Month: March 2024

PR240413

  • Il-Prim Ministru Robert Abela jżur l-Isptar Monte Carmeli

Fis-saħħa mentali saħħaħna u ser inkomplu nsaħħu s-servizzi fil-komunità, biex kulħadd ikun jista’ jingħata s-sapport li jeħtieġ f’ambjent li jixbaħ aktar dak tad-dar milli dak ta’ sptar. B’dan ikompli jnaqqas ukoll l-istigma assoċjata ma’ li wieħed ifittex l-għajnuna meta meħtieġ.

Dan sostnih il-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel fl-isptar Monte Carmeli, akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, li matulha kellu diskussjoni mat-tmexxija u mal-ħaddiema tal-istess sptar, li fost oħrajn iddiskutew il-viżjoni għall-kura tas-saħħa mentali f’pajjiżna u kif mill-esperjenza tagħhom jemmnu li dik il-viżjoni tista’ tkompli titwettaq bl-aħjar mod biex kulħadd jingħata l-aqwa servizz, f’ambjent xieraq u b’servizz li jkun iffokat dejjem aktar fil-komunità.

Filfatt, eżempju ċar ta’ dak li qed jitwettaq, il-Prim Ministru rah jaħdem fil-prattika u kellu anke ċ-ċans jiddiskutih mal-pazjenti stess f’sala Maria Sciberras, magħrufa bħala l-Female Dual Diagnostic Unit, li tilqa’ pazjenti nisa li għandhom sfidi ta’ saħħa mentali u l-vizzju tad-droga. Sala li hija kompletament anti-ligature, jiġifieri li ġiet iddisinjata b’tali mod li l-pazjenti ma jkunux jistgħu jweġġgħu lilhom infushom jew lil xulxin. Iżda li jispikka l-aktar f’din is-sala, huwa l-mod ta’ kif qegħda tingħata l-kura, li qegħda tipprepara lill-pazjenti dejjem aktar biex ikunu jistgħu jerġgħu jgħixu b’mod indipendenti, fosthom billi jsajru għalihom u għall-pazjenti l-oħra tas-sala u jaħslu l-ħwejjeġ huma, fost oħrajn.

Il-Prim Ministru hawnhekk tenna kif proġetti bħal dawn li investa fihom dan il-Gvern, qegħdin jagħtu l-ħajja l-istrateġija nazzjonali għas-saħħa mentali li fost oħrajn tiffoka fuq it-tisħiħ tal-infrastruttura f’dan il-qasam. Investiment iżda li ddeskrivih bħala wieħed li jmur lil’hinn mill-binja nnifisha, għaliex huwa investiment fil-persuni li jiġu bżonn dan is-servizz li fl-aqwa ambjent qegħdin jingħataw l-opportunità li ż-żmien tagħhom f’dan l-isptar jippreparahom biex jerġgħu jgħixu fil-komunità.

Filfatt, l-istess strateġija titkellem ukoll dwar prijorità oħra għal dan il-Gvern, li fejn hu possibbli, it-trattament isir fil-komunità. Prijorità oħra li m’għadiex fuq il-karta iżda qed titwettaq, fosthom bi proġett ieħor li żar il-Prim Ministru Robert Abela li twettaq minn dan il-Gvern, dak ta’ Dar Sebħ Ġdid.  Din hija halfway house, li tilqa’ pazjenti li wara li jirċievu l-kura fl-isptar jingħataw l-opportunità li jintegraw ruħhom lura fis-soċjetà. Hawnhekk, il-pazjenti jistgħu jgħixu normali, f’ambjent ta’ dar, taħt is-sorveljanza tal-istaff professjonali.

Bi kliem il-Professjonisti kien li din id-dar, qegħda terġa’ tagħti l-kunfidenza lil dawn il-pazjenti biex jerġgħu jibdew jgħixu fil-komunità u b’mod indipendenti. Bis-servizz f’din il-binja għalhekk jingħaqad ukoll ma’ servizzi oħra bħal dak tal-Crisis Resolution Home Treatment li ġie introdott minn dan il-Gvern fejn pazjent jiġi riferut minn psikjatra f’Mater Dei għand tim ta’ infermiera u psikjatri fil-komunità. Liema servizz, fil-prattika fisser li mas-700 pazjent li użaw dan is-servizz kellek 93% tal-każi, li ngħataw l-għajnuna meħtieġa mingħajr ma kellhom għalfejn jiddaħħlu l-Isptar Monte Carmeli.

Bis-servizzi fil-komunità saru iktar aċċessibbli matul is-snin, anke bil-Helpline 1579, li huwa servizz offrut kuljum li joffri għajnuna immedjata u gwida meta persuna tiġi bżonnha, li minn kemm ilu introdott fl-2022, qiegħed jirċievi medja ta’ 700 telefonata fix-xahar.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem kif fis-settur tas-saħħa mentali, dejjem bid-djalogu ma’ dawk li jħaddmu s-servizzi ta’ kuljum, il-persuni u l-bżonnijiet differenti tagħhom fejn tidħol din it-tip ta’ kura qegħdin jinżammu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni. Minn proġett infrastrutturali li d-disinn tiegħu qed ikun maħsub biex joffri kura speċjalizzata, għall-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li dejjem qegħdin jagħmlu l-għajnuna iżjed aċċessibbli u li ssibha ftit passi bogħod minn darek għal titjib ieħor li anke jekk jaffettwa persuna waħda qegħdin inwettquh biex verament nagħmlu d-differenza.

Fil-fatt, il-Prim Ministru żar Outpatients Clinic ġdid, li fih qed jingħataw is-servizzi taċ-Ċentru Tommaso Chetcuti, li x-xogħlijiet fuqu huma parti mill-modernizzazzjoni tal-Isptar Monte Karmeli. Din l-Outpatients Clinic ġdida tinkludi tliet kmamar ta’ konsultazzjoni, faċilità ta’ trattament, u spazji anċillari. Bil-ħsieb wara dan l-investiment hu li meta l-pazjent jmur jgħix lura fil-komunità, jibqa’ jiġi segwit mill-Professjonisti, ma jingħatax dan is-servizz fis-swali tal-Isptar Monte Carmeli iżda f’ambjent xieraq li anke jikkontribwixxi biex il-persuna u l-familjari tagħha jiricievu servizz aqwa.

Proġett ieħor li jingħaqad ma’ lista ta’ proġetti oħra li għaddejja l-ħidma fuqhom, fosthom dik li ser twassal biex spazju mitluq jinbidel fi ġnien rikreattiv għal pazjenti minorenni fuq medda ta’ 1,100 metru kwadru, ir-rinovazzjoni ta’ Block 1, Block 6 u Female Ward 7 u l-ġnien terapewtiku fuq medda ta’ 4,500 metru kwadru flimkien mal-bini ta’ unit ġdida ta’ kura moderna tal-psikjatrija akuta f’Mater Dei, fost oħrajn. 

Proġetti paralleli ma’ servizzi tal-aqwa kwalità mifruxa mal-pajjiż.

PR240403

Fis-Sala tat-Tron fil-Palazz, il-Belt, fetaħ il-maltabiennale.art. Dan il-biennale, taħt il-patrunaġġ ukoll tal-President ta’ Malta, qed isir għall-ewwel darba f’Malta. Għandu għaddej sal-aħħar ta’ Mejju b’rappreżentazzjonijiet ta’ arti kontemporanja madwar il-pajjiż kollu. Għax-xahrejn u nofs li ġejjin Malta se tkun fiċ-ċentru tal-kalendarju kulturali u artistiku dinji. Bit-tema l-Mediterran, ‘Baħar Abjad Imsaġar taż-Żebbuġ’, f’dan il-biennale organizzat b’mod ewlieni minn Heritage Malta, il-MUŻA u l-Kunsill Malti għall-Arti se jieħdu sehem ’il fuq minn mitt artist. Fiċ-ċerimonja tal-ftuħ li kienet imżewqa b’viżiv mill-isbaħ ta’ dak kollu li hu Malti tkellmu l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Mario Cutajar u l-Kuratriċi ta’ dan il-biennale, Sofia Baldi Pighi.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif dan il-biennale qed isir f’reġjun li huwa d-dar naturali tal-artisti. Il-Mediterran, it-tema ta’ dan il-biennale, reġjun li Malta dejjem tagħtu viżibilità u wasslet vuċi kostanti dwaru. Il-Prim Ministru qal li Malta hi kburija li qed tilqa’ l-artisti f’dan l-ewwel biennale li qed isir taħt il-patrunaġġ ukoll tal-UNESCO. “L-arti hi inklussiva, l-aċċess għaliha huwa dritt ta’ kulħadd”, sostna Dr Abela li nnota kif dan il-biennale madwar il-pajjiż se jagħti opportunità sabiħa lill-familji jgawdu l-arti kontemporanja. Il-Prim Ministru mhux biss tkellem dwar l-investiment fuq l-arti u l-kultura bi proġetti tal-ogħla livell frott l-ikbar allokazzjoni ta’ fondi fis-settur kulturali iżda saħaq li dan qed isir għax il-Gvern jemmen li l-kultura hi ass importanti għall-pajjiż.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif waqt li bħalissa qed ngħixu żmien ta’ gwerer u tensjoni fl-Ewropa u fil-Mediterran, il-kultura tirrappreżenta l-valuri tal-paċi, tal-kreattività u tal-koperazzjoni. Huwa qal li Malta, bis-saħħa tal-kultura, qed tilgħab rwol biex iġġib flimkien diversi artisti u pajjiżi, tant li meta ħarġet is-sejħa internazzjonali għall-artisti, in-numri ta’ proposti artistiċi kienu kbar u sorprendenti. Tant li Heritage Malta rċeviet iktar minn 2,500 proposta minn 118-il pajjiż. “M’għandix dubju li n-numru kbir ta’ artisti li applikaw biex jieħdu sehem fil-maltabiennale.art 2024 juri li l-artisti jridu l-ispazju tagħhom biex jesprimu ruħhom u bħala Gvern aħna kburin li permezz tal-maltabiennale.art dan l-ispazju se nkunu qed nagħtuh”, qal il-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta u President u fundatur ta’ maltabiennale.art, Mario Cutajar, fisser kif il-maltabiennale.art mhux biss arti. Dan l-avveniment kulturali tas-sena huwa opportunità biex nagħrfu lilna nfusna bħala Maltin u niflu u naħsbu fuq il-madwar tagħna. Fid-diskors tiegħu, huwa stqarr, “Qegħdin inżewġu l-istorja tagħna permezz tas-siti storiċi li Heritage Malta għandha mxerrda ma’ Malta kollha mal-arti kontemporanja u dan jagħmel dan il-Biennale uniku”. Mario Cutajar żied ifisser l-importanza li nħarsu lejn ilbieraħ biex nifhmu iktar illum, nifhmu aħna minn aħna u b’hekk ngħinu biex inħarsu ’l quddiem b’iktar kunfidenza.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-kuratriċi tal-Biennale Malti, Sofia Baldi Pighi, qalet li l-arti mhix dekorazzjoni. Hija ħlejqa attiva u vibranti li kapaċi tinbet fis-soċjetà u tqajjem il-ħsieb kritiku u indipendenti. Hija qalet li tassew temmen li l-arti hija dejjem politika, u l-arti kontemporanja trid tkun kuraġġuża biżżejjed biex tindirizza kwistjonijiet kurrenti. Żiedet tistqarr li l-għan tal-arti qatt mhu li tagħti tweġibiet, iżda li tqanqal mistoqsijiet.

PR240377

  • Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura The Shoreline Mall u jisħaq fuq approċċ sostenibbli li jmur id f’id mal-investiment

Fl-impenn tagħna favur proġetti sbieħ u riġenerazzjoni, irridu nġibu bidla li anki tippriserva l-karatteristiċi tal-post. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq dan f’indirizz li għamel waqt żjara u l-inawgurazzjoni ta’ The Shoreline Mall, kumpless ġdid fil-Kalkara li jiġbor fih għadd ta’ ħwienet u jiġbed lejh bosta familji. B’investiment ta’ €200 miljun, The Shoreline huwa proġett fi SmartyCity li fih mhux biss stabbilimenti iżda anki postijiet għad-divertimenti tal-familji, fosthom it-tfal.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-investiment li qed isir biex SmartyCity tingħata l-ħajja fosthom bil-kampus state-of-the-art tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Qal li rridu nsostnu l-investimenti b’approċċ bilanċjat anki favur is-sostenibbiltà. Hawn ħabbar kif il-Gvern fehem l-ħtieġa ta’ tisħiħ fl-infrastruttura tat-toroq lejn SmartCity iżda għaraf ukoll l-ħarsien ambjentali u huwa għalhekk li mill-proposta oriġinali ta’ qabel 2013, il-Gvern se jnaqqas b’żewġ terzi l-ammont ta’ art esproprjata biex ikun hemm il-link il-ġdida għal SmartCity li tilqa’ għall-volum ta’ viżitaturi. Il-pjan rivedut ifisser ukoll 80% inqas ta’art privata esproprjata, ħafna minnha salvata hi art agrikola.

Il-Prim Ministru Abela nnota kif l-investiment li kien qed jinawgura fi SmartCity huwa turija oħra ta’ fiduċja f’pajjiżna u tenna l-ispalla li se jkompli jagħti l-Gvern billi jġib ċertezza u stabbiltà. Qal li dan l-investiment fin-Nofsinhar tal-pajjiż juri wkoll kif dan ir-reġjun jiġbed ukoll lejh familji. Fil-fatt huwa rringrazzja lill-investituri f’dan il-proġett li ħolqu ambjent fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità. Qabel l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-kumpless fejn iltaqa’ ma’ ħaddiema u familji li kienu fuq il-post.

PR230454

Matul laqgħa mal-Kumitat Eżekuttiv il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li filwaqt li saru ħafna riformi biex il-mara tkompli tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha f’pajjiżna, jeħtieġ li nkomplu nilqgħu għar-realtajiet ġodda li qed tiffaċċja fis-soċjetà tal-lum.

Dr Abela semma l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u kif iċ-childcare b’xejn wassal biex il-mara terġa’ tibda taħdem wara li jkollha l-ewwel wild. Dan filwaqt li aktar nisa setgħu jsiru ommijiet għall-ewwel darba permezz tal-introduzzjoni tal-liġi tal-IVF f’pajjiżna. Fil-fatt, il-Prim Ministru ħabbar li s’issa, mill-2013 lil hawn, twieldu total ta’ 590 tarbija bl-IVF. Irrefera wkoll għall-introduzzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv biex aktar nisa jsiru membri parlamentari u l-introduzzjoni tal-liġi tal-femiċidju fil-Kodiċi Kriminali.

B’referenza għat-tielet strateġija kontra l-vjolenza domestika, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din qed tiffoka iktar fuq il-prevenzjoni tagħha, bl-introduzzjoni ta’ mezzi teknoloġiċi li jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Strateġija oħra li wkoll għandha lin-nisa fiċ-ċentru tagħha hija dik dwar it-traffikar tal-persuni li għalkemm in-numru f’pajjiżna jibqa’ relattivament baxx, xorta waħda saru sforzi leġiżlattivi biex jitnaqqas l-ammont ta’ vittmi fosthom bir-regolarizzazzjoni tat-temping agencies u t-twaqqif ta’ helplines apposta.

Dr Abela qal li filwaqt li saru sensiela ta’ riformi biex il-mara tibqa’ timxi ’l quddiem f’pajjiżna, saħaq li jeħtieġ li nilqgħu għal realtajiet ġodda li jiltaqgħu magħhom in-nisa. Qal li l-mara trid tittieħed f’kuntest usa’, b’mod partikolari fejn tidħol it-trobbija tat-tfal u l-familja.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa Dr Rebecca Berry Wellman irrikonoxxiet ħidmet il-Gvern f’dan ir-rigward u sostniet li ċ-childcare b’xejn hija waħda mill-iktar miżuri li l-kunsill iħoss li għenet lill-mara biex tibbilanċja l-familja u l-karriera.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg u l-Whip tal-Gvern Naomi Cachia.

PR240338

Fil-Kottonera għaddejjin proġetti sbieħ u importanti biex fiż-żona jkun hemm postijiet isbaħ u aktar aċċessibbli. Dan ħareġ minn żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fl-Isla, f’Bormla, fil-Birgu u fil-Kalkara, fejn segwa bosta xogħlijiet fuq proġetti u segwa mill-qrib inizjattivi u investimenti li qed isiru għall-ġid tal-komunità. F’messaġġ li għadda fi tmiem iż-żjara li għalqet fil-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar is-sinerġija li jeħtieġ li jkun hemm bejn il-Kunsilli Lokali, l-entitajiet u l-korporazzjonijiet li qed jaħdmu flimkien fuq Kottonera li tixraq għar-residenti u ta’ dawk li jżuruha.

Fl-aħħar snin komplejna naraw riġenerazzjoni fil-Kottonera bi proġetti li għaddejjin fost oħrajn. Fid-daħla tal-Isla hemm il-proġett ta’ restawr fosthom dak li sar fuq l-istruttura ikonika tal-gardjola, is-swar u l-mini tad-daħla tal-Isla. Dan filwaqt li fil-Birgu qed jiġu mpoġġija żewġ pontijiet ġodda taħt Sant’Anġlu, b’wieħed minnhom huwa t’aċċess biss għan-nies bil-mixi biex ikun hemm passaġġ sigur f’waħda mill-aktar partijiet storiċi tal-post. Fil-Kalkara mbagħad għaddej proġett mill-isbaħ li se jkompli jagħti l-ħajja lill-qalba tal-post fejn se terġa’ tinħoloq pjazza miftuħa quddiem il-Knisja parrokkjali, li wkoll tkun għall-komunità.

“Ir-riġenerazzjoni li rajt hija wkoll il-preservazzjoni tal-karatteristiċi tal-Kottonera,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ fost oħrajn lir-rappreżentanti tal-għaqdiet u lis-Sindki u lill-Kunsilliera fil-Kottonera, li kienu għand il-Kapuċċini f’binja li wkoll rat restawr li għaddej u riesaq lejn tmiemu. Dr Abela nnota kif kull komunità ħaqqha l-aqwa kwalità tal-ħajja u servizzi tajbin u hawn irrimarka għal dak li żar il-Ġimgħa, jiġifieri ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Bormla, li fl-aħħar xhur beda jagħti servizz favur l-anzjanità attiva. Dwar Bormla, il-Prim Ministru rrimarka wkoll li qed naraw proġett tal-ogħla livell b’dar tal-anzjani li toffri servizz ta’ kwalità f’binja sabiħa.

Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar ukoll il-kontribut tal-għaqdiet fil-ħajja tal-komunità, fejn innota x-xogħol li qed isir bil-għajnuna tal-Gvern biex fost oħrajn il-Klabb tar-Regatta tal-Birgu jkollu post aħjar li jgħinu fl-operat tiegħu. Dr Abela semma l-irwol ċentrali li għandhom il-Kunsilli Lokali li jistgħu jwettqu l-aspirazzjonijiet tar-residenti. Dan b’deċiżjonijiet importanti. “Neħtieġu l-esperjenza tagħkom il-Kunsilli Lokali għax intom tafu wkoll il-komunitajiet bl-aħjar mod,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela hu u jtenni l-impenn ta’ Gvern li se jibqa’ ta’ spalla u jinvesti fil-komunitajiet.