Jitniedu l-programmi operattivi tal-fondi Ewropej allokati għal Malta għas-snin 2021-2027 li jaqbżu €2 biljun

PR230104

23/01/2023

Fl-MFCC f’Ta’ Qali saret it-tnedija tal-programmi operattivi tal-fondi Ewropej għal Malta għas-snin 2021-2027. F’indirizz li għamel waqt it-tnedija, il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif din l-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej għal Malta miksuba wara negozjati intensivi se tbiddel lil Malta b’mod tanġibbli għad-deċennju li ġej, permezz ta’ aktar investiment fin-nies.

“Se nibnu fuq l-istabbiltà ekonomika ta’ pajjiżna u s-suċċessi li ksibna fl-aħħar snin. Dan se nkunu nistgħu nagħmluh anke bl-użu tal-akbar allokazzjoni finanzjarja ta’ fondi Ewropej sa minn meta sirna stati membri tal-Unjoni Ewropea”, qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jinnota sfidi li kellha Malta biex tikseb aktar fondi fi sfond ta’ avvanzi ekonomiċi li kienet għamlet fl-aħħar snin. Dr Abela saħaq li permezz tal-fondi ta’ koeżjoni qed naraw li l-ekonomija tagħna tkun iżjed kompetittiva u sostenibbli filwaqt li naċċelleraw il-qalbiet diġitali u ħodor.

Hawn semma diversi oqsma oħra apparti dawk diġitali u ambjentali, fosthom irrimarka għal iżjed investiment minn fondi Ewropej f’Għawdex, fir-reżiljenza tas-saħħa pubblika u fis-saħħa mentali, fl-edukazzjoni permezz ta’ investiment f’dak vokazzjonali fost oħrajn kif ukoll fit-titjib tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna u fil-biedja u sajd. Dwar l-ambjent fisser kif bħala pajjiż se ninvestu l-finanzjament Ewropew f’siti Natura 2000, f’aktar parks u ġonna għall-familji, fl-immaniġjar tal-ilma u f’miżuri li jagħtuna aktar arja nadifa fosthom ix-shore-to-ship u interconnector ġdid.

Il-prim ministru qal li l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej flimkien mal-investiment kollu li bħala pajjiż qed nagħmlu fin-nies se jarana nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u tal-Maltin kif ukoll immexxu ‘l quddiem il-viżjoni li għandna fit-tul billi nkomplu ninċentivaw in-negozju b’investimenti fis-settur diġitali.

Fl-istess tnedija tkellem il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri fejn qal li bil-pakkett ta’ fondi Ewropej, huwa fundamentali biex flimkien mal-pjan tal-gvern, inkomplu nibnu ekonomija b’saħħitha għall-futur. “B’dawn il-fondi se nkomplu ngħinu fost oħrajn lin-negozji, żgħar u medji jinvestu fi proġetti innovattivi biex itejbu l-prodott jew servizz tagħhom u jassiguraw sostenibbiltà. Se nkomplu naraw li jkollna Malta b’kuxjenza ambjentali u nibqgħu nsebbħu l-patrimonju u l-ambjent storiku tagħna. Mill-qasam soċjali se nkunu qed nużaw dawn il-fondi biex naraw li kull persuna f’pajjiżna jkollu l-opportunitajiet li jirnexxi u se ninvestu fi proġetti infrastrutturali kbar, li se jkomplu jbiddlu għall-aħjar lil pajjiżna”, qal il-Ministru Schembri.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira sostniet li hu ta’ pjaċir għaliha li tinsab f’Malta tiċċelebra il-ġenerazzjoni ġdida ta’ investimenti ta’ koeżjoni, li huma sinjali b’saħħithom tal-appoġġ u s-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea. “Dan il-finanzjament se jgħin lil Malta u lill-poplu Malti jibni ekonomija moderna, li tkun waħda ħadra u effiċjenti fl-enerġija, innovattiva u kompettitiva u li ma tħalli l-ebda persuna taqa’ lura”, irrimarkat il-Kummissarju Ewropew hi u tispjega wkoll li flimkien, il-gvernijiet tal-pajjiż, l-istakeholders u l-Kummissjoni Ewropea, fassalna prijoritajiet ta’ investiment u flimkien se nagħmluhom jaħdmu għall-futur ta’ Malta u tal-Ewropa.

Dan filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett spjega li bl-għajnuna tal-fondi Ewropej il-pajjiż biddilnih u se nkomplu nimmodernizzawh. Żied li aktar minn qatt qabel il-pubbliku Malti ser ikollu aktar aċċess għall-fondi allokati għalih sabiex jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu. “Aħna konvinti li l-wegħda tagħna li nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji tagħna b’dawn il-fondi ser tkompli ssir realtà. Se nagħmluha billi fis-seba’ snin li ġejjin aktar minn qatt qabel nagħtu lin-nies aċċess għall-fondi Ewropej biex dawn ikunu iktar qrib tan-nies”, qal Chris Bonett.

Qabel it-tnedija tal-programmi operattivi tal-fondi Ewropej, fil-Berġa ta’ Kastilja saret laqgħa bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira.

FacebookTwitter
Skip to content