Investiment minn Tug Malta li jirrifletti l-prijoritajiet ambjentali li għandu l-pajjiż

PR230457

28/03/2023

​​Il-Prim Ministru Robert Abela fisser Tug Malta bħala eżempju pożittiv fi sħubija bejn il-Gvern u l-privat fejn jinżamm andament b’saħħtu f’qasam tant importanti għall-ekonomija Maltija.

Il-Prim Ministru saħaq dan waqt l-inawgurazzjoni ta’ Tug Senglea, dgħajsa oħra tal-irmonk ta’ Tug Malta li wasslet biex il-kumpanija issa għandha flotta ta’ disa’ dgħajjes tal-irmonk li huma kruċjali biex jibqgħu jgħinu jiġbdu l-akbar kumpaniji fis-settur marittimu lejn il-portijiet Maltin.

F’indirizz li għamel b’rabta mal-investiment ta’ €5.7 miljun minn Tug Malta, il-Prim Ministru elenka l-importanza tas-settur marittimu għal pajjiżna u kif dan il-qasam huwa kontributur ewlieni għall-ekonomija Maltija anki billi joħloq bosta impjiegi.

Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern jara li hemm potenzjal biex l-industrija marittima tkompli tikber f’pajjiżna b’mod sostenibbli fejn l-operat tagħha jkun iżjed ħabib tal-ambjent.

Innota kif il-biċċa l-kbira tal-flotta ta’ Tug Malta hija mgħammra b’apparat li jikkontrolla t-tniġġis.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru semma kif apparti l-miri ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet marbuta mat-tisħin globali, Malta kienet fuq quddiem nett li mill-bidu ta’ Mejju ta’ sentejn oħra l-baħar Mediterran isir żona kontrollata mill-emmissjonijiet tal-kubrit.

“Bħala ġurisdizzjoni pijuniera fl-industrija marittima, Malta tagħti importanza kbira lill-ekonomija blu u l-ħtieġa li nipproteġu l-ibħra tagħna,” sostna l-Prim Ministru Robert Abela hu u jfakkar li dan is-settur ukoll huwa wieħed li tpoġġa fuq l-aġenda internazzjonali minn pajjiżna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

FacebookTwitter
Skip to content