Robert Abela twieled f’Tas-Sliema fis-7 ta’ Diċembru 1977. Irċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu fis-Sisters’ School, fl-Iskola ta’ San Franġisk, u fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi biex eventwalment gradwa bħala Avukat mill-Università ta’ Malta fl-2002.
Dr Abela ħadem fid-ditta legali tal-familja, speċjalizza fil-liġi industrijali u tax-xogħol, u serva bħala rappreżentant legali ta’ entitajiet diversi, fosthom entitajiet pubbliċi u trade unions.
Huwa kien elett bħala Membru tal-Parlament f’Ġunju 2017, u nħatar bħala konsulent legali tal-Kabinett.
Fit-13 ta’ Jannar tal-2020, inħatar bħala l-14-il Prim Ministru ta’ Malta wara li l-membri tal-Partit Laburista għażluh bħala Mexxej tal-Partit Laburista.
Filwaqt li mexxa l-pajjiż fl-eqqel ta’ pandemija, ippreżenta l-viżjoni tiegħu għal Malta bbażata fuq ħames pilastri: il-kwalità tal-ħajja, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, l-ambjent u l-governanza.
Gvern immexxi minn Robert Abela mhux biss baqa’ jikseb suċċessi ekonomiċi tant li wassal għall-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, iżda wettaq ukoll riformi kbar fil-qasam tal-governanza u għall-ewwel darba fl-istorja, reħa minn idejh poteri li l-ebda Prim Ministru ma kien ċeda qabel.
Fit-28 ta’ Marzu tal-2022, Dr Abela reġa’ nħatar Prim Ministru wara li rebaħ mandat elettorali b’saħħtu fl-Elezzjoni Ġenerali tas-26 ta’ Marzu 2022 meta l-Partit Laburista rebaħ bl-ikbar maġġoranza fl-istorja. Fl-ewwel 100 jum ta’ leġiżlatura ġdida, il-Gvern immexxi minn Dr Abela mexxa ’l quddiem riformi storiċi fil-proċess tal-IVF.
Minkejja l-isfidi globali, inkluż inċertezzi ekonomiċi u instabbiltà ġeopolitika, il-Gvern baqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jipproteġi lill-familji, in-negozji u x-xogħol, filwaqt li kompla jżomm it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu. Dan wassal sabiex Malta għandha l-iktar ekonomija b’saħħitha fl-Ewropa.
Dr Abela nieda wkoll il-Viżjoni Malta 2050, pjan komprensiv u fit-tul għal pajjiżna. Pjan li jindirizza l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-lum, kif ukoll dawk ta’ għada.
Matul din il-leġiżlatura, Manoel Island, Forti Tigné u l-White Rocks ingħataw lura lin-nies. Dan jirrappreżenta pass importanti lejn aktar aċċess ta’ spazji miftuħa biex jitgawdew mill-familji Maltin u fl-istess waqt jiġi salvagwardjat il-wirt ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Dr Abela reġa’ nħatar Prim Ministru fl-1 ta’ Ġunju 2026, wara r-rebħa elettorali storika tal-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2026, fejn kiseb ir-raba’ mandat konsekuttiv biex imexxi l-pajjiż.
Dr Abela huwa miżżewweġ lil Lydia, née Zerafa, li hi ukoll Avukat. Huma għandhom tifla, Giorgia Mae.

