Month: May 2022

PR220719

Il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa f’laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell matul il-jiem tat-Tnejn u t-Tlieta. Il-mexxejja Ewropej iltaqgħu għal diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u s-sanzjonijiet fuq ir-Russja, l-enerġija, is-sigurtà tal-ikel u d-difiża, fost oħrajn.

Id-diskussjoni dwar l-Ukrajna bdiet b’intervent mill-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, li ffoka fuq is-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukrajna u l-għajnuna meħtieġa għar-rikostruzzjoni tal-infrastruttura tal-pajjiż. L-UE għamlet impenn ċar f’dan ir-rigward, u l-mexxejja tennew l-appell tagħhom għall-waqfien mill-ġlied u l-paċi. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li rridu nibqgħu nibagħtu sinjal ċar ta’ appoġġ lill-poplu Ukren f’dan iż-żmien diffiċli u qal li l-Gvern Malti jappoġġja l-idea ta’ aktar diskussjonijiet dwar ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna flimkien ma’ msieħba internazzjonali.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet u qablu li sal-aħħar tal-2022 l-Unjoni Ewropea tkun waqqfet l-importazzjoni ta’ 90% taż-żejt Russu. Il-qbil jinkludi wkoll xi eżenzjonijiet temporanji għal xi pajjiżi, bħall-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka, li huma dipendenti fuq żejt Russu importat minn pipeline.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li, “Id-diskussjoni dwar is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet kienet waħda twila. Bħala pajjiż, qatt ma kellna oġġezzjoni fuq l-embargo ta’ żejt Russu. L-appell tagħna bħala pajjiż jibqa’ li nassiguraw sostenibbiltà għal dak li nagħmlu billi bħala Unjoni nimplimentaw dawn il-pakketti ta’ sanzjonijiet fit-totalità tagħhom. Malta se tibqa’ tiffoka fuq il-konettività tal-Gżejjer Maltin b’mod aktar sħiħ mal-infrastruttura tal-enerġija Ewropea, biex inkunu nistgħu nibbenefikaw mill-potenzjal sħiħ tas-suq Ewropew.”

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll l-enerġija, il-prezzijiet tagħha, u l-proposta għal pjan fit-tul għas-settur preżentata mill-Kummissjoni Ewropea, imsejjaħ REPowerEU. L-għan ta’ dan il-pjan hu li jinċentiva u jgħin membri stati jiddiversifikaw il-provvista tal-enerġija tagħhom. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern Malti jikkunsidra dan il-pjan bħala wieħed interessanti għaliex jinkludi fost oħrajn proposti ġodda dwar kif jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ enerġija ġejja mix-xemx. Spjega li l-għan tal-Gvern Malti jibqa’ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli. Qal li dan hu dak li għamel il-Gvern matul il-pandemija, meta eskalat it-tensjoni fil-fruntiera tal-Ukrajna, u dak li għandu l-intenzjoni li jibqa’ jagħmel.

Barra minn hekk, il-Prim Ministru Abela spjega kif dan il-pjan qed jinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ fondi addizzjonali Ewropej. Huwa qal li, “Id-diskussjoni importanti dwar dan il-pjan hija wkoll dik dwar il-possibbiltà ta’ fondi Ewropej addizzjonali biex jgħinuna nagħmlu t-tranżizzjonijiet neċessarji. Bħalma għamilna fil-passat, se nkunu qed ninsistu għas-sehem ġust ta’ Malta.”

Diskussjoni oħra fuq l-aġenda kienet dwar is-sigurtà tal-ikel, anka fid-dawl ta’ żieda ta’ pressjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti l-aktar bażiċi. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta, kif diġà għamlet bl-introduzzjoni ta’ skemi ta’ għajnuniet, se tkun qed tagħti aktar għajnuna diretta lill-bdiewa bis-saħħa tal-Politika Komuni Agrikola (CAP).

“Il-Gvern bħalissa għaddej f’diskussjonijiet fil-livell tekniku dwar il-CAP. Pjan li ġie sottomess wara konsultazzjoni pubblika. L-intenzjoni tagħna hi li nibqgħu nsostnu l-bdiewa tagħna kif għamilna bl-għajnuniet fuq qamħ u importazzjoni ta’ materja prima. Il-messaġġ tiegħi waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew kien dwar il-ħtieġa li dwar is-suġġett ninvestu, ngħinu u nikkoordinaw ma’ msieħba lil hinn mill-fruntieri tal-UE għaliex din mhijiex biss kwistjoni ta’ Unjoni jew ta’ Malta biss.”

Dr Abela tenna l-impenn tal-Gvern, ta’ aktar investiment fis-settur tal-ikel b’miżuri li jipproteġu aktar is-settur u joffru aktar taħriġ biex il-pajjiż ikollu nies b’aktar ħiliet f’dan il-qasam.

PR220697

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-fabbrika l-ġdida ta’ Classic Design Woodworks, fiż-żona industrijali ta’ Bulebel, li saret b’investiment ta’ €1.2 miljun.

L-investiment jikkonsisti f’faċilità mgħammra bl-aħħar makkinarju u teknoloġija.

Classic Design Woodworks hija kumpanija li timmanifattura għamara ta’ kull daqs u ilha stabbilita fl-industrija lokali mill-familja Ellul għal dawn l-aħħar 20 sena.

Fil-preżenza tad-Direttur ta’ Classic Design Woodworks Sammy Ellul, il-Prim Ministru Robert Abela nnota r-reżiljenza u r-rieda tal-imprenditur Malti li minn ħaddiem self-employed witta t-triq biex illum stabbilixxa kumpanija li tħaddem 14-il persuna. Matul l-aħħar snin il-kumpanija kabbret il-produzzjoni tagħha b’mod sostanzjali u sussegwentement kellha tħalli l-operat tagħha fil-Marsa u tirriloka f’Bulebel.

Il-fabbrika l-ġdida toffri makkinarju tal-ogħla livell, l-aħjar teknoloġija, ambjent isbaħ għall-ħaddiema u post iżjed sigur.

Is-Sur Ellul qal li matul dawn l-aħħar sitt snin beda jara x-xogħol jiżdied b’ritmu qawwi u għalhekk għażel li jkabbar l-operat tiegħu; kemm mill-aspett infrastrutturali, kif ukoll mill-aspett uman.

Fil-fabbrika l-ġdida kien spjegat lill-Prim Ministru kemm il-Wage Supplement u l-inizjattivi biex jinżammu stabbli l-prezzijiet tal-enerġija kienu deċiżjonijiet kruċjali biex negozji bħal dawk fil-manifattura jibqgħu jinvestu.

“Matul il-perjodu tal-pandemija konna determinati li nibqgħu għaddejjin bix-xogħol u dan grazzi għall-appoġġ li ngħatajna mill-gvern, inkluż il-Wage Supplement, li għen lil Classic Design Woodworks ittaffi l-impatt li kellha fuq l-operat tagħha”, temm jgħid is-Sur Ellul.

PR220678

Il-Gvern se jkun qed jassisti lill-pubblikaturi tal-gazzetti fi żmien fejn qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti, riżultat taż-żieda sostanzjali fil-prezz tal-karta.

Il-Kumitat tal-Pubblikaturi kollha tal-gazzetti stampati f’pajjiżna li jimpjegaw ma’ 66 ġurnalist full-time u bosta fuq bażi part-time flimkien ma’ rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) iltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja biex jippreżentaw l-argumenti tagħhom u jispjegaw id-diffikultajiet kbar li qed jaffaċċjaw fid-dawl ta’ avvenimenti straordinarji. Bejniethom, l-istampaturi jippubblikaw 14-il gazzetta differenti li joħorġu l-Ħadd, kuljum jew kull ġimgħa.

Matul il-laqgħa, ġie diskuss l-irwol tal-gazzetta bħala parti essenzjali mill-midja, li hija element qawwi f’demokrazija. Huwa fid-dawl ta’ dan l-irwol kruċjali li l-Prim Ministru kkomunika li l-Gvern iħoss li għandu jsostni dan is-settur. Għalhekk ġie ddedikat fond ta’ €500,000 f’sena biex isostni l-ħidma tal-ġurnaliżmu stampat f’pajjiżna, fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji li komplew iżidu l-isfidi kbar li diġà kellu s-settur.

Għal din il-laqgħa, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.

PR220660

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-faċilitajiet ta’ Y&P Cranes fin-Naxxar. Din hija kumpanija Maltija li gawdiet mill-growth scheme u, b’investiment ta’ €1.7 miljun, Y&P Cranes kompliet tinvesti f’total ta’ seba’ krejnijiet ġodda mgħammra bl-aħħar teknoloġija.

Fil-preżenza tad-Direttur ta’ Y&P Cranes Raymond Gauci, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-aħħar jiem kellna tliet rapporti li lkoll taw ċertifikat b’saħħtu għall-ekonomija Maltija.

Hawn, il-Prim Ministru sostna li dan kien dovut ukoll għal ħidmet l-intrapriżi li wrew reżiljenza liema bħalha waqt sfidi bla preċedent u issa qed juru fiduċja li jkomplu jinvestu f’pajjiżna u jsaħħu s-settur tax-xogħol.

“Dak li qalu Fitch, Moody’s, u anki l-Kummissjoni Ewropea, li Malta se tibqa’ miexja ‘l quddiem f’mixja ta’ tkabbir ekonomiku għandu jimlina b’kuraġġ biex niksbu iżjed. Hemm sfidi u ta’ dan nista’ nassigurakom li se ssibu gvern ta’ spalla bħalma sibtuh waqt pandemija”, saħaq Dr Robert Abela, flimkien mat-tmexxija ta’ Y&P Cranes.

F’dan il-kuntest, in-negozju ta’ Y&P Cranes, immexxi mill-familja Gauci, kompla jixhed bil-fatti dak li saħaq il-Prim Ministru.

Imwaqqfa lura fl-2000 mis-Sur Raymond Gauci, illum il-ġurnata Y&P Cranes tiffoka primarjament fuq il-kirjiet tal-krejnijiet, il-bejgħ, u l-manutenzjoni ta’ tower cranes.

Għalkemm bdiet l-operat tagħha b’sitt krejnijiet biss, il-kumpanija kibret b’mod sostanzjali u sal-lum il-ġurnata impurtat iżjed minn 400 krejn; b’ammont ieħor qawwi ta’ krejnijiet lesti għall-esportazzjoni.

Fl-aħħar erba’ snin Y&P Cranes irduppjat in-numru ta’ ħaddiema li timpjega.

Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru nnota wkoll it-taħriġ li jingħata fil-post tan-negozju stess lil ħaddiema bil-għan li jibqgħu jtejbu l-ħiliet tagħhom u joffru kwalità ta’ xogħol iżjed effiċjenti.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-kumpanija s-Sur Raymond Gauci qal li llum il-ġurnata il-proġetti huma impenjattivi ħafna u bl-għajnuna tal-fondi maħruġa mill-iskema, il-kumpanija setgħet tagħmel il-qabża li dejjem xtaqet u tinvesti f’aktar tagħmir ġdid bil-għan li jintlaħqu t-talbiet tal-klijenti.

“Il-missjoni tagħna hija li nagħmlu s-siti tal-kostruzzjoni aktar produttivi u aktar siguri b’tagħmir tal-aħħar teknoloġija u forza ta’ xogħol imħarrġa”, stqarr is-Sur Gauci.

PR220597

Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku approvat in-nomina tas-Sur Tony Sultana bħala Segretarju Permanenti Ewlieni, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

In-nomina tas-Sur Sultana tressqet quddiem il-Kabinett tal-Ministri mill-Prim Ministru Robert Abela. Wara l-approvazzjoni tal-Kabinett, in-nomina ntbagħtet lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li l-approvazzjoni tagħha għaddiet għand il-President tar-Repubblika biex issir il-ħatra.

Din il-ħatra issa tidħol fis-seħħ fl-ewwel ta’ Ġunju 2022.

Fl-aħħar snin is-Sur Sultana mexxa l-Malta Information and Technology Agency fl-irwol ta’ Chairman Eżekuttiv.

Hu għandu 36 sena esperjenza fis-settur pubbliku u mexxa bidliet importanti biex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni fis-settur pubbliku.

Tul is-snin kien fdat bi proġetti maġġuri bħal ma kienu t-tmexxija tal-Euro IT Task Force u sistemi ġodda fis-settur tal-enerġija.

Is-Sur Sultana hu kwalifikat fil-Matematika u l-Computing mill-Università ta’ Malta u fl-immaniġġjar mill-Università ta’ Anglia fir-Renju Unit.

Il-Kabinett tal-Ministri rringrazzja wkoll lis-Sur Mario Cutajar tal-ħidma tiegħu bħala Segretarju Permanenti Ewlieni fl-aħħar snin.