Investiment f’infrastruttura edukattiva li fiha wliedna jkunu kreattivi biex isawru l-futur ta’ Malta – il-Prim Ministru Robert Abela jżur l-iskola tar-Rabat Għawdex

PR240419

15/03/2024

Ninvestu fl-edukazzjoni ta’ wliedna f’kull fażi u b’kull mod, fosthom b’ambjent isbaħ fejn it-tfal tagħna jirċievu l-aqwa tagħlim b’għodda aħjar. Dan kien il-messaġġ li wassal il-Prim Ministru Robert Abela meta żar l-Iskola Primarja ġdida fir-Rabat Għawdex fejn ra x-xogħol li għaddej għal skola isbaħ li tibda tilqa’ fiha 650 tifel u tifla f’26 klassi. Il-Prim Ministru sostna li l-investiment f’infrastruttura edukattiva moderna hu importanti biex inkomplu nimbuttaw favur il-kreattività ta’ wliedna li għandhom aspirazzjonijiet li jsawru l-futur ta’ pajjiżna.

Mat-tmexxija tal-Iskola u tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, il-Prim Ministru tkellem anki dwar tagħlim f’suġġetti speċifiċi li jkomplu jagħmlu l-vjaġġ edukattiv tal-istudenti wieħed interessanti. Fil-fatt bix-xogħol li għaddej, l-iskola se jkollha klassijiet għat-tagħlim tax-xjenza, tat-teknoloġija, oħrajn mgħammra apposta għat-tagħlim tal-informatika u tal-arti, filwaqt li 3,000 metru kwadru ta’ art se jkunu ddedikati għall-isport u r-rikreazzjoni tat-tfal. Fi ħdan il-binja tal-iskola nbena wkoll Ċentru ta’ Interpretazzjoni Arkeoloġika biex ikunu preservati l-fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu f’din iż-żona.

Il-Prim Ministru sostna li l-iskola hi parti minn komunità u l-ħajja edukattiva fi skola tagħti wkoll anki valur miżjud lis-soċjetà bl-esperjenzi tagħha. Huwa għalhekk ukoll li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura edukattiva li tkun ta’ servizz anki lil komunità mhux biss fil-ħinijiet tal-iskola.

“L-investiment f’qasam tant importanti bħalma hi l-edukazzjoni huwa wkoll parti mis-sostenn soċjali li jibqa’ jagħmel dan il-Gvern biex kull tifel u tifla f’pajjiżna, irrispettivament minn fejn ġejjin, jaslu biex iwettqu x-xewqat u l-ħolm tagħhom,” saħaq Dr Abela hu u wkoll japprezza l-ħidma sfieqa tal-edukaturi.

Bħala parti minn dan il-proġett qed isir ukoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja fl-istess kampus edukattiv. Hawnhekk, il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ uħud mill-istudenti li kienu għaddejjin bil-lezzjonijiet tagħhom, fejn anke segwa lezzjoni tax-xjenza fil-laboratorju tal-iskola.

Il-proġett kollu qed isir b’investiment ta’ madwar €18-il miljun u malli jitlesta, il-kampus edukattiv tar-Rabat Għawdex se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, hekk kif se jkun qed jinkludi childcare centre, kindergarten, Skola Primarja, Skola Medja, Senior School, kif ukoll is-Sixth Form f’hub.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela waqt iż-żjara kien hemm il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

FacebookTwitter
Skip to content