Month: August 2022

PR221116

Matul żjara li l-Prim Ministru tal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali Libjan Abdul Hamid Dbeibah għamel f’pajjiżna l-Erbgħa waranofsinhar, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-paċi u l-istabbiltà dinjija huma kruċjali meta bħalissa teżisti klima internazzjonali bi sfidi kbar li qed tinbidel kontinwament. “L-isfidi ġejjin mit-tibdil fil-klima, l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel qed iħallu l-konsegwenzi tagħhom u l-ogħla prezz qed iħallsuh in-nies”, qal il-Prim Ministru Abela.

Minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, Malta mhux se tkun indifferenti, tenna l-Prim Ministru. “Se nkomplu nitkellmu favur il-paċi u d-djalogu biex il-kunflitti jissolvew b’mod paċifiku”, qal Dr Abela. Dwar il-każ tal-Libja, li fl-aħħar jiem reġgħet esperjenzat ġlied kawża ta’ kunflitti politiċi, il-Prim Ministru qal li huwa konxju li dawn iċ-ċirkostanzi huma ta’ sfida. Iżda esprima l-fehma tiegħu li l-futur tal-poplu Libjan u s-soluzzjonijiet li għandhom jinstabu, jista’ jsibhom il-poplu Libjan innifsu, mingħajr ebda influwenza esterna.

Saħaq li Malta tibqa’ sieħeb strateġiku tal-Libja. Kemm permezz tal-istorja bejn iż-żewġ pajjiżi, il-pożizzjoni ġeografika kif ukoll ir-relazzjonijet tajbin bejn iż-żewġ popli. Qal li l-Libja se tkompli ssib lil Malta timbotta ‘l quddiem il-kawża tal-Libja hekk kif Malta se tpoġġi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Matul il-laqgħat li kellhom, iż-żewġ delegazzjonijiet identifikaw oqsma komuni għaż-żewġ pajjiżi li fuqhom tista’ ssir iktar kollaborazzjoni. Ewlenin fosthom il-politika dwar it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-edukazzjoni u s-saħħa, fost l-oħrajn. Dawn il-koperazzjonijiet bilaterali jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet tajbin li dejjem kellhom iż-żewġ pajjiżi.

Preżenti għal-laqgħat bilaterali għan-naħa tal-Gvern Malti kien hemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministri Ian Borg, Silvio Schembri, Byron Camilleri, Miriam Dalli u Clyde Caruana.

PR221101

Il-Prim Ministru żar il-Valletta Cruise Port fejn iltaqa’ mat-tmexxija u l-ħaddiema fil-Port il-Kbir.

Il-Valletta Cruise Port jaħdem f’żona ta’ 48,000m2 li jinkludi wkoll dsatax-il maħżen ta’ żmien is-seklu 18 u li ġew rinovati u minnhom jiġi amministrat il-port.

L-industrija tal-cruiseliners tħalli ’l fuq minn €80 miljun fis-sena, bi ftit inqas minn nofs din iċ-ċifra hija nefqa diretta mill-passiġġiera tal-cruiseliners.

Illum il-ġurnata, il-Port il-Kbir mhuwiex biss port fejn fih jinżlu l-passiġiera imma huwa port ewlieni fejn fih għadd ta’ turisti jibdew u jispiċċaw btala minnu.

Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela fisser ħidmet il-ħaddiema tal-Valletta Cruise Port bħala waħda importanti f’dan iż-żmien ta’ rkupru anki fil-qasam turistiku.

Fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port Stephen Xuereb, il-Prim Ministru nnota l-ottimiżmu matul dan is-sajf fost l-operaturi turistiċi wara li wrew reżiljenza liema bħalha waqt pandemija.

Spjega kif pajjiżna issa qed jesperjenza ċifri li jqarrbu ferm lejn dawk ta’ qabel il-pandemija u rrimarka għall-fatt li pajjiżna qed jindirizza l-isfida tal-istaġjonalità hekk kif Malta hi meqjusa t-tieni l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li tiġbed lejha turisti matul is-sena kollha.

Hawnhekk, is-Sur Xuereb sostna li din is-sena l-Valletta Cruise Port qed jistma li jilqa’ man-nofs miljun passiġġier u s-sena d-dieħla wieħed qed jara moviment akbar ta’ passiġġiera.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-fiduċja minn dawk involuti fil-qasam turistiku twassalna biex ninvestu iżjed u ninċentivaw prijoritajiet ġodda fis-settur.

Hawn semma wkoll il-proġett tax-shore to ship, proġett ambjentali li se jfisser li t-tniġġis fl-arja li jikkawżaw il-bastimenti sorġuti fil-Port il-Kbir se jonqos b’90%.

Stephen Xuereb innota kif il-pandemija ġabet sfidi kbar lill-industrija tal-cruiseliners iżda Valletta Cruise Port jemmen bi sħiħ fil-futur tal-industrija u għalhekk qed jikkontribwixxi wkoll fi proġett ta’ arja nadifa fil-Port il-Kbir.

Innota wkoll kif għat-tieni sena konsekuttiva, Valletta Cruise Port ġie nominat bħala l-aqwa Cruise Terminal fl-Ewropa u jinsab ukoll nominat bħala l-aqwa Cruise Terminal fid-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mas-sostenibbilità.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru fiż-żjara kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.