Month: March 2024

Il-Ħamis filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Forn tal-Ħabs fejn seta’ jara l-ħidma li għaddejja mill-uffiċjali tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-priġunieri fejn kienu qed jippreparaw il-prodotti, bħal qagħaq tal-appostli, biex jinbiegħu minn quddiem il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Mill-Forn tal-Ħabs hija inizjattiva li tassisti fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni tal-persuni li qed jiskontaw sentenza, sabiex anke jakkwistaw ħiliet ġodda li jkunu jistgħu jużaw anki meta jiġu integrati mill-ġdid fis-soċjetà.

Il-Prim Ministru ġie mdawwar mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Christopher Siegersma, fejn anke żar il-post minn fejn kienu qed jinbiegħu l-prodotti. Huwa tkellem mal-uffiċjali u priġunieri preżenti fejn faħħar il-ħidma li qed issir għal din l-inizjattiva.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat ukoll mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri.

PR240492

Il-Parlament se jivvota dwar in-nomina tan-Nutar Myriam Spiteri Debono għall-kariga ta’ President tar-Repubblika ta’ Malta fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa 27 ta’ Marzu. 

Dan il-vot ser ikun qed jittieħed wara diskussjonijiet bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Iktar kmieni llum, il-qbil li ntlaħaq bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni kien issiġillat f’laqgħat separati tal-Gruppi Parlamentari rispettivi.

Il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni qablu wkoll li meta jkun meħtieġ li jinħatar Aġent President skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Prim Ministru se jkun qed jaħtar lil Dr Francis Zammit Dimech.

PR240489

F’San Vinċenz de Paul għaddej xogħol kontinwu u investiment għal ambjent isbaħ u aktar komdu għall-anzjani. Fi żjara li għamel qabel il-laqgħa tal-Kabinett, li tlaqqa’ fir-residenza San Vinċenz de Paul, il-Prim Ministru Robert Abela nnota dan l-investiment u x-xogħol estensiv ta’ riġenerazzjoni li għaddej. Il-pjan ta’ riġenerazzjoni hu mifrux fuq medda ta’ ħames snin u sa issa sar rinovar f’dsatax-il sala.

Fil-fatt fi żjara ta’ swali li pjanat ix-xogħol u oħrajn li qed isir, ġie nnutat tibdil strutturali importanti li jinvolvi spazji komuni, kmamar akbar u mgħammrin b’aktar kumdità għar-residenti u aperturi li jagħtu aktar dawl naturali. Dan apparti tagħmir mediku aktar modern fosthom sodod ġodda tal-elettriku u apparat ieħor li għandu x’jaqsam mal-kura diretta tal-anzjani.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru tkellem ma’ bosta anzjani residenti u wara sostna li jgħix fejn jgħix, l-anzjan għandu jesperjenza ħajja komda b’servizzi offruti tajbin kemm f’residenzi u anki fil-komunità. Innota wkoll li l-anzjani f’residenzi bħal ma’ hi San Vinċenz de Paul jgħixu wkoll f’komunità li fiha jistgħu jibqgħu attivi u jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar permezz anki tal-aqwa servizzi tas-saħħa offruti lilhom.

Akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, il-Prim Ministru Robert Abela żar ukoll Ġnien ix-Xewqat Sbieħ, ġnien li hu immirat biex jgħin persuni bid-dimensja li flimkien mal-għeżeż tagħhom jissoċjalizzaw u jżommu ruħhom attivi. F’żoni differenti ta’ dan il-ġnien hemm postijiet għall-qari, smigħ tal-mużika u ambjent sabiħ imżewwaq bix-xtieli. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Jorgen Souness spjega lill-Prim Ministru kif f’dan il-ġnien hemm karatteristika importanti li tqanqal il-memorji u l-esperjenzi tal-ħajja tal-anzjani. Fil-fatt fiż-żona ‘Il-Ktieb tal-Memorji’ insibu stampi ta’ avvenimenti tal-ħajja tal-imgħoddi, dwar tradizzjonijiet u drawwiet Maltin u anki fuq l-ikel tipiku Malti fost oħrajn.

PR240488

F’għeluq is-sentejn minn din il-leġiżlatura, ittella’ Kabinett man-nies, din id-darba mal-anzjani, fir-residenza San Vincenz de Paul. Matul il-laqgħa l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar proġett pilota li permezz tiegħu l-anzjani se jirċievu kura intermedjarja aktar immedjata f’din l-istess residenza.

Fil-preżenza ta’ bosta anzjani ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja, il-Prim Ministru spjega li dan is-servizz se jkun qed ibiddel il-mod ta’ kif tingħata l-kura lill-anzjani kif nafuha llum. Qal li bil-proġett pilota, minflok anzjan imur fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, se jibda jmur f’San Vincenz de Paul u wara li jingħata l-kura jirritorna fil-komunità jew fid-dar tal-anzjani li jkun qed jgħix fiha. 

Dan il-proġett pilota se jibda b’kollaborazzjoni ma’ żewġt idjar tal-anzjani u wara li jiġu analizzati r-riżultati jinfirex ukoll ma’ dawk l-anzjani li jgħixu fil-qalba tal-komunità. “Dan huwa eżempju ieħor ta’ kura u għajnuna speċjalizzata. Il-Gvern kommess li jibqa’ jilħaq livelli dejjem ogħla fil-qasam tal-anzjani, mhux biss fl-għoti tas-servizzi iżda wkoll fil-kwalità tal-ħajja u l-mod dinjituż li l-anzjani għandhom jgħixu f’pajjiżna,” saħaq Dr Abela.

Il-Prim Ministru rrefera għall-proġetti li saru diġà f’San Vincenz de Paul, fosthom l-investimenti f’apparat mediku, l-immodernizzar ta’ diversi swali kif ukoll il-ġnien għall-anzjani bid-dimensja. Dan minbarra investimenti oħra li qed isiru fid-djar tal-anzjani fosthom it-tlestija tad-dar tal-Furjana u l-ħruġ tat-tender għad-dar tal-anzjani f’Bormla. “Irridu nibqgħu noffru servizz ta’ kwalità bl-ogħla standards biex l-anzjani igawdu minn kwalità ta’ ħajja tajba,” saħaq il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru qal li biex l-anzjani jgħixu ħajja komda jeħtieġ li jkollhom is-serħan il-moħħ. Hawnhekk fakkar kif il-Gvern kompla jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija, offra stabbiltà fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali, daħħal aktar mediċini fuq il-formularju tal-Gvern, żied il-pensjonijiet u daħħal mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. Dan filwaqt li ma daħħal l-ebda taxxi ġodda.

Matul din il-laqgħa tkellmu numru ta’ anzjani fuq l-esperjenzi tagħhom u mal-membri tal-Kabinett iddiskutew il-kwalità tal-ħajja, il-parteċipazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol u l-involviment tagħhom fil-komunità.

PR240476

F’indirizz li għamel wara li żar binja tal-bank HSBC li ġiet konvertita kompletament f’waħda li ma tarmix aktar emissjonijiet minn kemm tiġġenera u hi effiċjenti fl-użu ta’ enerġija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-importanza li l-bidla nilqgħuha għax hi favur in-nies. “Akbar ma tkun il-bidla, aktar irridu nemmnu fiha biex tkun suċċess,” saħaq Dr Abela meta kien qed jitkellem dwar il-qalba ambjentali bħala parti mill-prijoritajiet li għandu l-pajjiż.

Il-proġett sar bejn il-Fondazzjoni HSBC Malta u l-Kamra tal-Kummerċ. Meta kien qed iżur il-binja, il-Prim Ministru ġie spjegat lilu kif il-materjal użat f’ambjent sabiħ għall-ħaddiema fil-binja huwa kollu riċiklat. Il-proġett huwa ispirat minn mudelli bħal dak LEED, qafas ħolistiku li jindirizza kriterji u miri marbuta mal-indirizzar tal-bidla fil-klima.

Il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss faħħar il-kollaborazzjoni bejn il-fondazzjoni tal-HSBC u l-Kamra tal-Kummerċ iżda tkellem fuq miri importanti li għandu l-pajjiż biex l-infrastruttura f’Malta taħdem b’operat nadif u carbon neutral. Qal li proġett bħal dan għandu jservi ta’ eżempju għal oħrajn, fosthom anki fis-settur privat.

Il-Prim Ministru Abela semma wkoll l-irwol li għandu s-settur finanzjarju biex fi sforz kollettiv jimbotta investimenti ħodor u nodfa. Qal li l-Gvern hu miftuħ għal diskussjoni u jibqa’ jinċentiva favur il-qalba ambjentali. Dr Abela qanqal diskussjoni dwar jekk wasalx iż-żmien li l-banek jinċentivaw aktar investiment f’binjiet li se jkollhom użu aktar t’effiċjenza fl-enerġija. Dan permezz tas-servizzi li joffru lill-investituri. Qal li l-Bank Malti għall-Iżvilupp huwa għodda importanti biex jiffaċilita dan.

Il-Prim Ministru tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jagħti direzzjoni ċara favur is-sostenibbiltà u jġib bidliet li xorta jkomplu jġibu progress u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Innota kif l-Awtorità għall-Bidla fil-Klima, li l-Gvern beda x-xogħol dwarha, se tkompli ġġib flimkien stakeholders li magħhom il-Gvern jitkellem u jġib bidliet importanti u deċiżivi. Hawn innota kif iħares ’il quddiem li pajjiżna jkompli jimxi għall-futur tas-sostenibbiltà għax Malta għandha nies ta’ talent li kapaċi jkunu katalisti fil-qalba l-ħadra. Temm jgħid kif din il-qalba hija l-aqwa opportunità ekonomika għall-ġenerazzjoni tagħna.