GOVERNANZA MĠEDDA

Malta implimentat numru ta’ riformi istituzzjonali u kostituzzjonali kbar li komplew isaħħu l-qafas demokratiku modern ta’ pajjiżna. Fost riformi riċenti tal-ogħla importanza kien hemm dawk li raw lill-Prim Ministru jerħi minn idejh poteri li sal-bidu tal-2020 kienu jgħajtu esklussivament lilu, fosthom il-ħatriet tal-Prim Imħallef u l-Kummissarju tal-Pulizija, fost oħrajn. Dawn id-deċiżjonijiet bdew isiru jew b’żewġ terzi tal-Parlament jew inkella bi proċessi li jinkludu entitajiet Kostituzzjonali u proċess Parlamentari. Dawn il-bidliet kienu rikonoxxuti minn entitajiet internazzjonali bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Venezja. Malta għaddiet ukoll minn proċess tal-Financial Action Task Force (FATF) li fi tmiem tiegħu f’Ġunju tal-2022 kien ikkonfermat li Malta għamlet riformi kbar u li llum hi rikonoxxuta bħala ġurisdizzjoni b’saħħitha u serja.

Governanza moderna hi ukoll dik li tara li ċ-ċittadin ikollu servizzi aċċessibbli u trasparenti u llum Malta qed tkun fuq quddiem nett f’dawk li huma servizzi ta’ e-government. Bl-istess mod il-pajjiż qed jaħdem fuq riformi meħtieġa biex ikollna proċessi ġudizzjarji iktar effiċjenti, hekk kif l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tajba u fil-ħin hi prinċipju bażiku fid-dinja tal-lum.