EKONOMIJA B’SAĦĦITHA

Malta llum hi waħda mill-iktar ekonomiji vibranti fl-Unjoni Ewropea, fejn ta’ kull sena qed tirreġistra fost l-ikbar tkabbir ekonomiku u l-inqas rati ta’ qgħad. L-irkupru wara l-pandemija tal-Covid-19 hu wieħed b’saħħtu, tant li t-tbassir tal-istituzzjonijiet internazzjonali jibqa’ wieħed pożittiv u l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kontinwament ipoġġu lil Malta fost il-pajjiżi bl-ogħla ratings. Hija din it-tip ta’ ekonomija vibranti, miftuħa għal investiment f’oqsma ġodda, kif ukoll f’dawk tradizzjonali, li qed jinvestu fl-immodernizzar, li l-Gvern Malti jinsab impenjat li jibqa’ jiggarantixxi għal pajjiżna. L-edukazzjoni, li tibni ċittadini kritiċi u sodisfatti b’ħajjithom, flimkien mat-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema, jibqgħu kruċjali biex Malta tibqa’ kompetittiva u tattira l-investiment. Barra minn hekk irridu prosperità li tilħaq lil kulħadd fis-soċjetà tagħna, u li tkun sostenibbli u twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar, b’karrieri dejjem aqwa għaċ-ċittadini ta’ pajjiżna.