PAJJIŻ EFFIĊJENTI

Malta qed tinvesti bis-sħiħ biex issaħħaħ l-infrastruttura tagħha. Hekk il-pajjiż ikun jista’ jikkumplimenta l-iżvilupp ekonomiku qawwi li għamel fl-aħħar snin. L-investiment infrastrutturali jgħaqqad id-diversi aspetti meħtieġa biex il-pajjiż jimxi ’l quddiem u n-negozji u l-familji jieħdu l-aħjar servizz. Bħalissa għaddej xogħol kbir biex isiru t-toroq kollha ta’ Malta, filwaqt li saru u qed ikomplu jitlestew l-ikbar proġetti infrastrutturali ta’ kull żmien. Bl-istess mod kompliet tissaħħaħ l-infrastruttura marittima f’pajjiż li l-baħar hu parti essenzjali mill-għajxien tiegħu.

Jinsabu għaddejjin studji dwar soluzzjonijiet ġodda għat-trasport privat, u t-trasport pubbliku b’xejn qed ikun estiż għall-popolazzjoni kollha. Bl-istess mod għaddej investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-pajjiż. Din trid tkun b’saħħitha bil-kbir fis-settur pubbliku biex tkun għodda għal servizz aħjar liċ-ċittadin filwaqt li tnaqqas il-burokrazija. F’Għawdex l-infrastruttura ukoll qed tissaħħaħ fuq kull livell, minn dik li għandha x’taqsam mal-konnettività għal dik diġitali u l-produzzjoni tal-ilma fost oħrajn. Għaliex Għawdex huwa ukoll gżira b’potenzjal li jrid iservi bħala l-bażi ta’ ħafna opportunitajiet.