Month: July 2023

PR231199

Il-Prim Ministru Robert Abela żar l-investiment estensiv li qed isir fl-iskola primarja tar-Rabat u fis-sekondarja ta’ Santa Luċija. Dan biex dawn l-iskejjel ikollhom faċilitajiet ġodda li jgawdu minnhom l-istudenti. Dawn huma biss tnejn mill-ħafna inizjattivi ta’ investiment fl-infrastruttura edukattiva, f’Malta u f’Għawdex.

L-investiment fl-iskola tar-Rabat se jkun qed jissarraf fi skola tal-ogħla livell li se tagħmilha possibbli biex tibda topera minn binja waħda mgħammra b’dak kollu meħtieġ, minflok minn żewġ binjiet differenti kif kienet qed topera sa riċentament.

Waqt iż-żjara f’din l-iskola li tifforma parti mill-Kulleġġ San Nikola, il-prim ministru ntwera x-xogħol li għaddej fl-iskola mit-tmexxija tal-Fondazzjoni tal-Iskejjel ta’ Għada (FTS) u ġie spjegat li l-għan tal-proġett hu li din l-iskola toffri spazju edukattiv modern, aċċessibbli u komdu għat-tfal u għall-edukaturi.

Din l-iskola se takkomoda madwar 400 tifel u tifla u se jkollha 33 klassi li se jkunu mgħammra wkoll għal suġġetti speċifiċi bħall-arti u l-mużika, filwaqt li għaxar klassijiet se jkunu għal-livell ta’ kindergarten.

Permezz ta’ dan l-investiment, l-istudenti se jkollhom gym fuq ġewwa, spazji rikreattivi fuq barra, multi-sensory room kif ukoll kċina industrijali. Il-proġett jinkludi wkoll spazju fejn jieklu t-tfal li jattendu għallBreakfast Club. Din hi wkoll binja li fuqha qed jiġu implimentati miżuri effiċjenti fl-enerġija.

Dan il-proġett qed isir b’investiment kapitali ta’ madwar €3.5 miljun, u l-iskola se tkun qed tilqa’ l-ewwel tfal f’Settembru ta’ din is-sena.

Il-prim ministru kompla ż-żjara tiegħu fl-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija, li tifforma parti mill-Kulleġġ San Tumas More. Din l-iskola fetħet il-bibien tagħha fis-snin disgħin, u ma kinitx tinkludi sala. Dan ifisser li l-istudenti u l-edukaturi kellhom jagħmlu użu minn swali barra l-kumpless tal-iskola għal attivitajiet diversi. Iżda bl-investiment li qed jagħmel il-gvern, din l-iskola issa se jkollha sala li se tintuża bħala teatru u għal użu differenti ieħor bil-għan li l-istudenti jkomplu jimirħu u jsaħħu t-tagħlim edukattiv tagħhom minn kull aspett; inkluża l-formazzjoni tal-karattru tagħhom.

Wara li żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq din is-sala, il-prim ministru żar ukoll kumpless sportiv ġdid li qed jinbena biswit din is-sala; kumpless għal diversi dixxiplini sportivi u li x-xogħlijiet fuqu jinsabu fl-istadji finali. Il-kumpless jinkludi wkoll roof garden, li se jfisser aktar spazju rikreattiv għall-istudenti u għall-komunità hekk kif dawn il-faċilitajiet għandhom daħliet separati mill-iskola sabiex ikunu jistgħu jintużaw anke barra l-ħin tal-iskola.

Dawn il-proġetti qed isiru b’investiment kapitali ta’ madwar €4.6 miljun.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan l-investiment fit-tfal tagħna mhux biss jiggarantixxi suċċess għalihom, iżda wkoll għas-soċjetà u għal pajjiżna. Dawn il-proġetti, spjega li se joffru l-aqwa spazju lill-istudenti biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. L-iskejjel huma t-tieni dar tat-tfal u tal-edukaturi u, għalhekk, tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jwettaq aktar investimenti bħal dawn biex inkomplu nsaħħu u ntejbu l-ambjent edukattiv għal uliedna.

Il-Prim Ministru Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima. Fiż-żewġ lokalitajiet attendew ukoll is-sindki rispettivi, is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, u s-Sindku ta’ Santa Luċija, Charmaine St John. ​

PR231191

Fil-Berġa ta’ Kastilja, fejn laqa’ lill-imsieħba soċjali f’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar l-irduppjar immedjat tal-investiment fuq is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. “Pajjiżna għandu pjan li joħroġ minn miżuri fil-manifest ‘Malta Flimkien’ dwar it-tisħiħ tad-distribuzzjoni elettrika,” qal Dr Abela hu u jispjega li pajjiżna diġà qed jimplimenta il-pjan b’investiment ta €15-il miljun fuq it-titjib fis-sistema tad-distribuzzjoni iżda r-realtajiet tal-isfida klimatika juru biċ-ċar li dak li jista’ jsir qabel, għandu isir qabel u għalhekk is-sena d-dieħla, il-pajjiż se jinvesti €30 miljun f’dan ir-rigward.

Fl-indirizz tiegħu fil-bidu tal-laqgħa tal-MCESD, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li bħala pajjiż, fuq parir tat-tekniċi tal-Enemalta, irridu nlestu ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda u nkabbru oħrajn ħalli jkollna iżjed substations ġodda u jiżdiedu kilometri ta’ cables favur sistema iktar robusta. Il-Prim Ministru żied jispjega li twettaq eżerċizzju fejn ġew direzzjonati €40 miljun f’fondi Ewropej oħra mill-Fond ta’ Aġġustament tal-BREXIT lejn il-Pjan ta’ Rkupru, b’kapitlu speċifiku magħruf bħala RePower EU. Qal li l-Pjan imressaq mill-Gvern Malti kien diġà meqjus bħala l-aktar wieħed ambjentalment b’saħħtu mill-Unjoni Ewropea u wara l-approvazzjoni tiegħu, issa tela’ għal kważi €330 miljun, li jfisser €70 miljun aktar ta’ fondi li bihom se jkomplu jiġu implimentati riformi importanti fil-qasam tal-enerġija.

Hawn semma azzjonijiet konkreti li jilqgħu għat-tibdil fil-klima, fosthom investiment ta’ enerġija rinnovabbli fuq binjiet bi żminijiet iqsar biex dawn isiru, investiment b’saħħtu fil-grid elettriku li jkun lest jilqa’ fih anki l-enerġija rinnovabbli u anki pjanijiet ta’ sostenn għal min jagħmel xogħlijiet biex iżid l-effiċjenza fl-użu ta’ enerġija. Dan tal-aħħar ikun jgħodd għall-binjiet pubbliċi iżda anki privati bħal skejjel u uffiċini.

Il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li t-tranżizzjoni ekonomika li qed jimbotta l-Gvern trid tkun ukoll kontributur ewlieni biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-lum u ta’ għada fosthom dak marbut mat-tibdil fil-klima. “Hija tranżizzjoni li trid tkun ibbażata fuq il-kwalità, li tgħix fir-rispett ta’ xulxin f’soċjetà fejn ir-rispett jintrabat mad-dixxiplina”, saħaq il-Prim Ministru hu u jirrimarka li rridu nfittxu dejjem li nilħqu livelli ogħla. F’dan il-kuntest semma wkoll inizjattivi li ttieħdu biex jiġu regolati setturi li baqgħu qatt ma ġew regolati fosthom bir-riforma tal-liċenzjar tal-kuntratturi implimentata u riforma oħra mnedija fl-aħħar jiem għal-liċenzjar tal-bennej.

Il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna fuq il-kollettiv għaliex flimkien nistgħu nwettqu bidliet li jaqdu l-aspirazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Qal li l-Gvern kien u se jibqa’ sensittiv għall-ħtiġijiet tan-nies u n-negozji u fisser kif qed issir riċerka biex titfassal l-iskema għal kumpens lil dawk milquta mill-qtugħ tal-provvista tal-elettriku f’ċirkostanzi straordinarji kkawżati mill-bidla klimatika.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li qabbad lis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana biex ifassal protokoll għal meta l-pajjiż jaffaċċja pressjonijiet ta’ effetti klimatiċi bħal dawk li laqtuna fl-aħħar jiem. Qal kif dan il-protokoll se jistabilixxi b’mod iktar ċar mekkaniżmi li jilqa’ għalihom il-pajjiż b’mod aktar effettiv. Spjega wkoll li se titwaqqaf Awtorità ffukata kontra t-tibdil fil-klima. Dwar din l-Awtorità, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli sostniet li fl-aħħar xhur kienet bdiet ħidma fuq it-twaqqif ta’ Awtorità apposta għal azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. Qalet li fix-xhur li ġejjin se jitressaq Abbozz fil-Parlament għat-twaqqif ta’ Awtorità li l-għan prinċipali tagħha se jkun li jsir monitoraġġ ċentrali tal-impatt tal-attivitajiet differenti fuq it-tibdil fil-klima filwaqt li tiġbor flimkien l-azzjonijiet konkreti li l-pajjiż hemm bżonn jieħu. Dwar dan, il-Ministru Dalli qalet li l-MCESD għandu rwol aktar importanti x’jikkontribwixxi.

Għal-laqgħa tal-MCESD attenndew ukoll il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

PR231177

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qiegħed jippubblika l-procès-verbal dwar l-inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Inkwirenti Dr Marse-Ann Farrugia dwar l-inċident fatali li seħħ f’Kordin nhar it-3 ta’ Diċembru 2022.

Il-procès-verbal hekk kif mgħoddi lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mill-Avukat Ġenerali, qed ikun ippubblikat. It-talba lill-Avukat Ġenerali saret f’ittra tal-21 ta’ Lulju 2023, li wkoll kienet ippubblikata.

B’hekk il-Prim Ministru qed iżomm mal-impenn li ta pubblikament li ladarba tasal għandu din l-inkjesta tkun ippubblikata, f’att ta’ trasparenza. 

L-istess impenn ta’ trasparenza se jkun rifless ukoll fil-proċeduri marbuta mal-inkjesta amministrattiva hekk kif il-Gvern hu impenjat li tkun magħrufa l-verità kollha.

PR231161

F’konferenza internazzjonali li tlaqqgħet f’Ruma dwar l-iżvilupp u l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna favur ħidma bejn pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u dawk li huma d-destinazzjoni fl-immigrazzjoni. Dan biex naslu f’punt fejn, bi żviluppi ekonomiċi sostenibbli, il-kwistjoni tal-immigrazzjoni tkun amministrata aħjar. Matul il-jum tal-Ħadd, f’Palazzo della Farnesina, tlaqqgħet il-konferenza bejn mexxejja ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, tal-Afrika, pajjiżi oħra fil-Mediterran u dawk fil-Golf Għarbi. Dan flimkien ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet internazzjonali u mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li rridu nħarsu lejn l-Afrika bħala sieħeb ugwali għall-Ewropa f’koperazzjoni ekonomika bbażata fuq rispett. Dr Abela rrefera għall-inizjattiva tal-Gvern Taljan u faħħar l-inizjattiva tal-Prim Ministru Giorgia Meloni li tlaqqa’ konferenza li ttella’ fuq l-aġenda l-koperazzjoni ekonomika ma’ pajjiżi oħra lil hinn mill-kontinent Ewropew, fosthom ma’ pajjiżi Afrikani. Dr Abela qal li dan kollu huwa konformi wkoll mal-pożizzjoni konsistenti li ilha timbotta Malta fuq l-immigrazzjoni. 

Il-Prim Ministru Malti rrimarka li jrid jibqa’ jkun hemm messaġġ ċar kollettiv kontra t-traffikar tal-bnedmin quddiem realtajiet koroh li kellna fil-Mediterran fejn nies vulnerabbli tilfu ħajjithom. “Dan huwa obbligu morali tagħna lkoll”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela hu u jindirizza lill-Mexxejja l-oħra fl-ewwel sessjoni tal-konferenza. Sostna wkoll li r-ripatrijazzjoni ta’ persuni li ma ħaqqhomx l-ażil trid issir b’mod effikaċi u sigur.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li l-qalba ambjentali torbot mal-koperazzjoni ekonomika bejn pajjiżi differenti u din trid issir bi sħab mas-settur privat li huwa sieħeb strateġiku fit-tranżizzjoni ekonomika li għandha ssir biex jinħolqu aktar opportunitajiet u impjiegi ta’ kwalità li jgħinu lil kulħadd, inkluż il-prospetti ta’ ċittadini f’pajjiżhom stess, li llum iħarsu lejn l-immigrazzjoni irregolari bħala l-uniku triq. “Ma jkun hemm l-ebda żvilupp għall-aħjar mingħajr paċi u sigurtà u l-paċi u s-sigurtà ma tasalx jekk ma jkunx hemm żvilupp ta’ kwalità”, saħaq il-Prim Ministru.

Dr Abela rrimarka għall-miri ta’ żvilupp sostenibbli tal-2030 addottati min-Nazzjonijiet Uniti u qal li l-pandemija li laqtet lid-dinja riċentament ma għandhiex ixxekkel l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miri fuq sfida akbar, dik tat-tibdil fil-klima. Qal li r-realtà hi li pajjiżi li kkontribwixxew l-inqas għat-tisħin globali huma fost l-aktar milquta b’mod negattiv mit-tibdil fil-klima iżda saħaq li kif pajjiżi minn kontinenti differenti għarfu li jaħdmu flimkien fil-Valletta Summit tal-2015, hekk ukoll irridu nkunu ponn wieħed fejn bi djalogu miftuħ naħdmu favur l-indirizzar bis-serjetà tal-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Fi tmiem il-konferenza, il-mexxejja qablu fuq numru ta’ konklużjonijiet fosthom dwar it-twaqqif tal-‘Proċess ta’ Ruma’, qafas importanti għall-implimentazzjoni ta’ ħidma kollettiva favur stabbiltà u żvilupp ekonomiku filwaqt li tkun indirizzata l-kwistjoni tal-immigrazzjoni mill-għeruq. Dan apparti l-implimentazzjoni tal-obbligi dikjarati fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Jakkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela kien hemm ukoll id-Deputat tal-Gvern Cressida Galea.

Fil-marġni tal-konferenza internazzjonali dwar l-iżvilupp u l-immigrazzjoni li tlaqqgħet f’Ruma, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħat bilaterali mal-Prim Ministru Libjan, Abdul Hamid Dbeibah, u mal-Prim Ministru tal-Etjopja, Abiy Ahmed.

Mal-mexxej Libjan, il-Prim Ministru Abela tkellem dwar l-aħħar ftehim iffirmat bejn Malta u l-Libja li jwitti t-triq dwar interkonnessjoni għall-provvista ta’ enerġija rinnovabbli. Innota li issa hija importanti l-fażi ta’ diskussjonijiet tekniċi biex issir l-implimentazzjoni.

Mal-prim ministru Etjopjan, Dr Abela qal li jħares ’il quddiem għall-implimentazzjoni ta’ dak diskuss f’laqgħa li Abiy Ahmed kellu f’pajjiżna fix-xhur li għaddew. Issemma l-ftehim tal-avjazzjoni ffirmat bejn iż-żewġ pajjiżi wara t-taħditiet f’Malta.