Month: March 2023

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja lil Gianluca Bezzina, ir-rebbieħ tal-Festival Kanzunetta Maltija ‘Mużika Mużika’.

Il-Prim Ministru rrimarka fuq l-importanza ta’ festivals bħal dawn li jiċċelebraw il-kultura u l-lingwa Maltija filwaqt li joffru pjattaforma lit-talent Malti.

Il-Gvern se jkompli jinvesti f’dawn l-avvenimenti, li tniżżlu fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, u li jagħtu l-opportunità lil kantanti, awturi u kompożituri lokali li jipproduċu kanzunetti Maltin.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien wieħed fost numru ta’ dinjitarji li indirizza b’messaġġ it-tieni Summit for Democracy organizzat mill-President tal-Istati Uniti Joe Biden.

Anness issibu l-indirizz tal-Prim Ministru Robert Abela.

PR230457

​​Il-Prim Ministru Robert Abela fisser Tug Malta bħala eżempju pożittiv fi sħubija bejn il-Gvern u l-privat fejn jinżamm andament b’saħħtu f’qasam tant importanti għall-ekonomija Maltija.

Il-Prim Ministru saħaq dan waqt l-inawgurazzjoni ta’ Tug Senglea, dgħajsa oħra tal-irmonk ta’ Tug Malta li wasslet biex il-kumpanija issa għandha flotta ta’ disa’ dgħajjes tal-irmonk li huma kruċjali biex jibqgħu jgħinu jiġbdu l-akbar kumpaniji fis-settur marittimu lejn il-portijiet Maltin.

F’indirizz li għamel b’rabta mal-investiment ta’ €5.7 miljun minn Tug Malta, il-Prim Ministru elenka l-importanza tas-settur marittimu għal pajjiżna u kif dan il-qasam huwa kontributur ewlieni għall-ekonomija Maltija anki billi joħloq bosta impjiegi.

Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern jara li hemm potenzjal biex l-industrija marittima tkompli tikber f’pajjiżna b’mod sostenibbli fejn l-operat tagħha jkun iżjed ħabib tal-ambjent.

Innota kif il-biċċa l-kbira tal-flotta ta’ Tug Malta hija mgħammra b’apparat li jikkontrolla t-tniġġis.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru semma kif apparti l-miri ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet marbuta mat-tisħin globali, Malta kienet fuq quddiem nett li mill-bidu ta’ Mejju ta’ sentejn oħra l-baħar Mediterran isir żona kontrollata mill-emmissjonijiet tal-kubrit.

“Bħala ġurisdizzjoni pijuniera fl-industrija marittima, Malta tagħti importanza kbira lill-ekonomija blu u l-ħtieġa li nipproteġu l-ibħra tagħna,” sostna l-Prim Ministru Robert Abela hu u jfakkar li dan is-settur ukoll huwa wieħed li tpoġġa fuq l-aġenda internazzjonali minn pajjiżna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

PR230447

Matul il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa, fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u l-Euro Summit, flimkien mal-mexxejja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea. ​​

F’dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi temi ta’ importanza, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna, l-ekonomija, il-kompetittività u s-Suq Uniku tal-Unjoni Ewropea u l-enerġija.

Il-Ħamis, il-mexxejja Ewropej iltaqgħu mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, fejn iddiskutew diversi kwistjonijiet komuni għall-Unjoni Ewropea u għan-Nazzjonijiet Uniti. Waqt din id-diskussjoni, il-prim ministru tkellem dwar it-tibdil fil-klima fejn tenna li l-gvernijiet, l-istituzzjonijiet privati u l-istakeholders għandhom jingħaqdu flimkien sabiex jindirizzaw din l-isfida globali. Huwa semma kif Malta qed taħdem fuq ir-riforma fis-sistemi tat-trasport, l-industrija u l-enerġija fejn il-gvern qed jassigura li l-għażliet li jniġġsu anqas isiru aktar aċċessibbli u orħos għall-individwi.

Waqt id-diskussjoni dwar il-gwerra fl-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea affermat li se tkompli tassisti lill-Ukrajna anke fir-rigward tar-rikostruzzjoni tal-istess pajjiż. Il-prim ministru tenna li l-istati membri flimkien ma’ msieħba strateġiċi u istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jgħinu fil-proċess ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Saħaq ukoll li Malta se tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja lill-Ukrajna, filwaqt li enfasizza li kull min qed iwettaq ir-reat tal-aggressjoni għandu jibqa’ jinżamm responsabbli.

Dwar it-tema tal-ekonomija, il-kompetittività u s-Suq Uniku tal-UE, il-mexxejja ddiskutew il-mixja lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u kif jista’ jkompli jiġi xprunat l-investiment. Issemma wkoll kif is-Suq Uniku kkontribwixxa kemm għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll żied il-kompetittività.

Fost il-punti li qajjem il-prim ministru waqt din id-diskussjoni, semma li hemm stati membri, speċjalment dawk fil-periferija tal-Unjoni Ewropea, li diġà jinsabu fi żvantaġġ minħabba l-insularità tagħhom u għaldaqstant jiffaċċjaw sfidi addizzjonali. Kompla li Malta tiddependi fuq konnessjonijiet marittimi u tal-ajru biex tiġi żgurata konnettività mal-bqija tal-Ewropa u mad-dinja. Għaldaqstant, huwa tenna li t-trasport kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri għandu jibqa’ affordabbli għall-istati membri kollha.

Waqt l-istess diskussjoni, spjega wkoll li Malta tħares ‘il quddiem biex tara l-pjanijiet tal-Kummissjoni dwar prodotti mediċinali, li se jiġu ppubblikati dalwaqt. Tenna li l-aspettattiva ta’ pajjiżna hi li l-Unjoni Ewropea tassigura d-drittijiet tal-Maltin u tal-Għawdxin biex jibbenefikaw ukoll mis-Suq Uniku fil-qasam tal-mediċina.

Dwar l-enerġija, ġie maqbul li tkompli l-ħidma li tiggarantixxi sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi prezzijiet affordabbli. Il-prim ministru semma li Malta qed tkompli tassigura kontijiet tal-enerġija stabbli fejn qed tistabbilizza l-prezzijiet tal-enerġija għall-familji u għan-negozji permezz ta’ sussidju li jlaħħaq il-biljun ewro fuq is-sena l-oħra u din is-sena.

Fil-jum tal-Ġimgħa, il-mexxejja Ewropej ipparteċipaw fil-Euro Summit fejn iddiskutew is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-membri stati tal-UE.

PR230438

Il-Gvern jirreferi għall-istqarrija ta’ Steward Malta ppubblikata llum, it-23 ta’ Marzu.

Għal darb’oħra l-Gvern qed iżomm ferm mal-pożizzjoni kkomunikata fl-istqarrija PR230421 u se jibqa’ jżomm pożizzjoni legali soda favur l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin.

L-istqarrija ta’ Steward Malta hija barra minn lokha kif il-Gvern diġà spjega għal iktar minn darba.

Għal darb’oħra l-Gvern qed jerġa’ jassigura s-servizz lill-pazjenti kollha u l-impjieg tal-ħaddiema kollha fl-isptarijiet.​