Month: March 2024

PR240464

F’Summit tal-Kunsill Ewropew, li sar bejn il-21 u t-22 ta’ Marzu fi Brussell, Malta reġgħet ħadet pożizzjoni b’saħħitha biex fil-konklużjonijiet ta’ dan il-Kunsill ikunu mħarsa l-prinċipji tan-newtralità u n-nonallinjament li għandna fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru Robert Abela insista li l-Kunsill għandu jieħu inkonsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-politika dwar is-sigurtà u d-difiża ta’ kull Stat Membru u fil-konklużjonijiet dan ġie rifless. Il-Prim Ministru kellu wkoll messaġġ ċar favur in-newtralità li jħaddan pajjiżna fil-Kostituzzjoni tiegħu. Lill-President tal-Parlament Ewropew, Dr Abela qalilha li din l-istituzzjoni wkoll trid tirrispetta l-Kostituzzjoni u lill-Parlament Malti. Waqt il-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru flimkien mal-Mexxejja Ewropej iddiskutew diversi temi fosthom l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, is-sigurtà u d-difiża, l-agrikoltura, il-migrazzjoni u t-tkabbir fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill Ewropew beda b’laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres. Hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela kien wieħed mill-Mexxejja li indirizza l-Kunsill fil-ftuħ tiegħu. Dr Abela wassal messaġġ qawwi favur il-paċi u saħaq li għandu jkun hemm sforz kollettiv sabiex jieqaf il-ġlied b’mod permanenti f’Gaża. Irrefera għar-realtajiet umanitarji f’Gaża, rimarkati wkoll minn Guteress aktar qabel, fosthom familji sħaħ bla ikel u ilma u eluf ta’ persuni mejta u oħra midruba. Il-Prim Ministru qal li l-Unjoni Ewropea ma tistax tagħlaq għajnejha għal dan u filwaqt li saħaq ukoll li għandha tkompli tingħata l-għajnuna umanitarja, huwa kruċjali li l-Kunsill iwassal pożizzjoni soda favur il-waqfien permanenti tal-ġlied b’mod immedjat. Is-Segretarju Ġenerali Guterres faħħar il-ħidma li Malta qiegħda twettaq fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-istess ħidma wasslet sabiex tgħaddi riżoluzzjoni mbuttata minn Malta li ġabet qbil dwar il-ħtieġa ta’ għajnuna umanitarja f’Gaża.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll is-settur tal-Agrikoltura b’Malta ttenni hawnhekk ukoll pożizzjoni konsistenti favur appoġġ lill-bdiewa u li ma jkunx hemm sistemi li ma jagħtux flessibbiltà u żvantaġġ lill-bdiewa ta’ Stati Membri. Dr Abela nnota wkoll li dan isir fl-istess waqt favur direzzjoni ta’ prattiċi lejn is-sostenibbiltà fis-settur. Il-Prim Ministru semma kif pajjiżna qed jibqa’ jagħti għajnuna bla preċedent lill-bdiewa Maltin u Għawdxin.  Huwa tenna li l-azzjonijiet li qed jipproponi l-Kunsill biex titnaqqas il-burokrazija u tissaħħaħ il-kompetittività tal-bdiewa u r-raħħala huma passi fid-direzzjoni tajba u saħaq li għandhom jiġu indirizzati wkoll l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-bdiewa, sabiex tassew ikollna settur kompetittiv u reżiljenti.

Il-Kunsill ġie aġġornat ukoll bil-ħidma li qed ssir fuq il-migrazzjoni. Hawnhekk il-Prim Ministru enfasizza li dan is-suġġett għandu jibqa’ jingħata prijorità assoluta sabiex jonqsu n-numru ta’ wasliet irregolari u b’hekk ikunu evitati t-telf ta’ ħajjiet, u tiżdied r-rata ta’ ritorn ta’ immigranti li ma ħaqqhomx ażil. Waqt id-diskussjoni dwar it-tkabbir, il-Kunsill qabel li jinfetħu n-negozjati mal-Bosnja u Ħerzegovina għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Matul il-jum tal-Ġimgħa, tlaqqa’ wkoll il-Euro Summit fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja Ewropea. Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela semma kif pajjiżna ħa deċiżjonijiet b’saħħithom biex jistabbilizza l-prezzijiet u b’hekk inaqqas l-impatt tal-inflazzjoni fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Inizjattiva li diġà bdiet tħalli l-marka tagħha bit-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni fi Frar, partikularment f’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet tal-ikel. Il-Kunsill Ewropew fakkar ukoll it-tletin anniversarju mit-twaqqif taż-Żona Ekonomika Ewropea.

PR240460

Il-Mexxeja ta’ Malta, Spanja, l-Irlanda u Slovenja ltaqgħu fil-marġini tal-Kunsill Ewropew sabiex jiddiskutu l-aħħar żviluppi f’Gaża u Lvant Nofsani. 

L-erba’ pajjiżi qabblu li s-soluzzjoni ta’ żewġ stati hija kruċjali għall-paċi fil-Lvant Nofsani u għalhekk lesti li jirrikonoxxu l-Palestina bħala Stat meta l-kundizzjonijiet għat-twaqqif ta’ dan l-istess Stat ikunu jippermettu.

Ilkoll qabblu li għandu jkun hemm waqfien permanenti tal-ġlied b’mod immedjat, li jinħelsu l-ostaġġi kollha u li tingħata l-għajnuna umanitarja immedjatament. Huma nnutaw ukoll b’mod pożittiv li l-Kunsill qabel mal-konklużjonijiet dwar il-kunflitt fil-Lvant Nofsani.

PR240441

Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi huwa turija kif is-servizz tas-saħħa qegħdin inkomplu nqarrbuh lejn il-familji. Bl-immodernizzar ta’ dawn iċ-Ċentri tas-Saħħa u bil-ftuħ ta’ community clinics madwar il-pajjiż, qegħdin nagħmlu rivoluzzjoni fil-qasam tal-kura primarja. 

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela fl-inawgurazzjoni tal-immodernizzar taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela. 

F’dan il-lokal, miċ-Ċentru tas-Saħħa, mhux biss jingħata servizz ġenerali ta’ kura primarja, iżda ser jingħata wkoll, fost oħrajn, servizz lill-pazjenti speċifikament fuq il-kura tad-dijabete, ċentru speċjalizzat li għall-ewwel darba ser joffri servizz lil persuni bid-dijabete minn tim multi-dixxiplinarju u jingħata care plan personalizzat fl-istess jum. Ġiet ukoll installata, magna ġdida tal-Xray li tipprovdi riżultati malajr b’kwalità aktar ċara flimkien ma’ titjib fl-apparat mediku użat. Biċ-Ċentru tas-Saħħa sar ukoll aktar aċċessibbli, bl-installazzjoni ta’ lift u stairlift, aktar effiċjenti u aktar sigur b’control room ġdida. Il-ħaddiema issa għandhom ukoll faċilitajiet fejn jingħataw taħriġ kontinwu. 

Il-Prim Ministru sostna li dan hu li nkunu qegħdin infissru meta ngħidu li qegħdin ninvestu f’komunitajiet aktar b’saħħithom. B’investiment f’kull settur, minn skejjel ġodda u moderni, għal faċilitajiet sportivi għat-tgawdija tal-komunità, komunitajiet aktar siguri, ċentri għall-anzjani  u spazji miftuħa minflok binjiet, għal servizzi tas-saħħa bħal dawk f’Ħal Qormi li huma tal-ogħla livell u b’iktar riżorsi. Dan għaliex bħala Gvern, nemmnu li li m’hemmx komunitajiet ġusti jekk mhux li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet ta’ kulħadd. 

Irrimarka kif fis-settur tas-saħħa dan il-Gvern investa u se jkompli jinvesti bil-kbir fiż-żmien li ġej. Matul iż-żjara li kellu f’dan iċ-Ċentru tas-Saħħa, il-ħaddiema esprimew sodisfazzjon għall-fatt li finalment, l-investiment ta’ €2.8 miljun li sar għal dan l-immodernizzar, issa ser isarrfuh f’kura aħjar għan-nies. Żied jgħid li dan is-settur bdilnih minn wieħed b’lista limitata ta’ mediċini għal żieda fil-mediċini fuq il-formularju tal-Gvern, minn Ċentri tas-Saħħa mitluqa għal Ċentri tas-Saħħa state-of-the-art, minn servizzi li stajt tirċievi biss mill-isptar Mater Dei għal servizzi tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn darek. Community Clinics ġodda madwar il-pajjiż u servizzi ġodda fil-komunità marbuta mas-saħħa mentali. 

Il-Prim Ministru kkonkluda li dan kollu qed isir għax pajjiżna huwa b’saħħtu u kapaċi jsostni l-investiment. 

“Meta nitkellmu b’investiment fin-nies, dan li nkunu qegħdin ngħidu. Pajjiż li kapaċi jinvesti fl-aqwa apparat, fl-aqwa għodda għall-pazjenti tagħna. Fuq kollox pajjiż bl-aqwa professjonisti, minn kirurgi għal tobba u anki infermiera, li qegħdin inkomplu ninvestu fihom, li finalment ifisser li s-servizz ikun aħjar. Għalhekk, b’dak li qegħdin inwettqu flimkien f’dan is-settur qegħdin nassiguraw Malta b’Saħħitha għall-ġid tal-komunità.” 

Min-naħa tiegħu l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal kif permezz tar-rinovar li sar fiċ-ċentru tas-saħħa f’Ħal Qormi, issa ser ikunu qed jiġu offruti xejn inqas minn 23 servizz tal-ogħla livell għan-nies li jgħixu f’Ħal Qormi kif ukoll fil-madwar. Spjega kif il-Ministeru qed jaħdem u jesplora toroq ġodda biex ikompli jżid l-aċċessibilità tal-pazjent fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex. Sostna li grazzi għal dan l-investiment qed inkomplu naraw l-impenn tal-Gvern li jilħaq kisbiet ta’ eċċellenza sabiex jassigura li s-servizzi kollha fil-qasam tal-kura tas-saħħa primarja jkunu tal-ogħla livell u tingħata l-aqwa kwalità possibbli.

Il-programm ta’ modernizzazzjoni u titjib fil-kura tas-saħħa primarja u l-kliniċi fil-komunità huwa appoġġjat mill-għotja ta’ €10 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF). 

Akkumpanjaw lill-Prim Ministru u lill-Ministru, is-Sindku ta’ Ħal Qormi Josef Masini Vento u l-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja għas-Saħħa Roseanne Camilleri.

PR240431

Malta se tibgħat għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan f’Gaża. Permezz tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jintbagħtu provvisti tal-ikel, ilma u mediċini għal poplu li bħalissa qed jaffaċċja diffikultajiet kbar biex jaċċessa dawn ir-riżorsi importanti.

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri żaru l-aħħar tħejjijiet tal-operazzjoni fl-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Ħal Far biex tkun tista’ tintbagħat l-għajnuna. Huma ngħataw tagħrif kif permezz tal-ftehim tal-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili Ewropew, Malta se tkun qed tagħti l-għajnuna biex ikun assigurat li din tispiċċa għand il-poplu Palestinjan f’Gaża.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif ma’ din l-għajnuna tant meħtieġa, Malta tibqa’ tkun vuċi favur id-djalogu u l-paċi u tenna l-pożizzjoni ta’ pajjiżna favur waqfien mill-ġlied b’mod permanenti. Qal li dik il-vuċi nibqgħu nwassluha f’kull fora lil hinn minn xtutna għax twassal il-ġid għall-umanità. F’Ħal Far qabel titlaq l-għajnuna lejn Gaża, il-Prim Ministru faħħar id-dedikazzjoni fil-ħidma murija mill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li għal darba oħra qed juru dak li jiddefinixxi lil Malta.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li pajjiżna se jibqa’ jkun solidali ma’ popli oħra fi żmien diffiċli mhux biss kif sar permezz ta’ operazzjonijiet barra minn pajjiżna minn uffiċjali Maltin fit-Turkija, fil-Greċja u fil-Libja, iżda wkoll b’għajnuna mibgħuta kif se jseħħ issa. Il-ministru temm jgħid illi Malta ser tibqa’ tkun l-għodda għall-paċi u għall-għajnuna umanitarja u mhux għall-gwerra.

Preżenti kien hemm ukoll l-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta Fadi Hanania, li rringrazzja lill-Gvern Malti tal-kontribut tiegħu mhux biss favur il-paċi iżda wkoll f’għajnuna umanitarja u solidarjetà.

PR240419

Ninvestu fl-edukazzjoni ta’ wliedna f’kull fażi u b’kull mod, fosthom b’ambjent isbaħ fejn it-tfal tagħna jirċievu l-aqwa tagħlim b’għodda aħjar. Dan kien il-messaġġ li wassal il-Prim Ministru Robert Abela meta żar l-Iskola Primarja ġdida fir-Rabat Għawdex fejn ra x-xogħol li għaddej għal skola isbaħ li tibda tilqa’ fiha 650 tifel u tifla f’26 klassi. Il-Prim Ministru sostna li l-investiment f’infrastruttura edukattiva moderna hu importanti biex inkomplu nimbuttaw favur il-kreattività ta’ wliedna li għandhom aspirazzjonijiet li jsawru l-futur ta’ pajjiżna.

Mat-tmexxija tal-Iskola u tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, il-Prim Ministru tkellem anki dwar tagħlim f’suġġetti speċifiċi li jkomplu jagħmlu l-vjaġġ edukattiv tal-istudenti wieħed interessanti. Fil-fatt bix-xogħol li għaddej, l-iskola se jkollha klassijiet għat-tagħlim tax-xjenza, tat-teknoloġija, oħrajn mgħammra apposta għat-tagħlim tal-informatika u tal-arti, filwaqt li 3,000 metru kwadru ta’ art se jkunu ddedikati għall-isport u r-rikreazzjoni tat-tfal. Fi ħdan il-binja tal-iskola nbena wkoll Ċentru ta’ Interpretazzjoni Arkeoloġika biex ikunu preservati l-fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu f’din iż-żona.

Il-Prim Ministru sostna li l-iskola hi parti minn komunità u l-ħajja edukattiva fi skola tagħti wkoll anki valur miżjud lis-soċjetà bl-esperjenzi tagħha. Huwa għalhekk ukoll li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura edukattiva li tkun ta’ servizz anki lil komunità mhux biss fil-ħinijiet tal-iskola.

“L-investiment f’qasam tant importanti bħalma hi l-edukazzjoni huwa wkoll parti mis-sostenn soċjali li jibqa’ jagħmel dan il-Gvern biex kull tifel u tifla f’pajjiżna, irrispettivament minn fejn ġejjin, jaslu biex iwettqu x-xewqat u l-ħolm tagħhom,” saħaq Dr Abela hu u wkoll japprezza l-ħidma sfieqa tal-edukaturi.

Bħala parti minn dan il-proġett qed isir ukoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja fl-istess kampus edukattiv. Hawnhekk, il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ uħud mill-istudenti li kienu għaddejjin bil-lezzjonijiet tagħhom, fejn anke segwa lezzjoni tax-xjenza fil-laboratorju tal-iskola.

Il-proġett kollu qed isir b’investiment ta’ madwar €18-il miljun u malli jitlesta, il-kampus edukattiv tar-Rabat Għawdex se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, hekk kif se jkun qed jinkludi childcare centre, kindergarten, Skola Primarja, Skola Medja, Senior School, kif ukoll is-Sixth Form f’hub.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela waqt iż-żjara kien hemm il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.