AMBJENT AĦJAR

L-ambjent, fid-diversi aspetti tiegħu, jinsab fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ din l-amministrazzjoni. Filwaqt li l-iżvilupp hu għodda importanti biex il-pajjiż jimxi ’l quddiem ekonomikament, irridu nieħdu ħsieb dak li għandna u għalhekk il-Gvern beda u se jkompli joffri inċentivi b’saħħithom ħafna biex il-familji u n-negozji jagħmlu għażliet li jkunu sostenibbli. Fl-aħħar snin Malta investiet bis-sħiħ biex ittejjeb il-kwalità tal-arja, fost oħrajn billi bdiet tuża sorsi ta’ enerġija iktar nodfa u diġà tħabbru u bdew jitwettqu proġetti oħra f’din id-direzzjoni. Iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinovabbli u proġetti kbar tax-shore-to-ship fil-portijiet bil-għan li jonqos it-tniġġis huma ukoll importanti ħafna. Bl-istess mod tnedew l-ikbar inċentivi biex in-nies jaqilbu għall-vetturi elettriċi. Biex tintlaħaq il-mira ta’ Malta Carbon Neutral, anke l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta huwa primarjament ibbażat fuq l-ambjent, tant li ġie deskritt mill-Kummissjoni Ewropea bħala wieħed mill-iktar ħodor fl-Ewropa.

Ma’ dan, il-pajjiż beda investiment bla preċedent fi spazji miftuħa ġodda biex jitgawdew mill-familji. Postijiet li kienu jservu bħala miżbla nbidlu f’parks, filwaqt li nbdew u se jiżdiedu l-proġetti ta’ investiment fi spazji miftuħa. Fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura ttieħdu ukoll deċiżjonijiet maġġuri li salvaw eluf ta’ metri kwadri ODZ. Dan filwaqt li qed indaħħlu spazji miftuħa u ħodor ġodda fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.