Month: July 2024

PR241201

Fil-Berġa ta’ Kastilja ġie ffirmat l-aqwa ftehim għall-edukaturi bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT. Il-ftehim settorjali se jfisser titjib qawwi fid-dħul u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi li jaħdmu fl-iskejjel pubbliċi u dawk tal-knisja. F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela qabel l-iffirmar, fakkar kif il-Gvern wiegħed titjib sinjifikanti fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi u llum għandna l-aqwa ftehim għall-edukaturi. 

Dr Abela fisser l-edukaturi bħala mutur fil-qasam edukattiv hu u jinnota li l-ftehim fih żidiet fis-salarji għall-gradi kollha ta’ edukaturi. Il-ftehim huwa għal ħames snin u se jibda jgħodd bl-arretrati sa mill-bidu tas-sena l-oħra sal-aħħar tal-2027. Il-ftehim fih ukoll avvanz fil-karriera b’aktar pass mgħaġġel u se jkompli jsaħħaħ l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-importanza tas-saħħa tal-pajjiż biex ikun kapaċi jinvesti fl-oqsma kruċjali bħall-edukazzjoni. Qal li dan il-ftehim hu parti minn kullana ta’ ftehimiet oħra li taw żidiet sostanzjali lill-ħaddiema u fiż-żmien li ġej se jkun hemm oħrajn biex igawdu aktar ħaddiema. Qal li lill-professjoni tal-għalliema ridna nagħtuha valur ikbar. Il-Prim Ministru sostna li għal Gvern li jemmen fil-ġustizzja soċjali bilfors irid jipprijoritizza lis-settur edukattiv, li hu pilastru u pedina importanti fil-bidliet li rridu nkomplu nġibu f’pajjiżna. “L-investimenti f’iktar għodda fl-iskejjel u fit-tagħlim ta’ għada, fejn għandna għaddejja d-diskussjoni dwar l-istrateġija l-ġdida għas-settur tal-edukazzjoni, irridu nixprunaw tagħlim li jissarraf fl-aqwa opportunitajiet u karrieri għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin f’oqsma li jrendu u jagħtu valur miżjud fl-ekonomija tagħna,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha involuti fid-diskussjonijiet li wasslu għall-aqwa ftehim settorjali li qatt kellhom l-edukaturi, qal li dan il-ftehim huwa wkoll l-ewwel ftehim li permezz tiegħu l-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema għandhom viżjoni komuni għat-tkomplija tat-trasformazzjoni tas-settur edukattiv. “B’ħidma flimkien, mal-edukaturi, mal-imsieħba soċjali, mar-rappreżentanti tal-edukaturi, mal-ġenituri u mal-istudenti nfushom se naraw li f’dan is-settur verament il-persuna tkun fiċ-ċentru,” qal il-Ministru Grima.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici sostna li dan il-ftehim hu riżultat ta’ negozjati fuq ftehim li jirrikonoxxi l-esperjenza, il-kwalifiċi u l-impenn tal-edukaturi u jsostnihom sabiex ikomplu joffru l-aqwa esperjenza tat-tagħlim lill-istudenti.

Il-ftehim settorjali kien presedut mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana.

PR241186

Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza konferenza tal-aħbarijiet wara li deċiżjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet it-talbiet kollha tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’kawża li fetaħ kontra l-Avukat tal-Istat, li l-konsegwenza tat-talbiet tagħha kienu li jiġu mfittxija personalment il-Prim Ministru u l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni.

PR241184

Investiment ta’ €33 miljun li jagħmel lil Malta waħda mill-ewwel pajjiżi fl-Ewropa bi proviżjoni ta’ enerġija elettrika shore-to-ship

Jibda jopera l-proġett ta’ onshore power supply li introduċa sistema tal-elettriku mill-art għall-cruise liners fil-Port il-Kbir. Proġett b’investiment ta’ €33 miljun ko-finanzjat mill-fond Ewropew Connecting Europe Facility, li jfisser tnaqqis drastiku ta’ 90% tat-tniġġis iġġenerat minn vapuri li jidħlu fil-Port il-Kbir. Proġett li jfisser li dawn il-vapuri jitfu l-magni u l-generators meta jkunu sorġuti fil-Port. Dan il-proġett ser iwassal għal titjib konsiderevoli fil-kwalità tal-arja għal madwar 17,000 familja li jgħixu f’din il-parti tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għal din il-ġurnata bħalha waħda li għandha tibqa’ mmarkata fil-qalba ambjentali li qegħdin inwettqu. Proġett importanti għal Malta aktar sostenibbli u innovattiva. Sostna li l-portijiet tagħna, bħala pajjiż gżira, huma l-qalb tal-ekonomija tagħna hekk kif jiffaċilitaw il-kummerċ u t-turiżmu. Filwaqt li spjega li l-opportunitajiet li jtuna l-portijiet tagħna, iġibu magħhom ukoll sfidi. Li għalihom il-Gvern qiegħed iwieġeb bi proġetti bħal dawn, li qegħdin ipoġġu lil pajjiżna bħala pijunier fi prattiċi marittimi sostenibbli.

Il-Prim Ministru tenna li dawn huma r-riżultati f’dik li hija qalba ambjentali, li minkejja li jidhrux, għax mhux qed tagħmel ġnien, jew proġett infrastrutturali, huma riżultati li ser jinħassu fl-iktar aspett importanti; saħħet in-nies.

“Sodisfatt ħafna li dan il-proġett ambizzjuż, bdejnih lejn l-aħħar tal-2020, meta konna f’pandemija. Hemm minflok konna qegħdin naqtgħu qalbna, konna qegħdin nibdew dan it-tip ta’ investiment. Investiment li jpoġġih bħala wieħed mill-aqwa proġetti tat-tip tiegħu fl-Ewropa, b’Malta hija waħda mill-ewwel pajjiżi bi proviżjoni ta’ enerġija elettrika shore-to-ship li kapaċi tissupplixxi lil massimu ta’ ħames cruise-liners fl-istess ħin. Iżda, ma waqafniex hawn. Dan hu proġett li ser inkunu qegħdin nestenduh mhux biss fil-Port il-Kbir iżda anke fil-Port Ħieles,” qal il-Prim Ministru.

Ikkonkluda billi sostna li l-Gvern huwa kommess u għandu l-ambizzjoni li jwettaq aktar bħala parti mit-tranżizzjoni ekonomika. 

Il-proġett jipprovdi elettriku fuq ix-xatt lill-cruise liners, li jippermettilhom li jitfu l-magni tagħhom waqt li jkunu trakkati. Din it-tranżizzjoni hija mistennija li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b’madwar 40%, ekwivalenti għal tnaqqis ta’ 36.6% fil-gassijiet serra, jew madwar 30,400 tunnellata ta’ CO2 fis-sena.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, tkellem dwar l-isforz ta’ kollaborazzjoni wara l-proġett u rrefera għalih bħala kisba li tixhed ix-xogħol diffiċli u d-dedikazzjoni ta’ Infrastructure Malta, Transport Malta, u l-imsieħba kollha, fejn komplejna ninvestu fl-infrastruttura u fl-ambjent tagħna, li niżguraw arja aktar nadifa u kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti taż-żona tal-Port il-Kbir.

Is-sistema l-ġdida, li tiflaħ sa ħames cruise-liners fl-istess waqt f’Pinto Wharf, Deep Water Quay, u Boiler Wharf, tipprovdi total ta’ 64MVA ta’ elettriku fuq ix-xatt. L-infrastruttura topera b’vultaġġi ta’ 11KV jew 5.5KV u frekwenzi ta’ 50 jew 60Hz, appoġġjati minn stazzjonijiet ta’ konvertitur ta’ frekwenza mgħammra bi 18-il transformer u erba’ konvertituri ta’ frekwenza, li jqassmu l-elettriku permezz ta’ 90 kilometru ta’ cables ta’ enerġija.

Dan il-proġett ġie inawgurat billi ssupplixxa l-elettriku lill-cruise-liner MSC World Europa li kien sorġut fil-Port il-Kbir. Min-naħa tiegħu, il-Kap għall-qalba fl-enerġija fi ħdan MSC Cruises, Michele Francioni, iddeskriva l-enerġija ġġenerata mill-moll għall-vapuri sorġuti bħala element importanti lejn l-impenn favur id-dekarbonizzazzjoni. Spjega kif parti kbira mill-flotta tal-kumpanija tal-cruise-liners hi attrezzata biex telimina l-emmissjonijiet u tgħin fit-titjib tal-kwalità tal-arja meta l-vapuri jkunu sorġuti mal-moll u jitfu l-magni biex jieħdu l-elettriku mill-art.

“Hu ta’ unur għalina li ninsabu hawn Malta, li hi pijuniera fil-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tat-teknoloġija tax-shore-to-ship fil-Mediterran, suq maġġuri għall-kumpanija MSC. Inħarsu ’l quddiem li aktar portijiet fil-Mediterran ikunu attrezzati bħal dak f’Malta biex l-industrija tal-cruise-liners u dik marittima jikkontribwixxu iżjed għal tnaqqis fl-emissjonijiet”, qal Michele Francioni.

Dan il-proġett mhux biss isaħħaħ is-sostenibbiltà ambjentali tal-portijiet ta’ Malta iżda jimxi wkoll mal-għanijiet tal-UE u ta’ Malta dwar it-tibdil fil-klima, u jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-carbon footprint assoċjat mal-attivitajiet tal-port u d-dekarbonizzazzjoni tal-operazzjonijiet marittimi.

Infrastructure Malta u Transport Malta qed jestendu wkoll dan in-netwerk tal-enerġija max-xatt għal żoni oħra fil-Port il-Kbir, fosthom Ras Ħanżir, il-mollijiet tal-Laboratory and Magazine, Palumbo, u l-Mediterranean Maritime Hub. Dan it-tkabbir kontinwu jenfasizza l-impenn tal-Gvern biex jippromwovi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

PR241180

Waqt iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ 35 persuna fil-Mediċina u l-Kirurġija mill-kampus f’Għawdex ta’ Queen Mary University of London, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-investiment fis-settur tas-saħħa, partikolarment f’Għawdex, għandu jkabbar il-potenzjal ta’ din l-università rinomata b’kampus f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru rrimarka għall-masterplan għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u qal li fih hemm pjanat li jinbena ċentru tal-anatomija u ċentru ġdid għar-riċerka, li mhux biss dawn l-investimenti jgħinu għal servizz tas-saħħa ta’ kwalità f’Għawdex iżda wkoll biex din l-università tkompli tagħti esperjenza b’saħħitha lill-istudenti.

Fiċ-ċerimonja li saret fiċ-Ċittadella, il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss assista għall-gradwazzjoni tal-istudenti iżda f’indirizz li għamel, fisser il-Queen Mary University of London bħala eżempju sabiħ ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni li għandha kampus fil-qalba ta’ Għawdex.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-istorja ta’ din l-università f’Għawdex hi waħda ta’ suċċess li ntlaqa’ anki mill-imsieħba soċjali f’Għawdex u l-komunità Għawdxija. 

Dr Abela temm jawgura lil gradwati l-ġodda u qal li s-suċċess tagħhom għandu jirrifletti f’aktar ġid għall-komunità.

Fil-kampus ta’ din l-università f’Għawdex hemm mat-23 Malti jaħdmu, fosthom akkademiċi u jattendu mal-280 student ġejjin minn 52 nazzjon.

PR241150

Fil-ġimgħat li ġejjin se jkun ippubblikat dokument finali ta’ Qafas ta’ Politika għat-Tfal 2024-2030 wara li dokument inizjali marbut mal-istess Qafas ta’ Politika għat-Tfal kien miftuħ għall-konsultazzjoni, li għaliha daħlu ’l fuq minn mitejn sottomissjoni mit-tfal u ħamsa u tletin sottomissjoni oħra min-nies u entitajiet li huma stakeholders fil-qasam.

Dan sostnieh il-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz li għamel f’għeluq Konvenzjoni tal-Eurochild li tlaqqgħet f’Malta f’dawn il-jumejn b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà. Fil-fatt iċ-Chairperson ta’ din il-Fondazzjoni, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca hi wkoll il-President tal-Bord Amministrattiv ta’ Eurochild, organizzazzjoni internazzjonali li tiġbor fiha għaqdiet differenti fl-Ewropa li jaħdmu mat-tfal.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-Qafas tal-Politika għat-Tfal għandu jaħdem id f’id mad-direzzjoni importanti li qed jagħti l-Gvern favur il-kwalità tal-ħajja tal-familji. Dan hekk kif dan il-Qafas jitkellem fuq temi komuni li qajmu t-tfal stess fosthom il-kwalità tal-ħin mal-familja, l-ambjent, is-saħħa u l-edukazzjoni fost oħrajn. Qal li id f’id ma’ dan ix-xogħol li qed isir, hemm il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għal Garanzija għat-Tfal, li fih hemm miżuri importanti li l-Gvern b’ruħ soċjali qed jimplimenta biex ikompli jindirizza realtajiet soċjali. Hawn innota kif nofs il-miżuri soċjali f’dan il-Pjan t’Azzjoni qed jiġu implimentati f’oqsma kruċjali; bħas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni.

Fil-Konferenza tal-Eurochild, il-Prim Ministru Robert Abela qal li pajjiżna jrid jibqa’ miftuħ u jkompli jagħti spazju lill-vuċijiet tat-tfal. Dan filwaqt li jappoġġja l-attiviżmu fost it-tfal u ż-żgħażagħ, li hu kruċjali biex inkomplu nsaħħu s-soċjetà tagħna. Irrimarka għall-proġett R.I.G.H.T.S. immexxi mill-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà b’appoġġ mill-Gvern fost oħrajn, li qed jirriżulta f’taħriġ ta’ tfal u żgħażagħ f’ħiliet tat-tmexxija biex jitwaqqfu l-Kunsilli tat-Tfal Lokali u Reġjonali.

Dr Abela temm jgħid li t-tfal mhumiex biss il-preżent u l-futur iżda l-bażi tas-soċjetà Maltija li rridu nibqgħu nagħtuhom kull appoġġ biex il-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż ikun isbaħ.