoni tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni li jibni fuq l-irwoli li kellu pajjiżna fl-OSCE u bħalissa fil-Kunsill tal-Ewropa.

Dwar id-difiża u s-sigurtà Ewropea, Dr Abela sostna li l-parteċipazzjoni f’dan ir-rigward għandha tibqa’ waħda fuq bażi volontarja u flessibbli, b’rispett sħiħ għall-politika tal-Istati Membri kollha. Huwa saħaq fuq id-dimensjonijiet varji tas-sigurtà li l-Ewropa trid tħares lejhom sabiex ikun assigurat li l-Istati Membri jilħqu l-aspettattivi u jħarsu l-interessi taċ-ċittadini tagħhom.

Intant, fl-istess laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll f’attività fejn ġiet varata l-Koalizzjoni Ewropea kontra d-Drogi fejn ġew diskussi realtajiet differenti b’rabta ma’ din il-pjaga soċjali. Matul din il-laqgħa, il-Prim Ministru rriafferma l-impenn ta’ pajjiżna fil-ġlieda kontra ċ-ċrieki kriminali u t-traffikanti tad-droga, u tenna l-impenn tiegħu għal aktar kooperazzjoni internazzjonali sabiex jiżdiedu l-kontrolli tas-sigurtà u r-restrizzjonijiet fil-fruntieri.

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru tal-Armenja, Nikol Pashinyan, favur aktar koperazzjoni bilaterali.

PR251688

F’ċertifikat ieħor tal-livell għoli fil-qasam tal-ospitalità f’pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-ftuħ ta’ ristorant ġdid Malti fiċ-ċentru ta’ Londra.

Aki London fetaħ il-bibien tiegħu f’One Cavendish Square fil-kapitali tar-Renju Unit wara s-suċċess lokali li kiseb dan l-istabbiliment fil-Belt Valletta.

Fl-indirizz tiegħu waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, Dr Abela sostna kif l-investiment li sar f’dan l-istabbiliment minn DB Group jixhed ekonomija lokali b’saħħitha u l-ispirtu intraprenditorjali b’saħħtu fost il-persuni fil-qasam tan-negozju f’pajjiżna.

“Il-ftuħ ta’ dan ir-ristorant fil-qalba ta’ Londra juri biċ-ċar li l-kumpaniji lokali ta’ pajjiżna huma kunfidenti, ambizzjużi u lesti li jikkompetu globalment f’dan is-settur. Dan grazzi għal bażi ekonomika b’saħħitha mwaħħda mal-innovazzjoni u l-kuraġġ tal-poplu tagħna li jkompli jinvesti,” sostna l-Prim Ministru.

Dr Abela sostna wkoll kif il-ftuħ ta’ dan l-istabbiliment jimmarka tragward importanti ieħor għas-settur tal-ospitalità f’pajjiżna.

“Dan is-suċċess huwa attribwit ukoll għall-avvanz kulinarju b’saħħtu li rajna f’Malta fl-aħħar snin u li huwa rifless ukoll fil-gwida tal-Michelin għal din is-sena. Fejn qatt konna nimmaġinaw li pajjiż żgħir bħal Malta issa joffri numru kbir ta’ esperjenzi Michelin,” irrimarka l-Prim Ministru. Fil-fatt, hawn Dr Abela fakkar li pajjiżna llum jospita sitt ristoranti bi stilla Michelin filwaqt li ristorant ieħor għandu żewġ stilel. Apparti minn hekk 31 ristorant f’pajjiżna huma rakkomandati mill-istess gwida.

Il-Prim Ministru b’hekk sostna li hekk kif il-prodott Malti fis-settur tal-ospitalità qed ikompli jitjieb b’ritmu b’saħħtu dan se jkompli jgħin biex jattira turiżmu ta’ kwalità u b’hekk qed tkompli tiġi implimentata l-viżjoni tal-Gvern f’dan ir-rigward.

Intant, waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela żar l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li wkoll huma bbażati f’Londra. Hemmhekk huwa ltaqa’ mal-ħaddiema, bil-Prim Ministru jirringrazzjahom talli qed iwasslu l-aqwa reklam favur pajjiżna. Dr Abela żar ukoll il-Kummissjoni Għolja Ingliża fejn hemmhekk akkumpanjat mill-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit Stephen Montefort, iltaqa’ mad-diplomatiċi Maltin.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru u martu għal din iż-żjara kien hemm il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.