Month: January 2023

PR230160

Il-Prim Ministru Robert Abela ddiskuta r-riformi li l-gvern qed iwettaq u għandu maħsuba fl-oqsma tal-ġustizzja u t-tisħiħ tas-sigurtà ma numru ta’ studenti attivi f’għaqdiet studenteski.

Kien il-prim ministru li stieden rappreżentanti minn dawn l-għaqdiet fil-Berġa ta’ Kastilja biex jisma’ wkoll mingħandhom proposti li għandhom għal dawn iż-żewġ setturi importanti.

Filwaqt li elenka bidliet importanti li saru fl-aħħar snin, il-prim ministru fisser kif il-gvern għandu maħsuba iktar bidliet anke bbażati fuq dak propost fil-manifest elettorali.

Filwaqt li pajjiżna jibqa’ wieħed mill-iktar siguri, u li r-rata ta’ kriminalità, hekk kif ikkonfermat minn studji ta’ akkademiċi, baqgħet waħda taħt kontroll, is-soċjetà trid tibgħat il-ħin kollu messaġġ ċar favur imġieba xierqa.

Fil-laqgħa rriżulta wkoll kif għadd ta’ proposti tal-istudenti għaddejja wkoll ħidma dwarhom.

Filwaqt li sema’ mingħandhom, il-prim ministru appella lill-istudenti biex jibqgħu attivi f’din id-diskussjoni u oħrajn, hekk kif il-gvern hu determinat li jibqa’ jmexxi ‘l quddiem aġenda riformista li ma tikkuntentax bl-istatus quo jew b’dak li ksibna sal-lum.

Fil-fatt, irrefera għall-isfida li wieħed isib meta jipprova jbiddel anke ċerti prattiċi, inkluż fil-qrati, u qal li minkejja dan, wieħed irid ikollu l-kuraġġ li jidħol għall-bidla.

Il-prim ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa ta’ korteżija mill-Fondazzjoni Nippon immexxija miċ-Chairman Dr Yohei Sasakawa. 

Imwaqqfa fil-Ġappun aktar minn sittin sena ilu, din il-fondazzjoni tmexxi ’l quddiem inizjattivi soċjali favur is-sigurtà tal-ikel, l-edukazzjoni u s-saħħa u titkellem b’mod attiv fuq kwistjonijiet marbuta mal-ambjent marittimu. Fil-fatt il-Fondazzjoni Nippon taħdem ħafna mill-qrib mal-International Maritime Organisation (IMO), aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-Fondazzjoni Nippon għall-kollaborazzjoni sħiħa mal-IMO, li taħt l-awspiċi tagħha jaħdem l-International Maritime Law Institute (IMLI), li għandu ċentru f’pajjiżna. Il-Prim Ministru rrikonoxxa interessi komuni li għandha Malta u din il-fondazzjoni Ġappuniża fosthom l-ekonomija blu. Fil-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia u s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, Godwin Mifsud.

PR230134

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li, fl-aħħar jiem, il-Kabinett approva żewġ skemi maħsuba biex jgħinu n-negozji jagħmlu l-qalba lejn ir-rinovabbli u s-sostenibbiltà. F’indirizz li għamel waqt it-tnedija ta’ programm ta’ ċelebrazzjonijiet li jimmarkaw il-175 anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru spjega wkoll li din is-sena rridu ntellqu proposta leġiżlattiva għal dritt bażiku ta’ kont tal-bank għas-self employed u n-negozji kif imwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.​

Dr Abela spjega li miexi x-xogħol fuq sistema li tiffaċilita l-proċessi ta’ due diligence filwaqt li dawn jibqgħu robusti u b’saħħithom. “Qed naraw li jkollna riżultati konkreti bbażati fuq konsultazzjoni magħkom u msieħba oħra,” spjega l-Prim Ministru f’dan ir-rigward filwaqt li rrimarka li llum pajjiżna għandu ċertifikati ta’ ġurisdizzjoni serja u b’saħħitha u dawn il-fatti rridu nisfruttawhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-Kamra tal-Kummerċ bħala sieħeb strateġiku importanti hekk kif membri tal-Kamra jersqu ‘l quddiem b’ideat u proposti li jinbtu frott l-aspirazzjonijiet intraprenditorjali iżda li jkunu wkoll ta’ fejda għal pajjiżna. Il-Prim Ministru Robert Abela ta s-serħan il-moħħ li l-Gvern se jibqa’ jkun spalla u jagħti ċ-ċertezza u l-istabbiltà biex f’pajjiżna jibqa’ jkollna l-aqwa ambjent li fih jibqgħu jikbru n-negozji u s-settur tax-xogħol ikompli jissaħħaħ. Il-Prim Ministru qal li dan isir fi żmien ta’ prijoritajiet ġodda li għandu l-pajjiż fosthom l-ambjent u l-qalba diġitali. Hawn irrefera għall-pjan li tnieda fl-aħħar jiem b’rabta mal-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li kisbet Malta, li jiżboq iż-żewġ biljun ewro.

Il-Prim Ministru qal li l-prosperità l-ġdida li bħala Gvern irid jibqa’ jiggarantixxi tiddependi wkoll minn kemm se jirnexxielna nagħmlu qabżiet ġodda, fosthom li l-ekonomija tagħna ssir waħda climate neutral u ssir aktar diġitali. Dr Abela spjega li l-Gvern se jibqa’ jinvesti fosthom fl-infrastruttura diġitali u fis-settur edukattiv filwaqt li jkompli jaqta’ l-burokrazija biex ikompli jiġi faċilitat l-investiment u l-kummerċ. Il-Prim Ministru qal li skrutinji minn istituzzjonijiet indipendenti lkoll ikkonfermaw li pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha u nistgħu nħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu għax għandna preżent b’saħħtu.

Il-Prim Ministru awgura lill-Kamra tal-Kummerċ li dalwaqt ukoll se tgħaddi minn proċess ta’ għażla ta’ tmexxija ġdida u sostna li jħares ‘il quddiem li bħala sħab jibqa’ jkollna interess komuni favur Għawdex u Malta.

PR230118

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-lukanda Grands Suites Hotel fil-qalba tal-Gżira wara investiment massiċċ ta’ €45 miljun.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministu Robert Abela kellu l-opportunità jiltaqa’ mat-tmexxija tal-kumpanija u diversi ħaddiema li għażlu karriera fil-qasam tal-ospitalità. Dr Abela nnota wkoll il-fiduċja qawwija li għandu l-imprenditur Malti f’pajjiżna permezz tar-reżiljenza li kompla juri f’ċirkostanzi internazzjonali li ġabu magħhom sfidi kbar.

Dan il-kuntest ta’ fiduċja f’pajjiżna kompla jiġi kkonfermat permezz ta’ ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li wrew is-sens qawwi ta’ ottimiżmu għaż-żmien li ġej. Fil-fatt, bejn Jannar u Novembru tal-2022 in-numri ta’ turisti li żaru pajjiżna kien dak ta’ madwar 2.2 miljun turist; qrib ħafna dak tal-2019 fejn kienet meqjusa bħala sena rekord fit-turiżmu.

Id-Direttur Maniġerjali tal-lukanda, is-Sur Marvin Spiteri, irreċiproka din l-istess fiduċja f’pajjiżna billi wera l-apprezzament tiegħu tal-appoġġ li rċieva kontinwament mill-awtoritajiet kollha kkonċernati biex dan il-proġett seta’ jitlesta u jkun ta’ suċċess.

“Kburin ħafna bit-tlestija ta’ dan il-proġett b’investiment ta’ €45 miljun. Issa ninsabu ħerqana li noffru prodott turistiku ta’ kwalità f’pajjiżna lil kull min jagħżel li jżur il-ġmiel li għandu x’joffri pajjiżna”, stqarr is-Sur Spiteri.

Il-ħsieb wara din il-lukanda mgħammra b’231 kamra kien li toffri ospitalità differenti bil-għan li t-turisti li jagħżlu din l-akkomodazzjoni jagħmlu użu mis-servizzi ta’ kwalità li toffri Grands Suites Hotel. Kull kamra għandha l-faċilità ta’ kċina u f’kull sular hemm is-servizz ta’ ħasil bħallikieku r-resident qiegħed jgħix f’daru xorta waħda.

Preżenti matul iż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

PR230104

Fl-MFCC f’Ta’ Qali saret it-tnedija tal-programmi operattivi tal-fondi Ewropej għal Malta għas-snin 2021-2027. F’indirizz li għamel waqt it-tnedija, il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif din l-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej għal Malta miksuba wara negozjati intensivi se tbiddel lil Malta b’mod tanġibbli għad-deċennju li ġej, permezz ta’ aktar investiment fin-nies.

“Se nibnu fuq l-istabbiltà ekonomika ta’ pajjiżna u s-suċċessi li ksibna fl-aħħar snin. Dan se nkunu nistgħu nagħmluh anke bl-użu tal-akbar allokazzjoni finanzjarja ta’ fondi Ewropej sa minn meta sirna stati membri tal-Unjoni Ewropea”, qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jinnota sfidi li kellha Malta biex tikseb aktar fondi fi sfond ta’ avvanzi ekonomiċi li kienet għamlet fl-aħħar snin. Dr Abela saħaq li permezz tal-fondi ta’ koeżjoni qed naraw li l-ekonomija tagħna tkun iżjed kompetittiva u sostenibbli filwaqt li naċċelleraw il-qalbiet diġitali u ħodor.

Hawn semma diversi oqsma oħra apparti dawk diġitali u ambjentali, fosthom irrimarka għal iżjed investiment minn fondi Ewropej f’Għawdex, fir-reżiljenza tas-saħħa pubblika u fis-saħħa mentali, fl-edukazzjoni permezz ta’ investiment f’dak vokazzjonali fost oħrajn kif ukoll fit-titjib tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna u fil-biedja u sajd. Dwar l-ambjent fisser kif bħala pajjiż se ninvestu l-finanzjament Ewropew f’siti Natura 2000, f’aktar parks u ġonna għall-familji, fl-immaniġjar tal-ilma u f’miżuri li jagħtuna aktar arja nadifa fosthom ix-shore-to-ship u interconnector ġdid.

Il-prim ministru qal li l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej flimkien mal-investiment kollu li bħala pajjiż qed nagħmlu fin-nies se jarana nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u tal-Maltin kif ukoll immexxu ‘l quddiem il-viżjoni li għandna fit-tul billi nkomplu ninċentivaw in-negozju b’investimenti fis-settur diġitali.

Fl-istess tnedija tkellem il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri fejn qal li bil-pakkett ta’ fondi Ewropej, huwa fundamentali biex flimkien mal-pjan tal-gvern, inkomplu nibnu ekonomija b’saħħitha għall-futur. “B’dawn il-fondi se nkomplu ngħinu fost oħrajn lin-negozji, żgħar u medji jinvestu fi proġetti innovattivi biex itejbu l-prodott jew servizz tagħhom u jassiguraw sostenibbiltà. Se nkomplu naraw li jkollna Malta b’kuxjenza ambjentali u nibqgħu nsebbħu l-patrimonju u l-ambjent storiku tagħna. Mill-qasam soċjali se nkunu qed nużaw dawn il-fondi biex naraw li kull persuna f’pajjiżna jkollu l-opportunitajiet li jirnexxi u se ninvestu fi proġetti infrastrutturali kbar, li se jkomplu jbiddlu għall-aħjar lil pajjiżna”, qal il-Ministru Schembri.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira sostniet li hu ta’ pjaċir għaliha li tinsab f’Malta tiċċelebra il-ġenerazzjoni ġdida ta’ investimenti ta’ koeżjoni, li huma sinjali b’saħħithom tal-appoġġ u s-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea. “Dan il-finanzjament se jgħin lil Malta u lill-poplu Malti jibni ekonomija moderna, li tkun waħda ħadra u effiċjenti fl-enerġija, innovattiva u kompettitiva u li ma tħalli l-ebda persuna taqa’ lura”, irrimarkat il-Kummissarju Ewropew hi u tispjega wkoll li flimkien, il-gvernijiet tal-pajjiż, l-istakeholders u l-Kummissjoni Ewropea, fassalna prijoritajiet ta’ investiment u flimkien se nagħmluhom jaħdmu għall-futur ta’ Malta u tal-Ewropa.

Dan filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett spjega li bl-għajnuna tal-fondi Ewropej il-pajjiż biddilnih u se nkomplu nimmodernizzawh. Żied li aktar minn qatt qabel il-pubbliku Malti ser ikollu aktar aċċess għall-fondi allokati għalih sabiex jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu. “Aħna konvinti li l-wegħda tagħna li nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji tagħna b’dawn il-fondi ser tkompli ssir realtà. Se nagħmluha billi fis-seba’ snin li ġejjin aktar minn qatt qabel nagħtu lin-nies aċċess għall-fondi Ewropej biex dawn ikunu iktar qrib tan-nies”, qal Chris Bonett.

Qabel it-tnedija tal-programmi operattivi tal-fondi Ewropej, fil-Berġa ta’ Kastilja saret laqgħa bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira.