EKONOMIJA B’SAĦĦITHA

EKONOMIJA B’SAĦĦITHA

Malta llum hi waħda mill-iktar ekonomiji vibranti fl-Unjoni Ewropea, fejn ta’ kull sena qed tirreġistra fost l-ikbar tkabbir ekonomiku u l-inqas rati ta’ qgħad. L-irkupru wara l-pandemija tal-Covid-19 hu wieħed b’saħħtu, tant li t-tbassir tal-istituzzjonijiet internazzjonali jibqa’ wieħed pożittiv u l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kontinwament ipoġġu lil Malta fost il-pajjiżi bl-ogħla ratings. Hija din it-tip ta’ ekonomija vibranti, miftuħa għal investiment f’oqsma ġodda, kif ukoll f’dawk tradizzjonali, li qed jinvestu fl-immodernizzar, li l-Gvern Malti jinsab impenjat li jibqa’ jiggarantixxi għal pajjiżna. L-edukazzjoni, li tibni ċittadini kritiċi u sodisfatti b’ħajjithom, flimkien mat-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema, jibqgħu kruċjali biex Malta tibqa’ kompetittiva u tattira l-investiment. Barra minn hekk irridu prosperità li tilħaq lil kulħadd fis-soċjetà tagħna, u li tkun sostenibbli u twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar, b’karrieri dejjem aqwa għaċ-ċittadini ta’ pajjiżna.

AMBJENT AĦJAR

AMBJENT AĦJAR

L-ambjent, fid-diversi aspetti tiegħu, jinsab fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ din l-amministrazzjoni. Filwaqt li l-iżvilupp hu għodda importanti biex il-pajjiż jimxi ’l quddiem ekonomikament, irridu nieħdu ħsieb dak li għandna u għalhekk il-Gvern beda u se jkompli joffri inċentivi b’saħħithom ħafna biex il-familji u n-negozji jagħmlu għażliet li jkunu sostenibbli. Fl-aħħar snin Malta investiet bis-sħiħ biex ittejjeb il-kwalità tal-arja, fost oħrajn billi bdiet tuża sorsi ta’ enerġija iktar nodfa u diġà tħabbru u bdew jitwettqu proġetti oħra f’din id-direzzjoni. Iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinovabbli u proġetti kbar tax-shore-to-ship fil-portijiet bil-għan li jonqos it-tniġġis huma ukoll importanti ħafna. Bl-istess mod tnedew l-ikbar inċentivi biex in-nies jaqilbu għall-vetturi elettriċi. Biex tintlaħaq il-mira ta’ Malta Carbon Neutral, anke l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta huwa primarjament ibbażat fuq l-ambjent, tant li ġie deskritt mill-Kummissjoni Ewropea bħala wieħed mill-iktar ħodor fl-Ewropa.

Ma’ dan, il-pajjiż beda investiment bla preċedent fi spazji miftuħa ġodda biex jitgawdew mill-familji. Postijiet li kienu jservu bħala miżbla nbidlu f’parks, filwaqt li nbdew u se jiżdiedu l-proġetti ta’ investiment fi spazji miftuħa. Fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura ttieħdu ukoll deċiżjonijiet maġġuri li salvaw eluf ta’ metri kwadri ODZ. Dan filwaqt li qed indaħħlu spazji miftuħa u ħodor ġodda fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.

NEMMNU FL-UGWALJANZA

NEMMNU FL-UGWALJANZA

It-tisħiħ ekonomiku mhuwiex il-punt tal-wasla, iżda l-bażi biex tinħoloq soċjetà iktar ġusta. It-tkattir tax-xogħol wassal biex fl-aħħar snin Malta naqset il-persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, fl-istess ħin li żdied l-investiment b’tisħiħ f’benefiċċji importanti bħal pensjonijiet u dawk għal persuni b’diżabbiltà. Soċjetà fejn tirrenja l-ġustizzja soċjali hi ukoll waħda fejn tirrenja l-ugwaljanza. Malta tiftaħar bi kburija li tinsab fuq nett tal-lista tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ u kontinwament f’Malta komplew isiru bidliet importanti biex inżidu l-ugwaljanza, fost oħrajn biex kulħadd ikollu l-istess ċans isir ġenitur. Il-Gvern jemmen f’Malta li ma tiddistingwixxix fuq bażi tal-ġeneru u fil-prijoritajiet tal-gvern hemm il-ħtieġa li jkompli jkun indirizzat it-tfixkil li jistgħu jiffaċċjaw persuni minħabba l-ġeneru tagħhom. Kommessi li nkomplu nibnu soċjetà fejn ħadd ma jħossu mwarrab jew diskriminat, u fejn kulħadd ikun jista’ jsemma’ leħnu u mogħti l-ispazju u l-għodda meħtieġa biex jilħaq il-potenzjal u l-aspirazzjoni.

GOVERNANZA MĠEDDA

GOVERNANZA MĠEDDA

Malta implimentat numru ta’ riformi istituzzjonali u kostituzzjonali kbar li komplew isaħħu l-qafas demokratiku modern ta’ pajjiżna. Fost riformi riċenti tal-ogħla importanza kien hemm dawk li raw lill-Prim Ministru jerħi minn idejh poteri li sal-bidu tal-2020 kienu jgħajtu esklussivament lilu, fosthom il-ħatriet tal-Prim Imħallef u l-Kummissarju tal-Pulizija, fost oħrajn. Dawn id-deċiżjonijiet bdew isiru jew b’żewġ terzi tal-Parlament jew inkella bi proċessi li jinkludu entitajiet Kostituzzjonali u proċess Parlamentari. Dawn il-bidliet kienu rikonoxxuti minn entitajiet internazzjonali bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Venezja. Malta għaddiet ukoll minn proċess tal-Financial Action Task Force (FATF) li fi tmiem tiegħu f’Ġunju tal-2022 kien ikkonfermat li Malta għamlet riformi kbar u li llum hi rikonoxxuta bħala ġurisdizzjoni b’saħħitha u serja.

Governanza moderna hi ukoll dik li tara li ċ-ċittadin ikollu servizzi aċċessibbli u trasparenti u llum Malta qed tkun fuq quddiem nett f’dawk li huma servizzi ta’ e-government. Bl-istess mod il-pajjiż qed jaħdem fuq riformi meħtieġa biex ikollna proċessi ġudizzjarji iktar effiċjenti, hekk kif l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tajba u fil-ħin hi prinċipju bażiku fid-dinja tal-lum.

PAJJIŻ EFFIĊJENTI

PAJJIŻ EFFIĊJENTI

Malta qed tinvesti bis-sħiħ biex issaħħaħ l-infrastruttura tagħha. Hekk il-pajjiż ikun jista’ jikkumplimenta l-iżvilupp ekonomiku qawwi li għamel fl-aħħar snin. L-investiment infrastrutturali jgħaqqad id-diversi aspetti meħtieġa biex il-pajjiż jimxi ’l quddiem u n-negozji u l-familji jieħdu l-aħjar servizz. Bħalissa għaddej xogħol kbir biex isiru t-toroq kollha ta’ Malta, filwaqt li saru u qed ikomplu jitlestew l-ikbar proġetti infrastrutturali ta’ kull żmien. Bl-istess mod kompliet tissaħħaħ l-infrastruttura marittima f’pajjiż li l-baħar hu parti essenzjali mill-għajxien tiegħu.

Jinsabu għaddejjin studji dwar soluzzjonijiet ġodda għat-trasport privat, u t-trasport pubbliku b’xejn qed ikun estiż għall-popolazzjoni kollha. Bl-istess mod għaddej investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-pajjiż. Din trid tkun b’saħħitha bil-kbir fis-settur pubbliku biex tkun għodda għal servizz aħjar liċ-ċittadin filwaqt li tnaqqas il-burokrazija. F’Għawdex l-infrastruttura ukoll qed tissaħħaħ fuq kull livell, minn dik li għandha x’taqsam mal-konnettività għal dik diġitali u l-produzzjoni tal-ilma fost oħrajn. Għaliex Għawdex huwa ukoll gżira b’potenzjal li jrid iservi bħala l-bażi ta’ ħafna opportunitajiet.

IL-FUTUR TA’ ULIEDNA

IL-FUTUR TA’ ULIEDNA

Il-Gvern irid li t-tfal kollha ta’ dan il-pajjiż ikollhom l-opportunità li jirnexxu. Għalhekk l-investiment fl-edukazzjoni, għax dik hi l-għodda li mhux biss twassal biex ikollna ġenerazzjonijiet mgħarrfa u akkademikament ippreparati, iżda ukoll kruċjali għall-mobbiltà soċjali.

Qed inkomplu nkattru l-investiment fl-iskejjel u fi programmi ġodda li jridu joffru spazju fejn kull student jilħaq il-potenzjal tiegħu. Se nimplimentaw Garanzija għat-Tfal li fuq l-istess mudell tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tassigura li ħadd ma jaqa’ lura. Irridu li uliedna jgħixu f’Malta li toffri servizzi ta’ kwalità u tal-ogħla livell. Inkluż fl-oqsma tas-saħħa u s-sigurtà. Is-servizz tas-saħħa ta’ Malta huwa fost l-iktar b’saħħithom, bil-poplu Malti u Għawdxi għandu aċċess għal servizz b’xejn, li dejjem qed ikompli l-investiment fih bl-estensjoni tas-servizzi u mediċini offruti. Fl-eqqel tal-pandemija Malta kienet ta’ eżempju għal pajjiżi oħra, minkejja ċ-ċokon tagħna. Din hi esperjenza li tixhed l-investiment li sar. L-istess fil-qasam tas-sigurtà. Qatt daqs dawn l-aħħar snin ma żdied l-investiment fil-forzi dixxiplinati. Minn kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar għal tagħmir aħjar u servizzi ġodda, bil-għan li ċ-ċittadin iħossu iktar sigur, u hawn ukoll jingħata servizz aħjar.