Month: April 2026

PR260751

Insellmilkom,

Fl-aħħar ġimgħat għexna, u għadna qed ngħixu sitwazzjoni internazzjonali straordinarja mad-dinja kollha.

Sa tlett ijiem ilu biss, aħna l-Mexxejja Ewropej u Mexxejja oħrajn, ġejna msejjħin f’Ċipru biex nitkellmu dwar din is-sitwazzjoni internazzjonali straordinarja.

Wieħed mill-aktar suġġetti ta’ tħassib għalina l-Ewropej, u għad-dinja kollha, hija s-sitwazzjoni tal-enerġija.

Tkellimna fuq kif – fil-qalba tal-gwerra fil-Lvant Nofsani, hemm it-theddida li xi ħadd jagħlaq il-vit fuq il-bqija tad-dinja fil-provvista taż-żejt, tal-gass, tal-petrol u tad-diesel.

Din mhijiex sitwazzjoni ta’ xi ftit jiem, jew ftit ġimgħat, jew ftit xhur.

Dak li qed ngħixu llum fuq livell internazzjonali qed isir in-normalità ġdida.

Pajjiżna, dan kollu, laqa’ għalih.

Illejla rrid nerġa’ nserraħ moħħ kulħadd li minkejja d-diffikultajiet kollha illi jeżistu, pajjiżna jinsab preparat.

Il-pjan tagħna ma jilqax għal-lum biss.  Imma għas-snin li ġejjin.

Pjan li bdejna naħdmu fuqu sew minn qabel beda dan l-inkwiet kollu.

Pjan li jaħseb għal kull eventwalità.

Ġirien tagħna qed iħarsu lejn lock-down tal-enerġija – jitfu d-dawl, ifaddlu l-fuels, jgħollu l-kontijiet tad-dawl u l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Il-pjan tagħna għalikom, ma fih xejn minn dan – anzi l-prijorità primarja tagħna hi li nkomplu nkunu t-tarka tagħkom –  li nipproteġu lill-familji u n-negozji.

Il-finanzi tal-pajjiż jifilħu sew għal din id-daqqa. Fl-istess waqt – saħansitra lħaqna l-miri finanzjarji tagħna bħala pajjiż qabel iż-żmien.

Għalhekk – nista’ nagħtikom garanzija ta’ stabbiltà – garanzija li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u l-prezzijiet tal-fuels u tal-gass, se jibqgħu stabbli.

Għax għandna l-għaqal, il-kompetenza, u l-esperjenza fit-tmexxija – faddalna mal-250 miljun ewro biex fil-mument tal-bżonn, il-pajjiż isib kaxxa mimlija. 

U dan il-bżonn reġa’ jinsab magħna llum.

Flimkien, għelibna sfidi kbar fl-aħħar snin.

Irnexxielna, għax konna ffukati – għax ħadna ħsieb xulxin.

Għax emminna f’xulxin.

Irnexxielna għax il-prijoritajiet tagħna dejjem kienu fil-post it-tajjeb: il-familji, in-negozji, iż-żgħażagħ, l-anzjani – l-Għawdxin u l-Maltin kollha.

Irnexxielna wkoll – għax ħloqna u żammejna ekonomija b’saħħitha. Għax bqajna dejjem nemmnu f’mudell ekonomiku progressiv, u ma ċedejna l-ebda pressjoni li saret biex nixħtu l-piżijiet fuqkom.

L-isfidi fl-ebda ħin ma naqsu.

Imma xogħli dejjem kien li nara li intom ma titgħabbewx b’inkwiet żejjed.

L-inkwiet ħalluh għalina.

Gvern immexxi minni ser jibqa’ jkun it-tarka tagħkom.

Ħbieb tiegħi,

Il-mument ta’ meta l-pajjiż għandu jagħżel il-Gvern għall-ħames snin li ġejjin kienet xi ħaġa li f’dawn l-aħħar ġimgħat tajtha l-ħsieb li kien jixirqilha. 

Kien naturali li ladarba l-Gvern beda l-aħħar sena tal-leġiżlatura tiegħu, id-diskussjoni dwar dan kienet se tkun waħda kontinwa.

Dejjem ħdimt għall-istabbiltà u ċ-ċertezza – u aktar minn qatt qabel, huwa dak li għandu bżonn il-poplu Malti u Għawdxi.

Pajjiżna jeħtieġ Gvern elett – b’mandat ġdid – iffukat biss fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiż minħabba l-isfidi kollha li l-kuntest li qegħdin fih iġib miegħu – u x-xhur li ġejjin ser ikunu kruċjali. 

Ir-responsabbiltà titlob minni li nantiċipa dak li ser ikollu bżonn pajjiżna – kif għamilt f’dawn l-aħħar 6 snin.

Li lil Malta npoġġiha l-ewwel u qabel kollox.

Huwa għalhekk li llejla, b’mod seren u deċiż, bħala Prim Ministru – b’responsabbiltà, b’konvinzjoni mill-pjan tagħna għall-ġejjieni u fl-interess nazzjonali.

Se nkun qed nagħti parir lill-President tar-Repubblika sabiex ixxolji l-Parlament u mmorru għal elezzjoni ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2026.

Jien inħares ’il quddiem biex flimkien nibnu l-futur ta’ dan il-pajjiż.

Mas-serħan il-moħħ u l-istabbiltà, dejjem enfasizzajt ukoll li nibqgħu nwettqu l-pjan ambizzjuż għal Malta – illum miġbur fil-Viżjoni 2050.

Għandna l-enerġija, l-entużjażmu u l-ideat ġodda għall-futur.

Bħala Gvern wettaqna, u qed inwettqu proġetti kbar ħafna li jeħtieġ snin għalihom. Anzi wettaqna aktar minn dak li wegħidna.

Fi ftit ġimgħat il-poplu jkun għażel lil min irid imexxih u hekk ikun jista’ jimxi ’l quddiem.

Jien irrid li nibqgħu noffru l-istabbiltà meħtieġa, jiżviluppaw kif jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi internazzjonali.

Il-viżjoni mġedda tagħna hija msejsa fuq programm għall-ħames snin li ġejjin –  proġett mill-iktar ambizzjuż.

B’ideat ġodda.

B’enfasi, aktar minn qatt qabel, fuq ħajja aħjar.  Fuq il-wellbeing tagħkom.

Proġett politiku li jagħtik is-serħan il-moħħ – bi Gvern li jkun miegħek f’kull pass tal-ħajja.

L-enfasi tagħna ser tkun fuq il-kwalità tal-ħajja. Dik ser tkun il-prijorità ewlenija tagħna għas-snin li ġejjin.

Kif dejjem għamilna – ser nkomplu nwieżnu b’mod b’saħħtu lil min l-aktar li għandu bżonn.

Però se nkun ċar. 

Min-naħa tagħna se nkunu qed naħdmu b’mod matur. Mhux se nidħlu f’xi rkant politiku fejn dak li joffri ħaddieħor, aħna nwiegħdu aktar.  Ser noffru pjan fattibbli, studjat, ambizzjuż, iżda fuq kollox responsabbli. 

Jien naf x’ifisser li tmexxi pajjiż, u xogħli li nibni fuq dak illi ksibna flimkien.

Fil-ħin li ġej, ser inkellimkom f’aktar dettall dwar dan il-pjan.

Jien ottimist – li bir-rieda u l-esperjenza li għandna, bit-team kompetenti u ħabrieki ta’ madwari, bil-politika li nħaddnu, u bil-fiduċja tagħkom warajna, pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem, b’saħħtu aktar minn qatt qabel. 

Magħna, tafu fejn qegħdin.

U aktar minn hekk, magħna tafu fejn sejrin.

Il-ħolma tiegħek, se tkun il-proġett tagħna. 

Int se tkun fiċ-ċentru tal-proposti tagħna għal Malta Aqwa.

Għax int min int, inti s-suċċess ta’ dan il-pajjiż.

Malta u Għawdex huma intom.

Malta Suċċess, Malta mxiet ’il quddiem – għax INT MALTA.

PR260744

Investiment li qed isir fosthom b’allokazzjoni finanzjarja ta’  €5.3 miljun minn fondi Ewropej

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Fondazzjoni Richmond, ippreżentaw il-pjan ta’ Wellbeing Centre fuq art fil-Mosta li ġiet mogħtija mill-Gvern. F’dan iċ-ċentru se jkun hemm spazji rikreattivi, edukattivi u terapewtiċi f’ambjent modern u mibni apposta għall-ħtiġijiet tas-servizzi tas-saħħa mentali.

Dan il-proġett jirrappreżenta investiment li qed isir fosthom b’allokazzjoni finanzjarja ta’  €5.3 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Fondi Ewropej li alloka l-Gvern għal dan il-proġett biex jitwettaq.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett huwa parti mill-viżjoni ħolistika tal-Gvern biex, flimkien ma’ organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Richmond u s-soċjetà ċivili, jingħataw l-aqwa servizzi lin-nies li jkunu għaddejjin minn sfidi.  

Huwa żied jgħid kif illum il-ġurnata qed issir aktar diskussjoni dwar il-ħtieġa li s-servizzi tas-saħħa mentali jkunu fil-qalba tal-komunitajiet. Huwa faħħar il-ħidma siewja tal-Fondazzjoni Richmond biex tkompli tegħleb l-istigma li għadha teżisti dwar is-saħħa mentali. Dr Abela qal ukoll li l-Gvern qed ikompli jimbotta ’l quddiem il-proġett tal-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali f’Mater Dei.

Il-Prim Ministru nnota kif fi ftit aktar minn għaxar snin, il-Fondazzjoni Richmond żiedet is-sessjonijiet terapewtiċi tagħha b’madwar għaxar darbiet. Kif ukoll għamel referenza għall-Mental Health First Aid Course, li sal-lum għamluh aktar minn 11,000 persuna, fosthom studenti fis-sekondarja. Hawn ġie rrimarkat kif il-ftehim biex isir il-proġett tal-Wellbeing Centre jsegwi ħidma bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni f’servizzi mogħtija marbuta mas-saħħa mentali.

Dr Abela saħaq li huwa kruċjali li s-soċjetà tkompli tinvesti fis-saħħa mentali ta’ xulxin. Qal li organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Richmond huma pedina importanti biex pajjiżna jkompli jibni soċjetà li tempatizza, taħseb f’ħaddieħor u toffri spalla lil min ikun għaddej minn diffikultajiet.

Il-Prim Ministru Robert Abela żied jgħid li minkejja dinja mimlija sfidi ġeopolitiċi u pressjonijiet fil-qasam tal-enerġija, il-prijorità soċjali tibqa’ wkoll waħda ċentrali għal Malta. Qabel l-indirizz tiegħu, flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema u persuni li jirċievu s-servizzi mingħand il-Fondazzjoni Richmond.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej qed jaslu fejn jagħmlu l-akbar differenza, fil-ħajja tan-nies. “B’investiment ta’ €5.3 miljun minn fondi Ewropej, qed ninvestu mhux biss f’infrastruttura moderna, iżda f’servizzi aktar aċċessibbli, f’ambjent terapewtiku u f’appoġġ konkret għal min għandu bżonn”, qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi. Huwa żied jgħid li dan huwa investiment fil-bniedem, fil-kwalità tal-ħajja u f’futur aktar inklussiv u sensittiv.

Il-Kap Ezekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Daniela Calleja Bitar, qalet, “Il-Wellbeing Centre tal-Fondazzjoni Richmond se jkun pass ieħor importanti fil-ħidma tagħna biex inkomplu nsaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità. Dan iċ-ċentru huwa mfassal biex joffri ambjent sigur, dinjituż u terapewtiku, b’faċilitajiet moderni li jwieġbu għall-ħtiġijiet reali tan-nies u tal-familji tagħhom.”

Hija żiedet tgħid li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni mal-Gvern u bl-appoġġ tal-fondi Ewropej, “Se nkunu nistgħu nkomplu noffru servizzi aktar komprensivi u aċċessibbli, filwaqt li nkomplu naħdmu biex innaqqsu l-istigma u nsaħħu l-għarfien dwar l-importanza tas-saħħa mentali.”

Il-Wellbeing Centre tal-Fondazzjoni Richmond se jkun jinkludi kmamar dedikati għat-terapija, spazji għall-familji u żoni għat-taħriġ, biex ikun jista’ jappoġġja firxa wiesgħa ta’ servizzi marbuta mas-saħħa mentali f’ambjent sigur, dinjituż u aċċessibbli.

PR260727

Diskussi l-isfidi ġeopolitiċi u ekonomiċi li qed iġibu magħhom il-gwerer fl-Iran, il-Lvant u l-Ukrajna

F’laqgħa li fiha l-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa fil-laqgħa informali tal-Mexxejja Ewropej ġewwa Ċipru, huwa qal li Malta se tkompli timplimenta miżuri biex tħares kontra ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, filwaqt li tiżgura l-provvista stabbli u konnettività adegwata. Saħaq li, filwaqt li l-Unjoni Ewropea trid tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha fis-settur tal-enerġija, huwa essenzjali li l-miżuri Ewropej ikunu flessibbli u jirriflettu r-realtajiet differenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk gżejjer u periferali, sabiex ikun hemm bilanċ bejn l-ambizzjoni klimatika, il-kompetittività u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

F’Ċipru, il-pajjiż li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’idejh, is-Summit beda b’diskussjoni dwar l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, b’indirizz mill-President Volodymyr Zelensky. Hawnhekk il-Prim Ministru Malti tenna s-solidarjetà ta’ Malta mal-poplu Ukren waqt li fakkar il-ħtieġa li l-istati membri jkomplu jinkoraġġixxu diskussjonijiet diplomatiċi biex tintemm din il-gwerra. “L-Unjoni Ewropea trid tibqa’ magħquda, iżżomm pressjoni fuq ir-Russja, u tagħti appoġġ sostnut lill-Ukrajna, b’mod f’waqtu u prevedibbli, filwaqt li nibqgħu nappoġġjaw kull sforz diplomatiku internazzjonali biex tintemm din il-gwerra,” żied jgħid il-Prim Ministru.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-impatt tagħha fuq is-sigurtà u l-ekonomija Ewropea, inkluż il-prezzijiet tal-enerġija u l-konnettività. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru enfasizza li l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija tibqa’ prijorità ċentrali għall-Gvern Malti, sabiex jiġu protetti l-familji u n-negozji minn xokkijiet esterni.

Il-mexxejja kellhom ukoll opportunità li jieħdu kont tal-progress tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) għall-perjodu 2028–2034. Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati r-realtajiet speċifiċi ta’ Stati Membri żgħar u periferali, filwaqt li enfasizza li l-finanzjament Ewropew għandu jkompli jappoġġja miżuri li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika u jtaffu l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Huwa tkellem ukoll dwar l-aċċessibbiltà tal-flus marbuta mat-tisħiħ tal-kompetittività, u saħaq li għandu jkun assigurat li l-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn il-fondi jippermettu li jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa sabiex kull Stat Membru jgawdi minn dawn il-fondi.

Aktar tard matul il-jum, il-mexxejja kellhom ukoll diskussjoni ma’ msieħba reġjonali dwar l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani, fosthom il-Ġordan, il-Libanu, l-Eġittu, is-Sirja u kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf. Id-diskussjoni ffukat fuq l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni għall-istabbiltà fir-reġjun, b’enfasi fuq il-ħtieġa ta’ deeskalazzjoni, djalogu u rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali.

Din il-laqgħa saret f’mument kruċjali għall-aġenda tal-Unjoni Ewropea, fejn il-mexxejja kkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fl-isfond ta’ diversi sfidi internazzjonali, filwaqt li ingħatat direzzjoni politika għal deċiżjonijiet strateġiċi importanti li jaffettwaw il-futur tal-Unjoni Ewropea.

PR260715

On the sidelines of the informal meeting of the members of the European Council in Agia Napa, Cyprus, the President of the Republic of Cyprus and the Heads of Government of Greece, Italy and Malta met to discuss possible initiatives to be implemented in a coordinated and coherent manner, with a view to preventing a migration crisis similar to that experienced in 2015, as recalled in the Conclusions of the European Council of 19 March 2026.

While reaffirming the importance of ongoing efforts to achieve a rapid diplomatic solution to the conflict, the four Leaders also underlined the need to continue working closely with partners in the region to ensure the necessary assistance and support for the affected populations. In their capacity as Member States situated at the external borders of the European Union and most immediately exposed to potential uncontrolled migration flows towards the Union, they also examined a number of possible measures aimed at safeguarding, if necessary and in full respect of international law, the security and effective management of the European Union’s external borders.

Reaffirming the importance of a common European approach in order to maximise the effectiveness of their respective national responses to a possible significant increase in migration flows linked to the conflict in the Middle East, the Leaders of Cyprus, Greece, Italy and Malta tasked their respective Ministers responsible for Interior and Migration Affairs to continue their close coordination, including by examining, in cooperation with the European Commission, the most appropriate ways to integrate national efforts within the framework of the relevant competences and initiatives of the European Union.

PR260700

Il-Gvern Malti flimkien mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) qed jaħdmu fuq proġett ambizzjuż li se jwassal għal tisħiħ fil-ħsieb strateġiku u l-governanza antiċipattiva fis-servizz pubbliku, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050.

L-inizjattiva, immexxija mit-Taqsima ta’ Viżjoni Malta 2050 fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, timmarka pass deċiżiv sabiex jiġi żgurat li l-istrateġija fit-tul ta’ Malta tkun mhux biss ambizzjuża, iżda wkoll reżiljenti, adattabbli u lesta għall-futur.

Din il-kollaborazzjoni tnediet illum permezz ta’ sessjoni ta’ ħidma li ġabret flimkien aktar minn 60 uffiċjal tas-servizz pubbliku minn Ministeri u entitajiet differenti.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Viżjoni Malta 2050, Ronald Mizzi, stqarr li “Viżjoni Malta 2050 tistabbilixxi direzzjoni ċara dwar fejn irridu naslu bħala pajjiż. Iżda fid-dinja tal-lum, id-direzzjoni waħedha mhix biżżejjed. Irridu nkunu kapaċi nantiċipaw il-bidla, nisfidaw l-assunzjonijiet tagħna, u nieħdu l-azzjoni neċessarja kmieni. Din il-kollaborazzjoni mal-OECD issaħħaħ il-kapaċità tagħna biex nagħmlu eżattament dan, billi tiżgura li Viżjoni Malta 2050 ma tkunx biss pjan, iżda qafas ħaj li jibqa’ rilevanti, reżiljenti u li jista’ jitwettaq maż-żmien.”

It-tim tal-OECD enfasizza li Malta żviluppat Viżjoni b’saħħitha u li tħares ’il quddiem, u li dak li jiddistingwi lill-gvernijiet ewlenin illum huwa l-kapaċità tagħhom li jantiċipaw u jadattaw hekk kif il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi jinbidlu. It-tim enfasizza li billi tintegra l-ħsieb strateġiku fis-sistemi ta’ governanza tagħha, Malta qed tieħu pass importanti biex tiżgura li l-ippjanar fit-tul jittraduċi ruħu f’impatt sostenut u sinifikanti.

Din il-kollaborazzjoni se twassal sabiex jiġu stutturati għodod ta’ ħsieb prospettiv bħall-horizon scanning u scenario planning; koordinazzjoni istituzzjonali aktar b’saħħitha marbuta mal-Viżjoni Malta 2050; capacity building fis-servizz pubbliku u l-iżvilupp ta’ qafas nazzjonali “Futures Outlook”. Dan ikompli jibni fuq riformi preċedenti bil-għan li jiżgura li l-ħsieb prospettiv isir karatteristika permanenti tal-mudell ta’ governanza ta’ pajjiżna, aktar milli eżerċizzju ta’ darba.

Il-kollaborazzjoni se ddum 18-il xahar u tifforma parti mill-approċċ usa’ tal-Gvern biex jiżgura li Viżjoni Malta 2050 tibqa’ tirrispondi għal xejriet globali emerġenti, tkun ibbażata fuq evidenza u analiżi, u allinjata mal-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan jimmarka bidla kontinwa fil-governanza, minn tfassil ta’ politika reattiva għal tmexxija antiċipattiva u li tħares ’il quddiem.

L-inizjattiva se tiffaċilita wkoll qsim ta’ esperjenzi ma’ pajjiżi oħra bħal-Litwanja, l-Estonja u l-Ġermanja, u tpoġġi lil Malta bħala parteċipant attiv f’komunità internazzjonali li dejjem qed tikber, ta’ gvernijiet iffukati fuq innovazzjoni fis-settur pubbliku u tfassil ta’ politika fit-tul li tkun lesta għall-futur.

F’mument ta’ bidla teknoloġika, ekonomika u ġeopolitika, din il-kollaborazzjoni tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jimxi lil hinn mill-ippjanar tradizzjonali u jintegra ħsieb antiċipattiv fil-qalba tat-tfassil tal-politika.

Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Malta se tingħaqad ukoll ma’ grupp ta’ pajjiżi li qed jaħdmu mal-OECD biex jintegraw governanza antiċipattiva fil-qafas nazzjonali tal-politika.