PR230421
21/03/2023
Il-Gvern ta’ Malta nnotifika lil Steward Malta li se jkun qed jagħmel ‘control step-in’ biex jieħu f’idejh l-operat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa.
Il-Gvern reġa’ nnotifika lil Steward Malta li ma kienx qed jaċċetta dak li qalet f’dik li sejħet bħala Termination Notice u minflok kiteb lil Steward Malta li l-‘control step-in’ u t-terminazzjoni se jsiru bil-kundizzjonijiet elenkati mill-Gvern.
Il-pass li ħa l-Gvern ifisser li se jidħol minnufih għat-tmexxija ta’ dawn l-isptarijiet.
Għal darb’oħra l-Gvern qed jerġa’ jassigura s-servizz lill-pazjenti kollha u l-impjiegi tal-ħaddiema kollha fl-isptarijiet.
Qed jittieħdu l-passi kollha biex din it-tranżizzjoni ssir mingħajr interuzzjonijiet fis-servizz.
Dawn il-passi qed isiru mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li hemm quddiem il-Qrati Maltin iżda huma intiżi biex ikomplu jipproteġu l-interess tal-Gvern Malti u l-interess nazzjonali f’kull ċirkostanza.