Month: July 2024

PR241277

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ Dar San Franġisk, dar fil-komunità fiż-Żejtun għall-persuni b’diżabilità, amministrata mill-Fondazzjoni Nazareth, il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss tkellem dwar l-importanza li kulħadd ħaqqu jgħix ħajja ta’ kwalità u b’mod dinjituż iżda saħaq dwar l-appoġġ lejn il-volontarjat, aspett b’saħħtu ħafna f’din il-fondazzjoni.

Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jappoġġja u jinċentiva għaqdiet volontarji fil-ħidma imprezzabbli li jwettqu. Apparti li semma ftehimiet li jsiru bejn il-Gvern u l-għaqdiet volontarji, fosthom ieħor li għadu kif beda għal tliet snin bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni Nazareth biex din tibqa’ tiġi mgħejuna fil-ħidma soċjali importanti li twettaq, Dr Abela qal li l-Gvern irid jibqa’ jinċentiva l-volontarjat b’modi oħrajn ukoll.

F’dan il-kuntest tkellem dwar bidla li qed iġib il-Gvern għas-settur tal-volontarjat biex dan jissaħħaħ u fuq din ir-riforma saret konsultazzjoni pubblika fejn bħalissa qed jiġu analizzati mat-300 proposta mressqa. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan is-settur huwa sieħeb strateġiku fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna u l-Gvern irid joffri l-appoġġ lejn il-volontarjat b’aktar simplifikazzjoni ta’ proċessi u inqas burokrazija. Innota kif dawn il-ħsibijiet jikkondividu ma’ proposti mressqa minn stakeholders fis-settur.

Il-Prim Ministru rrimarka għax-xogħol kbir li twettaq il-Fondazzjoni Nazareth li tmexxi erbat idjar għall-persuni b’diżabilità fil-komunità fejn tgħin ukoll fl-indipendenza ta’ dawn il-persuni fil-ħajja ta’ kuljum. “Dar San Franġisk hi eżempju ħaj ta’ kif ħidma tal-voluntiera flimkien ma’ dik tal-professjonisti twassal għal titjib soċjali ta’ persuni differenti,” qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u wkoll jirreferi għal laqgħa li kellu mal-ħaddiema u persuni li jgawdu mill-ġid kbir li twettaq il-Fondazzjoni Nazareth imwaqqfa minn Dun Anġ Seychell u llum il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca tmexxi l-bord tal-istess fondazzjoni.

Waqt l-inawgurazzjoni tkellmet ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fejn saħqet kif dan il-proġett jirrifletti l-impenn sod tal-Gvern li jkompli jappoġġja s-settur volontarju, li huwa l-qalb u r-ruħ tal-komunità tagħna. “Is-sħubija tagħna mal-Fondazzjoni Nazareth, imsaħħa bi ftehimiet li jaqbżu t-€2.5 miljun, tenfasizza x-xogħol kbir li qed isir biex ngħollu u nieħdu ħsieb iċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli tagħna. Din ir-residenza l-ġdida hija xhieda tal-isforzi kollettivi tagħna biex inrawmu soċjetà ta’ kompassjoni u inklużiva fejn kulħadd ikun apprezzat u appoġġjat,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

PR241268

Il-Prim Ministru Robert Abela kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fejn ressaq formalment in-nomina tal-Gvern Malti għal Kummissarju Ewropew. Glenn Micallef huwa n-nominat ta’ Malta.

Glenn Micallef għandu esperjenza estensiva fl-affarijiet Ewropej fost oħrajn. Huwa gradwat fl-ekonomija u fil-politika Ewropea. Micallef kien ukoll Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Is-Sur Micallef kien Direttur Ġenerali tad-Dipartiment ta’ Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea u serva bħala konsulent tal-Prim Ministru għall-Affarijiet Ewropej, fejn kien ukoll parti mit-tim ta’ negozjati li wasslu biex pajjiżna kiseb allokazzjoni rekord ta’ fondi Ewropej.

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela milqugħa mill-President Franċiż Emmanuel Macron u martu Brigitte Macron qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi ta’ Pariġi 2024.

PR241262

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela ltaqgħu mal-kontinġent Malti għall-Olimpjadi 2024 f’Pariġi.

Ftit tas-sigħat qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi, li l-Prim Ministru qed jattendi għaliha fuq stedina tal-President Franċiż Emmanuel Macron u l-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach, Dr Abela tkellem ma’ atleti Maltin u awguralhom għal din l-esperjenza f’dan l-avveniment sportiv dinji. Fil-villaġġ għall-atleti li se jipparteċipaw fl-Olimpjadi f’Pariġi, il-Prim Ministru Robert Abela żied jgħid li l-appoġġ tal-Gvern fl-isport se jibqa’ għaddej b’mod b’saħħtu biex partikolarment nibqgħu ninvestu fl-atleti u fl-infrastruttura sportiva ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss awgura lill-atleti biex b’determinazzjoni iwasslu prestazzjoni għalihom infushom u għal pajjiżna iżda saħaq li l-ispirtu ta’ Team Malta u għaqda li jġib miegħu l-isport hemm warajh l-atleti ta’ pajjiżna, li huma l-protagonisti u jixirqilhom kull sostenn.

Team Malta f’dawn l-Olimpjadi hu kompost mill-atleti Katryna Esposito (judo), Beppe Grillo (atletika) Kyle Micallef (għawm), Sasha Gatt (għawm) u Gianluca Chetcuti (sparar). Chetcuti u Gatt se jġorru l-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ dawn il-Logħob li se ssir il-Ġimgħa filgħaxija.

Il-Prim Ministru Robert Abela u Dr Lydia Abela tkellmu wkoll mal-bqija tal-kontiġent Malti fosthom il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello u ċ-Chef de Mission ta’ Malta f’dawn l-Olimpjadi Paul Sultana.

PR241238

  • Il-Prim Ministru Robert Abela jżur iċ-Ċentru ta’ Riżorsa San Miguel f’Pembroke

Kull tifel u tifla ħaqqhom jirċievu l-aqwa u l-aħjar u għalhekk l-investiment fis-sistema edukattiva tagħna hu mifrux biex jilħaq il-potenzjal ta’ kulħadd. Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela meta żar wieħed miċ-Ċentri ta’ Riżorsa f’Malta, is-San Miguel Primary Education Resource Centre f’Pembroke.

Dr Abela qal li l-edukazzjoni ta’ kwalità tiġi mill-investiment u mill-ħidma b’dedikazzjoni kbira li juru l-edukaturi u li wara li ġie ffirmat l-aqwa ftehim għalihom, issa se jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet u d-dħul tagħhom. Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-istudenti u ra l-ħidma sfieqa li jwettqu l-ħaddiema ta’ dan iċ-Ċentru ma’ dawn it-tfal. Huwa rringrazzjahom għall-ħidma li jwettqu ma’ dawn l-istudenti b’tant imħabba.

F’dan iċ-Ċentru, wieħed minn ħamsa madwar il-pajjiż, jattendu tfal b’diżabbiltà minn età ta’ tliet snin sa ħdax-il sena. Dawn l-istudenti jingħataw esperjenza edukattiva li hi bbażata fuq kurrikulu sensorjali, fejn kull student ikollu pjan ta’ tagħlim speċifiku għalih. Dan iċ-Ċentru fih ukoll hydrotherapy pool u multisensory room. Fis-sajf, f’dan iċ-Ċentru jingħata s-servizz ta’ Skola Sajf u bħalissa qed jattendu madwar 24 student.

Waqt iż-żjara ġie spjegat ukoll li hekk kif daħal fis-seħħ il-ftehim settorjali ġdid, iċ-Ċentri għar-Riżorsa ġew imsejħa bħala skejjel. Dan f’pass ieħor favur l-inklużjoni hekk kif m’għandiex issir distinzjoni bejn skejjel differenti anke jekk jipprovdu programmi edukattivi differenti. Fiż-żjara, kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.