Month: October 2025

PR251875

Waqt it-tnedija uffiċjali tal-ewwel High Performance Computer f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza li pajjiżna verament qed ipoġġi l-futur diġitali fuq quddiem. Bl-introduzzjoni ta’ dan il-kompjuter ta’ prestazzjoni għolja, l-innovaturi Maltin issa għandhom aċċess għall-qawwa avvanzata tal-informatika li għandhom bżonn biex jagħtu l-ħajja lill-ideat tagħhom – f’pajjiżna stess.

“Fil-qalba ta’ din is-sistema hemm teknoloġija mill-aktar avvanzata, iżda s-saħħa vera tagħha tinsab f’dak li tista’ tagħmel għall-poplu tagħna. Din is-sistema se tgħin skoperti ġodda f’oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, il-bijoteknoloġija, l-immudellar tal-klima, it-teknoloġija finanzjarja, u l-avjazzjoni,” spjega Dr Abela.

Il-Prim Ministru Abela enfasizza li t-tnedija ta’ dan l-investiment ma setgħetx tkun aktar propizja. “Hekk kif l-intelliġenza artifiċjali u l-innovazzjoni xprunata mid-data qed jibdlu l-wiċċ ta’ kull industrija, il-pajjiżi li jinvestu fl-infrastruttura diġitali llum se jmexxu l-industriji ta’ għada. Id-deċiżjoni ta’ Malta li tniedi l-ewwel High Performance Computer tagħha tirrifletti propju din ir-realtà,” saħaq il-Prim Ministru.

Huwa tenna li dan it-tragward teknoloġiku għandu wkoll tifsira simbolika, billi jibgħat messaġġ qawwi liċ-ċittadini u lill-imsieħba internazzjonali tagħna li Malta qed tinvesti b’mod attiv fil-kapaċità u fil-kollaborazzjoni. “Qed nibnu pontijiet man-netwerks Ewropej, biex niżguraw li Malta tikkontribwixxi b’mod attiv għall-futur diġitali komuni tal-kontinent,” żied jgħid Dr Abela.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-Viżjoni Malta 2050, li tmexxi ’l quddiem pjan komprensiv imfassal biex jixpruna l-kwalità tal-ħajja u jsaħħaħ l-industriji permezz tal-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni diġitali.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri qal, “Illum qed inpoġġu l-opportunità fuq quddiem. Permezz tal-High Performance Computer, qed nagħtu lir-riċerkaturi tagħna l-għodda meħtieġa biex joħolqu u jmexxu fl-era diġitali. Għal żmien twil, l-aċċess għal dan it-tip ta’ għodda kien possibbli biss barra minn Malta, u bi spiża għolja. Iżda mil-lum, dawk l-ostakli tneħħew. Dawn ir-riżorsi issa jinsabu hawn Malta, lesti biex jintużaw. Dan hu l-vera progress, meta nagħtu liż-żgħażagħ u lir-riċerkaturi tagħna l-libertà li jimmaġinaw aktar u jiksbu aktar.”

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li dan il-proġett, kofinanzjat minn fondi Ewropej, jirrappreżenta pass ieħor lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien u d-diġitalizzazzjoni f’pajjiżna. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li dan l-investiment se jkun ta’ ġid għal firxa wiesgħa ta’ setturi fosthom anke dak pubbliku, billi jipprovdi riżorsa unika li ssaħħaħ l-kapaċità ta’ pajjiżna fl-innovazzjoni u r-riċerka. “Dan il-proġett jirrifletti l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, fejn l-innovazzjoni timxi id f’id mar-responsabbiltà etika u mal-benefiċċju tas-soċjetà. B’investimenti bħal dawn qed nibnu pajjiż aktar avvanzat b’mod diġitali, aktar kompetittiv u aktar preparat għal ħtiġijiet ta’ għada.”

PR251863

Il-mexxejja waqt is-Summit tal-MED9 jaqblu fuq viżjoni komuni għal Ewropa aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli

F’Portorož, fi Slovenja, il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem fis-Summit tal-MED9 flimkien mal-Mexxejja ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u r-Re Abdullah II tal-Ġordan.

Waqt l-ewwel laqgħa mal-Mexxejja, il-Prim Ministru saħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Mediterranji sabiex l-Ewropa tkun aktar kompetittiva, sigura u reżiljentitlett oqsma li jiffurmaw l-pedamenti tal-futur tal-Ewropa.

“Il-Mediterran mhuwiex il-periferija tal-Ewropa iżda l-mutur ewlieni tal-kompetittività tagħha. Fir-reġjun Mediterran l-ispejjeż tal-enerġija u l-isfidi loġistiċi jħallu impatt qawwi fuq l-ekonomija, għalhekk irridu niżguraw li l-benefiċċji tas-Suq Uniku jaslu għand kulħadd filwaqt li nsaħħu l-konnettività, il-kummerċ u l-ħiliet. Għalhekk bħala pajjiż nemmnu li l-Patt għall-Mediterran huwa pass importanti f’din id-direzzjoni għaliex jagħraf il-potenzjal tar-reġjun tagħna bħala ċentru ta’ tkabbir u stabbiltà,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru żied jgħid li l-enerġija u l-konnettività huma fil-qalba ta’ din il-viżjoni. “Bdejna dan id-djalogu f’Malta sentejn ilu, meta tkellimna dwar il-Mediterran bħala ċentru għall-enerġija ħadra. Illum qegħdin hawn inkomplu fuq dik il-viżjoni u naraw li nsaħħu r-rabtiet bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana tal-Ewropa filwaqt li nintegraw il-pajjiżi gżejjer fuq il-grid Ewropew.”

Il-Prim Ministru enfasizza wkoll li l-kompetittività tiddependi fuq in-nies. “Il-Mediterran għandu jkun spazju fejn il-ħiliet u t-talent jimxu b’mod sigur u legali. Għandna bżonn aktar kooperazzjoni akkademika, taħriġ u rotot għal talent fis-setturi diġitali u ħodor, filwaqt li nindirizzaw ukoll il-kawżi tal-immigrazzjoni irregolari,” fisser il-Prim Ministru fis-Summit fis-Slovenja.

Tkellem ukoll dwar il-bżonn li d-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-klima u l-enerġija jsaħħu mhux idgħajfu l-kompetittività tal-Ewropa. “Irridu nkunu ambizzjużi iżda wkoll realistiċi, inkluż fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fejn irridu nħarsu s-setturi li huma kruċjali għall-ekonomija u l-kompetittività, bħalma huwa s-settur marittimu. Għandna nipproteġu l-familji tagħna minn piżijiet finanzjarji sproporzjonati filwaqt li nagħtu ċertezza lin-negozji biex jinvestu fil-futur,” sostna l-Prim Ministru.

“Fl-aħħar mill-aħħar, dak li jgħaqqadna f’dan il-grupp huwa l-għan li nħallu lill-pajjiżi fil-Mediterran  u lill-Ewropa kollha jattiraw xogħol ta’ kwalità, negozji b’saħħithom u ħajja aħjar għaċ-ċittadini. Jekk naħdmu flimkien fis-settur tal-enerġija, il-konnettività u l-ħiliet, il-Mediterran jista’ jkun il-magna tat-tkabbir u tal-istabbiltà għall-Unjoni Ewropea kollha,” aċċenna b’mod b’saħħtu l-Prim Ministru.

Waqt laqgħa fil-preżenza tar-Re Abdullah II tal-Ġordan, id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-paċi fil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża. Hawnhekk il-Prim Ministru reġa’ tenna l-pożizzjoni ta’ Malta favur waqfien immedjat mill-ġlied u soluzzjoni bbażata fuq żewġ stati, waqt li rrikonoxxa r-rwol kruċjali tal-Ġordan bħala sieħeb għall-paċi, l-istabbiltà u l-għajnuna umanitarja.

PR251846

Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mas-sidien ta’ negozji żgħar ġewwa l-villaġġ tal-artiġjanat f’Ta’ Qali

Waqt żjara fi tliet intrapriżi żgħar u medji fil-villaġġ tal-artiġjanat ġewwa Ta’ Qali, fejn tkellem ma’ diversi sidien u l-ħaddiema, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-ħidma ta’ dan il-Gvern li jibqa’ jappoġġja lin-negozi u jagħti garanzija għax-xogħol.

Il-Prim Ministru, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u l-Kap Eżekuttiv ta’ INDIS Malta Jean Pierre Attard, faħħar l-impenn u l-viżjoni ta’ dawn s-sidien ta’ negozji li b’determinazzjoni u kreattività rnexxielhom jikbru anke fi żminijiet ta’ sfida bħal ma’ kienu żmien il-pandemija.

Can You Escape Malta, Julianne Marie Kreattiva Designs u Gemelli Ltd huma kollha benefiċjarji minn skemi ta’ Malta Enterprise u inċentivi ta’ INDIS Malta. Dawn il-kumpaniji huma eżempju ta’ kif intrapriżi żgħar u medji Maltin qed jissarrfu f’ħolqien ta’ impjiegi u f’ġid ekonomiku sostenibbli.

L-ewwel kumpanija, Can You Escape Malta imwaqqfa minn żewġ studenti universitarji, evolviet minn proġett żgħir għal attrazzjoni turistika u llum topera ħames escape rooms tematiċi u timpjega diversi ħaddiema. Din il-kumpanija saret mudell ta’ kif il-kreattività u l-esperjenza immersiva jistgħu jsarrfu f’negozju sostenibbli u ta’ suċċess. It-tieni kumpanija, Julianne Marie Kreattiva Designs, tirrappreżenta l-ħidma ta’ artista lokali li qed tgħaqqad il-kultura u l-identità Maltija ma’ disinji moderni. Permezz ta’ kollezzjonijiet oriġinali ta’ xalel, basktijiet u lbiesi artistiċi, Julianne qed tippromwovi arti li tgħaqqad il-passat mal-preżent.

L-aħħar kumpanija f’din iż-żjara, Gemelli Ltd, imwaqqfa fl-1991, hija waħda mill-aktar ismijiet magħrufa fis-settur li topera fih u fil-promozzjoni ta’ arti Maltija. Din il-kumpanija tgħaqqad xogħol artiġjanat tradizzjonali mat-teknoloġija moderna biex toħloq prodotti ta’ kwalità għolja u tappoġġja artisti lokali permezz tal-Gemelli Art Gallery.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif dawn l-intrapriżi juru l-potenzjal tat-talent Malti meta jingħata s-sapport meħtieġ. Il-Gvern se jkompli jsaħħaħ politika ta’ inċentiv li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, il-kreattività u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità.”

Huwa żied jgħid li dawn l-istejjer huma prova konkreta li l-politika tal-Gvern qed twassal għal suċċess reali. “Meta nappoġġjaw lin-negozji u lill-intrapriżi żgħar, inkunu qegħdin nagħtu garanzija ta’ futur u ta’ opportunità. Il-Gvern jibqa’ impenjat li jara li kull start-up, kull negozju tal-familja u kull SME f’Malta u Għawdex ikollu l-appoġġ kollu meħtieġ biex ikompli jikber u jkun kompetittiv.”

PR251844

Fil-Berġa ta’ Kastilja, waqt laqgħa konsultattiva mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA), il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-viżjoni tal-Gvern tixpruna aktar professjonalità, standards ogħla u aktar impenn lejn futur sostenibbli.

Il-Prim Ministru Abela nnota kif pajjiżna rnexxielu jibni ekonomija diversifikata b’firxa wiesgħa ta’ setturi li jikkontribwixxu għal suċċess ekonomiku li qed irendi. Huwa żied jgħid li qed naraw prospettivi pożittivi ta’ tkabbir ekonomiku sostnut anke fis-snin li ġejjin.

Dr Abela rrimarka kif il-Gvern qed jaħdem b’mod għaqli sabiex jassigura li jiġu indirizzati l-isfidi li jġib miegħu s-suċċess ekonomiku. “Irridu nibqgħu niżguraw li l-miżuri li mmexxu ’l quddiem ikunu sostenibbli, jiġifieri, filwaqt li rridu naraw li jibqa’ jkollna progress ekonomiku, huwa daqstant ieħor importanti li niżguraw li jkun hemm impatt soċjali pożittiv kif ukoll naraw li jkun hemm anke salvagwardji għall-ambjent naturali li jdawwarna,” sostna l-Prim Ministru. 

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, (OHSA) qed tħaddan struttura ta’ governanza moderna u solida, u kulma jmur qed issaħħaħ l-infurzar sabiex jiġi żgurat li l-istandards neċessarji jkomplu jinżammu. Dan, flimkien ma’ qafas regolatorju b’saħħtu tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA), sostna l-Prim Ministru. Huwa rrefera wkoll għal spezzjonijiet li qed isiru b’mod konġunt bejn l-OHSA u l-BCA.

Dr Abela semma s-servizz tal-helpline 138, li jintuża biex jiġu rappurtati xi abbużi jew tħassib dwar bini jew siti ta’ kostruzzjoni, ukoll qed jgħin fit-tisħiħ tal-proċess tal-infurzar. Huwa żied jgħid kif sena ilu, il-BCA nediet servizz ta’ għajnuna professjonali b’xejn għal dawk iċ-ċittadini milquta minn siti ta’ kostruzzjoni viċin tagħhom. Dan is-servizz jingħata permezz ta’ pariri legali u tekniċi minn avukati u periti mqabbda mill-istess awtorità. Is-servizz qed jagħti vuċi aktar b’saħħitha lil dawk milquta, u qed jirriżulta f’aktar serħan il-moħħ. Fi żmien sena minn mindu nedejna dan is-servizz, kien hemm madwar 1,200 persuna li għamlu użu minnu, saħaq il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Abela qal li dawn huma biss ftit mill-miżuri li ħadem fuqhom il-Gvern matul l-aħħar snin. Huwa żied jgħid li l-viżjoni tal-Gvern tixpruna aktar professjonalità, aktar standards u aktar impenn lejn futur sostenibbli. Filwaqt li sostna li għad fadal xi jsir, huwa saħaq li flimkien, b’ideat u mpenn konġunt, nistgħu nibnu pajjiż aktar sigur, aħjar u b’saħħtu għal kulħadd.

Waqt din il-laqgħa pparteċipaw ukoll il-Ministri Owen Bonnici, Silvio Schembri, Jonathan Attard u Chris Bonett, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia; id-Deputat Chris Agius; u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.

PR251833

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni fil-Berġa ta’ Kastilja, mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) dwar il Budget 2026, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern kommess li jibqa’ ffukat biex din l-industrija tkompli tissaħħaħ u tirnexxi.

Il-Prim Ministru rrimarka kif l-industrija tal-catering mhux biss hi element importanti tal-ekonomija Maltija, iżda wkoll parti integrali mill-identità kulturali u turistika tagħna. Huwa saħaq li l-Gvern kommess li jkompli jaħdem ma’ kull min għandu sehem f’din l-industrija: l-imsieħba soċjali, in-negozji, u l-ħaddiema nfushom. Filwaqt li żied jgħid kif il-Gvern qed jindirizza b’mod strateġiku l-isfidi li jġib miegħu suċċess ekonomiku, fosthom dawk marbuta mal-ħaddiema barranin, fejn il-Gvern diġà ħa miżuri li qed jagħtu r-riżultati mixtieqa, bħal fil-każ tal-introduzzjoni tal-iSkills Pass, li diġà qed naraw ir-riżultati tagħha fil-kwalità tal-ħaddiema. Huwa rrefera għal-Labour Migration Policy, politika li tfasslet biex tkun ta’ għajnuna diretta għal bosta setturi.

Il-Prim Ministru Abela nnota kif fejn hemm domanda għal ħaddiema, il-Gvern qed ifassal u jimplimenta soluzzjonijiet li jirriflettu r-realtajiet tas-suq. Huwa żied jgħid li l-Gvern jibqa’ kommess li jsaħħaħ il-ħaddiema Maltin u Għawdxin, għax jemmen bi sħiħ fil-kapaċitajiet u fil-potenzjal tagħhom.

Dr Abela rrefera wkoll għall-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), li llum joffri madwar 60 kors f’Malta u Għawdex, filwaqt li fetaħ ukoll kampus satellitari f’Shanghai u f’Zhengzhou, u stabbilixxa kollaborazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet internazzjonali ta’ livell għoli bħall-Institute Lyfe, l-Haaga-Helia University u l-Kobe International University fil-Ġappun, fost oħrajn. Dawn l-inizjattivi qed jgħinu biex jitrawmu ġenerazzjonijiet ġodda ta’ professjonisti f’dan is-settur.

Il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-istabbilimenti biex ikomplu jħaddnu l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà. Huwa żied jgħid li aktar ma jmur aktar konsumaturi qed ifittxu prattiki aktar ekoloġiċi, u bħala pajjiż irridu nkunu fuq quddiem f’din il-bidla.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Anton Refalo, Silvio Schembri, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul, Alicia Bugeja Said u Glenn Bedingfield u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.