Month: March 2023

PR230423

Fil-Jum Dinji tal-Ħidma Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela żar l-uffiċini tal-Appoġġ fi Gwardamanġa u dawk tal-FSWS, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, f’Santa Venera. Il-Prim Minsitru ltaqa’ wkoll mal-ħaddiema tal-linja telefonika nazzjonali li toffri l-appoġġ, in-numru 179. Huwa beda biż-żjara tiegħu fil-binja tal-Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS fejn iltaqa’ mal-ħaddiema soċjali u professjonisti oħra fil-qasam soċjali fl-okkażjoni ta’ dan il-jum importanti li jirrifletti l-pjan ta’ ħidma qawwija li għandu l-gvern fil-qasam soċjali.

Flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti, il-Prim Ministru esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma mwettqa mis-social workers mal-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà Maltija u nnota kif in-nefqa globali marbuta mas-soċjal kompliet tiżdied minn sena għal sena. Fil-fatt is-sena l-oħra l-investiment fl-FSWS kien jiżboq għal aktar minn €28 miljun, kważi erba’ darbiet aktar minn għaxar snin ilu. Wara ż-żjara fil-binja tal-Appoġġ, il-Prim Ministru żar ukoll dawk tal-FSWS f’Santa Venera, li din is-sena qed tfakkar il-25 sena mit-twaqqif tagħha u llum timpjega 948 impjegat li 80% huma ħaddiema soċjali u professjonisti oħra soċjali li jagħmlu xogħol dirett mal-persuni vulnerabbli li jiġu bżonn s-servizzi tagħha. 

Matul l-aħħar snin l-FSWS rat tkabbir kbir fl-għadd ta’ servizzi li toffri li huma ferm aktar ħafna mis-servizzi tal-ħarsien tat-tfal (child protection), kontra l-vjolenza domestika u l-abbuż tas-sustanzi u dipendenzi oħra li kienu t-tliet servizzi li kien hemm fil-bidu. Illum l-FSWS għandha preżenza f’bosta bliet u rħula madwar Malta u Għawdex pemezz ta’ għadd ta’ ċentri għall-familja fil-komunità. Dawn jinsabu fil-Belt, il-Birgu, il-Fgura, Marsaskala, Ħal Qormi, l-Imsida, il-Qawra, Ħal Kirkop, il-Mosta, ir-Rabat (Malta) ir-Rabat (Għawdex) u Marsalforn.

Ma’ dawn hemm is-servizzi fl-isptarijiet fejn hemm ħaddiema soċjali fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, kif ukoll r-residenza San Vinċenz de Paul. Professjonisti oħra huma wkoll assenjati biex jagħtu servizz lil diversi entitajiet oħra tal-gvern li jaħdmu fil-qasam soċjali bħalma huma l-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva, l-Awtorità tad-Djar u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fost l-oħrajn. Preżenti matul iż-żjarat kien hemm ukoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

PR230421

Il-Gvern ta’ Malta nnotifika lil Steward Malta li se jkun qed jagħmel ‘control step-in’ biex jieħu f’idejh l-operat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa. 

Il-Gvern reġa’ nnotifika lil Steward Malta li ma kienx qed jaċċetta dak li qalet f’dik li sejħet bħala Termination Notice u minflok kiteb lil Steward Malta li l-‘control step-in’ u t-terminazzjoni se jsiru bil-kundizzjonijiet elenkati mill-Gvern.

Il-pass li ħa l-Gvern ifisser li se jidħol minnufih għat-tmexxija ta’ dawn l-isptarijiet.

Għal darb’oħra l-Gvern qed jerġa’ jassigura s-servizz lill-pazjenti kollha u l-impjiegi tal-ħaddiema kollha fl-isptarijiet.

Qed jittieħdu l-passi kollha biex din it-tranżizzjoni ssir mingħajr interuzzjonijiet fis-servizz. 

Dawn il-passi qed isiru mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li hemm quddiem il-Qrati Maltin iżda huma intiżi biex ikomplu jipproteġu l-interess tal-Gvern Malti u l-interess nazzjonali f’kull ċirkostanza.

PR230411

Qabel bdiet il-laqgħa tal-Kabinett li saret illum fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u Teknoloġija, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, żaru l-kampus u l-faċilitajiet li toffri l-MCAST f’Raħal Ġdid.​​

F’dan il-kulleġġ bħalissa qed isir investiment qawwi fl-infrastruttura edukattiva, li fost oħrajn se jbiddel u jimmodernizza l-kampus u l-ambjent edukattiv kemm għall-istudenti u wkoll għal-letturi u għall-edukaturi.

Milqugħ mill-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, il-Prim Ministru Robert Abela żar diversi binjiet fil-Kulleġġ, fosthom iċ-Ċentru Marittimu, il-workshops fl-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport, is-sit ta’ kostruzzjoni tal-binja l-ġdida tal-Istitut tal-ICT u ċ-Ċentru tar-Riżorsi li kien inawgurat fi Frar tas-sena li għaddiet b’investiment ta’ €9.3 miljun u huwa parti minn proġett b’investiment ta’ madwar €32.8 miljun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea li qed jara l-immodernizzar tal-kampus.

Matul iż-żjara, il-prim ministru seta’ jara l-ħajja attiva studenteska fi ħdan l-MCAST u ngħata informazzjoni dwar il-proġetti kollha li għaddejjin fi ħdan dan il-kulleġġ. F’din is-sena akkademika hemm total ta’ 10,137 student reġistrat fl-MCAST, li minnhom 7,056 huma studenti full-time u 3,081 part-time, u madwar 500 lettur.

Maż-żieda li qed tkun reġistrata fl-istudenti, l-MCAST għaddej b’titjib tar-riżorsi u l-aċċessibilità li huma prijorità għolja flimkien mal-impetu għal investiment kontinwu. Investiment li qed jara spazji ta’ tagħlim dinamiku li permezz tiegħu l-letturi u l-istudenti jistgħu jkunu ispirati biex jikkollaboraw u joħolqu xogħol innovattiv.

Ta’ kull sena l-prospett varat mill-MCAST qed ikollu żieda ta’ korsijiet biex jirriflettu kemm l-aspirazzjonijiet tal-istudenti prospettivi, imma wkoll b’rabta mal-bżonnijiet tal-industrija. Għal din is-sena akkademika il-prospett joffri 200 kors, b’żieda ta’ 9 korsijiet fuq il-prospett tas-sena akkademika li għaddiet, minn livell bażiku għal korsijiet fil-livelli ta’ Baċellerat u Masters. Il-kwalifiki vokazzjonali li joffri l-kulleġġ jinkludu element qawwi ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol biex l-istudenti jgawdu minn tagħlim prattiku f’diversi suġġetti, inklużi l-arti kreattiva, ix-xjenza applikata, l-inġinerija, is-servizzi fil-komunità, u l-informatika.

PR230410

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar it-twaqqif tal-Youth Advisory Forum li ġie approvat waqt laqgħa tal-Kabinett li saret fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST. Fil-kampus ta’ Raħal Ġdid, tlaqqa’ Kabinett maż-żgħażagħ fejn il-Prim Ministru u l-Kabinett tal-Ministri semgħu mingħand żgħażagħ differenti l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom għall-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż.

Iż-żgħażagħ tkellmu fuq diversi temi minn dawk ambjentali, għall-opportunitajiet ta’ xogħol, kwalità tal-ħajja, l-imprenditorjat u anki dwar is-settur tal-ġustizzja. Il-Prim Ministru Robert Abela fisser din il-laqgħa tal-Kabinett maż-żgħażagħ bħala waħda importanti u qal li dan ma kellux ikun eżerċizzju ta’ darba. Għalhekk ħabbar it-twaqqif tal-Youth Advisory Forum għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Kabinett tal-Ministri.

Dan il-forum konsultattiv strutturat se jiġbor fih żgħażagħ minn oqsma differenti li b’mod regolari jiġu konsultati dwar temi ta’ importanza nazzjonali u li saħansitra l-Kabinett ikun qiegħed jew se jiddiskuti. Fiż-żmien li ġej se jingħataw iżjed dettalji fosthom ta’ meta jiftħu l-applikazzjonijiet wara sejħa pubblika għal min jixtieq ikun parti minn dan il-forum. Dan filwaqt li l-Gvern se jibqa’ jaħdem viċin tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela sema’ b’attenzjoni kull żagħżugħ u żagħżugħa li tkellmu fil-Kabinett u għamel ir-rimarki tiegħu dwar kif il-Gvern li jmexxi jrid jibqa’ wieħed li jisma’. “L-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet tagħkom huma tagħna wkoll,” saħaq Dr Abela hu u jfisser prinċipju ewlieni li qed iħaddan il-Gvern biex kull żagħżugħ u żagħżugħa twettaq il-ħolm tagħha.

Hu u jiddjaloga maż-żgħażagħ, il-Prim Ministru nnota kif fil-Kabinett u l-Grupp Parlamentari tal-Gvern hemm bosta żgħażagħ li jagħmlu rappreżentanza xierqa taż-żgħażagħ. Qal li ż-żgħażagħ huma l-aktar li jistgħu jħaddnu t-twemmin ta’ ‘Malta Flimkien’, fejn ma jkunx hemm preġudizzji u flimkien inkomplu nagħtu futur sabiħ lil dan il-pajjiż.

PR230402

Il-Prim Ministru Robert Abela kiteb lill-Awditur Ġenerali kif stqarr li se jagħmel fil-Parlament fis-seduta Parlamentari tas-16 ta’ Marzu.

Il-Prim Ministru talab investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali, permezz ta’ ittra li fiha rrefera għal mandat li tah il-Parlament biex “jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jirkupra dawk il-ħlasijiet li ġew affettwati, u li dwarhom jirriżultalek li ma ngħatax il-valur tagħhom f’servizzi mediċi u servizzi relatati u investiment.”

L-ittra qed tkun ippubblikata.