Month: November 2022

PR221655

Waqt żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fiż-żona industrijali ta’ Bulebel, Teva Malta ħabbret investiment ta’ aktar minn €30 miljun li se jkompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha sabiex tipprovdi mediċina ta’ kwalità għolja għal iżjed minn 70 pajjiż. L-investiment beda fl-2020 fejn sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu ntefqu €20 miljun u s-sena d-dieħla hu pjanat li jsir investiment ta’ €11-il miljun. B’dan l-investiment, Teva Malta mistennija timpjega madwar 70 persuna oħra, b’40 minnhom fl-immedjat f’oqsma xjentifiċi u tal-inġinerija, fost oħrajn.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li din il-kumpanija globali, b’portafoll impressjonanti ta’ mediċina li tilħaq 200 miljun pazjent madwar id-dinja, qiegħda mill-ġdid tagħti fiduċja f’pajjiżna u tinvesti u tespandi iktar f’Malta. “Turija ta’ fiduċja f’pajjiżna, fit-talent Malti u fl-eċċellenza li dan il-pajjiż qed ikompli jsaħħaħ fil-qasam tal-manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi. Dan l-investiment huwa riżultat ta’ ekonomija b’saħħitha u ekosistema li tagħti fiduċja lin-negozju biex jinvesti u jikber”, qal il-prim ministru.

F’dan il-kuntest, il-prim ministru għamel referenza għar-riżultati li qiegħed b’mod konsistenti jikseb pajjiżna mill-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu fejn dawn qed jisħqu li Malta miexja fid-direzzjoni t-tajba u qed tiffoka fuq li ttejjeb il-kwalità tal-impjiegi li jinħolqu. “It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea u r-rapporti tal-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu qed jagħtu messaġġ ċar illi l-mod kif qed inħarsu illi nipproteġu lin-nies u li nżommu l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil stabbli qed ikollu effett pożittiv fuq n-negozji f’Malta”, qal Dr Abela. Il-prim ministru nnota wkoll li l-istudenti li qed jiggradwaw mill-Università, l-MCAST, u istituzzjonijiet edukattivi oħra qed isibu opportunitajiet sbieħ bħal fil-faċilitajiet li kien qed iżur.

Id-Direttur Maniġerjali ta’ Teva Malta Patrick Cachia qal li l-għan ta’ dan l-investiment kontinwu huwa li jissaħħu l-faċilitajiet tal-manifattura. Teva Malta bħalissa tipproduċi mat-2.2 biljun pillola fis-sena, bl-impjant tagħha huwa approvat mill-Awtorità Maltija għall-Mediċini u awtoritajiet regolatorji oħra. L-investimenti li saru sa issa jinkludu sistema ġdida tal-ilma ppurifikata, għodda għall-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda, chillers ġodda, kompressuri u sistemi ta’ trasferiment ta’ vakum biex jgħinu fil-protezzjoni tal-impjegati. Barra minn hekk, Teva investiet ħafna fi trasformazzjoni futura tal-intrapriża tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Dan apparti li għal din is-sena li ġejja hemm pjanata fost oħrajn, estensjoni ta’ laboratorju.

Preżenti għaż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri.​

PR221633

Il-Prim Ministru Robert Abela żar stabbiliment ewlieni tal-kumpanija Chef’s Choice Ltd f’Marsaskala. Kumpanija li, bl-investiment li għamlet, illum għandha disa’ stabbilimenti mifruxa madwar il-gżejjer Maltin u Għawdxin.

Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru seta’ josserva t-tkabbir u l-investiment fl-infrastruttura li sar mit-tmexxija tal-kumpanija, li b’investiment ta’ €6 miljun fl-aħħar erba’ snin, illum tħaddem 100 ħaddiem, numru li mistenni jiżdied b’50 fiż-żmien li ġej.

Dwar dawn ir-riżultati u prospetti pożittivi, il-Prim Ministru tenna li dan hu Gvern li jemmen fil-potenzjal ta’ Malta u li l-ħidma tiegħu hija ffukata fuq li l-pajjiż ikompli jikber, jissaħaħ u joħloq opportunitajiet ġodda. Il-Prim Ministru spjega li kif jixhdu l-miżuri mħabbra fil-budget, akbar ma jkunu l-isfidi, akbar il-bżonn li nibqgħu nkunu mal-familji u n-negozji u huwa għalhekk li l-Gvern qed jibqa’ jwieżen il-familji u jassisti lin-negozji. Negozji li b’differenza għal dawk f’pajjiżi oħra, għandhom moħħom mistrieħ ta’ prezzijiet tal-enerġija stabbli.

Id-Direttur Maniġerjali, Joseph Mizzi, irringrazzja lill-Prim Ministru taż-żjara tiegħu u tal-fiduċja li dejjem wera l-Gvern fis-settur privat. F’dan il-kuntest, is-Sur Mizzi għamel referenza għan-numru ta’ ħwienet ġodda li hija kommessa li tiftaħ il-kumpanija s-sena d-dieħla; xhieda qawwija tal-fiduċja li qed juri n-negozju privat fil-pajjiż u sens ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet għaqlin li qiegħed jieħu l-Gvern biex in-negozji jkomplu jimirħu.

PR221620

Il-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB) nieda żewġ skemi ġodda ta’ finanzjament favorevoli li se jkunu qed jiffaċilitaw investiment ta’ €180 miljun fl-ekonomija Maltija. Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dawn iż-żewġ skemi waqt il-ftuħ uffiċjali tal-binja l-ġdida tal-Bank Malti għall-Iżvilupp fil-Furjana. Dawn l-iskemi se jagħtu rati vantaġġjużi ta’ self immirat għan-negozji Maltin u spinta għar-riġenerazzjoni ekonomika. Fost l-oħrajn minn dawn l-iskemi se jgawdu negozji biex jagħmlu qalba lejn vetturi elettriċi u start-ups biex ikunu aktar innovattivi.

Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-ħidma sinifikanti li kellu l-Bank waqt il-perjodu tal-pandemija u ta kuntest tas-sitwazzjoni kurrenti u l-irwol tal-Bank fiż-żmien li ġej. “Li kieku ma kellniex din l-istituzzjoni, ma konniex inkunu f’pożizzjoni li jkollna skemi ta’ garanziji għal self għan-negozji. Illum għandna kważi nofs biljun ewro f’self lil eluf ta’ kumpaniji mifruxa fuq bosta setturi, fosthom dawk l-aktar li kienu milquta mill-pandemija, jiġifieri lukandi u ristoranti,” qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif l-irwol tal-Bank kompla jwassal għall-irkupru b’saħħtu biex illum l-ekonomija Maltija hija akbar milli kienet qabel il-pandemija. Il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza li l-Bank ma jħarisx biss lejn il-kisbiet kbar li għamel fil-passat iżda jħares lejn il-futur. Hawn Dr Abela spjega kif l-iskemi mħabbra se jkomplu jimbuttaw id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni ta’ pajjiżna.

F’dan il-kuntest Dr Abela qal li bħalma l-Bank għall-Iżvilupp daħal bis-saħħa biex ipproteġa lin-negozji, issa jrid jidħol bis-saħħa biex jixpruna l-ekonomija ta’ għada. “Għalhekk nilqa’ ż-żewġ skemi li bejniethom jiffaċilitaw investiment ta’ €180 miljun f’oqsma innovattivi. Dawn għandhom jipprovdu bażi soda għall-bidliet li hemm bżonn isiru fl-ekonomija tagħna u flimkien mal-Pjan għall-Irkupru u Reżiljenza se jixprunaw il-bidliet li huma kruċjali biex pajjiżna jibqa’ jesperjenza suċċess ekonomiku,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.​​

PR221619

Il-Gvern ippreżenta l-mozzjoni tal-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.​

Kif spjegat fil-Parlament iktar kmieni din il-ġimgħa mill-Prim Ministru Robert Abela, ix-xewqa tal-Gvern hi li din il-kariga timtela bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Kien proprju għalhekk ukoll li l-Prim Ministru ressaq ’il quddiem nomini ta’ nies ta’ ħila u integrità kemm għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika kif ukoll għall-kariga ta’ Ombudsman.

Saħansitra, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ta l-approvazzjoni tiegħu għalihom it-tnejn, kif kien spjegat ukoll fil-Parlament fis-seduta ta’ nhar it-Tnejn li għadda.

L-emenda li se jkun qed jippreżenta l-Gvern għandha l-għan li jinħoloq mekkaniżmu f’każ li ż-żewġ naħat tal-kamra jibqgħu ma jaqblux dwar isem li jikseb il-maġġoranza ta’ żewġ terzi, wara żewġ votazzjonijiet li jittieħdu fi żmien sebat ijiem ’il bogħod minn xulxin.

Dan hu mekkaniżmu ‘anti-deadlock’ li fil-passat kien propost mill-Kummissjoni Venezja, u mill-istess Oppożizzjoni għal karigi ta’ importanza.

Il-Gvern jemmen li fiċ-ċirkostanzi preżenti s-sens komun għandu jwassal biex ma jintużax dan il-mekkaniżmu, għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni diġà rrikonoxxa li l-isem propost għall-Kummissarju għall-Istandards huwa wieħed idoneju tant li għadu jaqbel li jista’ jservi fi rwol Kostituzzjonali ieħor. Għalhekk, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Oppożizzjoni jistgħu liberalment jivvotaw favur in-nomina tiegħu kif kien oriġinarjament maqbul mal-Prim Ministru.

PR221593

Il-Prim Ministru Robert Abela ressaq żewġ mozzjonijiet biex il-Parlament ikun jista’ jivvota għall-ħatra ta’ kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika u ta’ ombudsman.

Għall-irwol ta’ kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika, il-prim ministru qed jinnomina lill-Prim Imħallef Emeritu Dr Joseph Azzopardi. Filwaqt li għall-irwol ta’ ombudsman, il-Prim Ministru Robert Abela qed jinnomina lill-Imħallef Emeritu Dr Joseph Zammit McKeon.

Il-Prim Ministru Robert Abela jemmen li ż-żewġ eks ġudikanti għandhom il-kwalifiki, l-esperjenza, l-integrità u l-ħiliet meħtieġa biex iservu f’dawn iż-żewġ rwoli.

Dan saħansitra kkonfermah il-kap tal-Oppożizzjoni nnifsu li mhux biss inizjalment qabel man-nomini, hekk kif qed jiġu ppreżentanti fiż-żewġ mozzjonijiet, iżda reġa’ indika li lest jaċċetta li l-eks prim imħallef jista’ jservi f’kariga kostituzzjonali.​