NEMMNU FL-UGWALJANZA

It-tisħiħ ekonomiku mhuwiex il-punt tal-wasla, iżda l-bażi biex tinħoloq soċjetà iktar ġusta. It-tkattir tax-xogħol wassal biex fl-aħħar snin Malta naqset il-persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, fl-istess ħin li żdied l-investiment b’tisħiħ f’benefiċċji importanti bħal pensjonijiet u dawk għal persuni b’diżabbiltà. Soċjetà fejn tirrenja l-ġustizzja soċjali hi ukoll waħda fejn tirrenja l-ugwaljanza. Malta tiftaħar bi kburija li tinsab fuq nett tal-lista tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ u kontinwament f’Malta komplew isiru bidliet importanti biex inżidu l-ugwaljanza, fost oħrajn biex kulħadd ikollu l-istess ċans isir ġenitur. Il-Gvern jemmen f’Malta li ma tiddistingwixxix fuq bażi tal-ġeneru u fil-prijoritajiet tal-gvern hemm il-ħtieġa li jkompli jkun indirizzat it-tfixkil li jistgħu jiffaċċjaw persuni minħabba l-ġeneru tagħhom. Kommessi li nkomplu nibnu soċjetà fejn ħadd ma jħossu mwarrab jew diskriminat, u fejn kulħadd ikun jista’ jsemma’ leħnu u mogħti l-ispazju u l-għodda meħtieġa biex jilħaq il-potenzjal u l-aspirazzjoni.