Month: May 2024

PR240933

• Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li din l-espansjoni hija xhieda tal-ekonomija reżiljenti ta’ pajjiżna li tiflaħ għax-xokkijiet internazzjonali u tiffaċilita t-tkabbir

Fiż-Żona Industrijali tal-Marsa, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar l-espansjoni tal-kumpanija Baxter li timmanifattura tagħmir mediku. L-espansjoni, li se tkun qed issir b’investiment ta’ €60 miljun bl-għajnuna tal-Gvern Malti permezz tal-Malta Enterprise u INDIS Malta, se tissarraf f’180 impjieg ġdid, bi tkabbir fil-kapaċità produttiva ta’ 20%.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li din l-espansjoni, it-tielet waħda tal-kumpanija Baxter f’pajjiżna, hija xhieda ta’ kemm pajjiżna għandu ekonomija reżiljenti li tiflaħ għax-xokkijiet internazzjonali filwaqt li tiffaċilita t-tkabbir. Fisser din l-espansjoni bħala waħda li turi r-rieda ta’ kumpanija li tkompli tkabbar l-operat tagħha f’pajjiż li għandu klima ekonomika b’saħħitha. 

Tant hu hekk li ċifri uffiċjali maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fis-sigħat li għaddew juru li l-ekonomija Maltija kibret tnax-il darba iktar mill-medja Ewropea fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. “Huwa grazzi għall-mentalità ta’ Gvern miftuħ għan-negozju, permezz ta’ entitajiet bħal Malta Enterprise u INDIS Malta, li pajjiżna jibqa’ wieħed li joffri ambjent kompetittiv u attraenti għal kull min irid jinvesti. Hija din il-klima ekonomika pożittiva li toħloq prosperità ġdida,” saħaq il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li l-investiment mill-privat, l-investiment fi start-ups u t-tkabbir tan-negozji lkoll jissarrfu f’aktar dħul u allura konsum fl-ekonomija. “Huwa investiment li jissarraf f’ekonomija li tista’ tinħass u titgawda mill-poplu kollu kemm hu. Investiment li jkompli jġedded l-ekonomija tagħna,” saħaq il-Prim Ministru. Żied jgħid li dan hu investiment ieħor li qed joħloq karrieri ta’ kwalità f’pajjiżna stess fosthom għaż-żgħażagħ li qed jistudjaw fl-Università u l-MCAST u li għada se jsibu dawn l-opportunitajiet. Qal li dan l-investiment ifisser messaġġ ta’ tama li ż-żgħażagħ għandhom futur sabiħ f’Malta.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li l-investiment imħabbar illum fil-Baxter huwa biss wieħed minn sensiela ta’ investimenti kbar li tħabbru fl-aħħar ġimgħat. “Ta’ kull ġimgħa flimkien mal-Prim Ministru qed inħabbru investimenti kbar fis-settur privat, b’ħafna minnhom huma investimenti diretti barranin, li ta’ kull ġimgħa qed jagħmilna pass eqreb mill-mira ekonomika li nixtiequ nilħqu din is-sena, dik li jkollna l-akbar żieda ta’ investiment dirett barrani. Dan l-investiment f’niċeċ ekonomiċi ġodda kif ukoll oħrajn f’setturi differenti minn xulxin huma prova ta’ ekonomija dinamika li qed tħalli l-frott mixtieq,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Id-Direttur tal-Manifattura ta’ Baxter Malta Christelle D’Amato qalet li dan l-investiment se jwassal għat-tisħiħ tal-provvista ta’ medical devices madwar id-dinja, issa u fil-futur. “F’isem Baxter, nixtieq nirringrazzja lill-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, kif ukoll lil Malta Enterprise u lil INDIS Malta għall-appoġġ kontinwu tagħhom għall-preżenza ta’ Baxter f’Malta.”

PR240924

Ġnien fuq il-Glażiż fil-Birgu, żona ta’ madwar 9,000 metru kwadru, li għal numru twil ta’ snin kienet fi stat ta’ abbandun, ġiet irriġenerata fi spazju rikreattiv biex jitgawda mill-familji. Proġett li l-Prim Ministru Robert Abela żar u mbagħad ġie inawgurat propju mill-istudenti tal-iskola Primarja tal-Birgu fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan huwa proġett ieħor minn kullana ta’ proġetti li l-Gvern qiegħed jimplimenta biex ikompli jżomm mal-wegħda elettorali li jagħti lir-residenti spazji miftuħa li jkunu fil-qalba tal-komunità u viċin fejn jgħixu. Żied jgħid li dan il-ġnien se joffri spazju fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mal-għeżież tagħhom. Qal li wara proġetti oħra importanti fil-Kottonera, bħar-riġenerazzjoni tal-Pjazza u x-Xatt tal-Kalkara, il-Birgu hu post ieħor li qed igawdi minn investiment u proġett ta’ kwalità b’enfasi favur in-nies.

“Kommessi li nkomplu l-ħidma tagħna biex ikollna lokalitajiet b’aktar spazji miftuħa li jkunu jistgħu jitgawdew mir-residenti, familji u tfal,” qal il-Prim Ministru Robert Abela wara li kellu diskussjoni informali fuq temi differenti mat-tfal fejn ilkoll sostnew li l-ħtieġa ta’ aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-lokalità mhux biss jagħtu dehra isbaħ iżda jkunu parti mill-ħajja komunitarja tar-residenti. It-tfal kellhom ukoll diversi attivitajiet edukattivi madwar il-ġnien fil-Birgu.

Ix-xogħlijiet f’dan il-proġett irrispettaw l-ambjent eżistenti. F’dan il-ġnien inħolqu diversi żoni ta’ rikreazzjoni fosthom post għall-picnics, logħob għat-tfal u anke park għall-klieb. It-tagħmir ġdid f’dan il-ġnien huwa magħmul minn materjal naturali u rriċiklat. Hemm ukoll sistema ta’ dwal ġodda li tagħmel użu mill-enerġija solari u tpoġġew kameras tas-sigurtà madwar il-ġnien. Il-proġett sar minn GreenServ, fergħa fi ħdan il-WasteServ li timplimenta proġetti ħodor f’żoni urbani.

Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, li fissret kemm spazji bħal dawn huma importanti għall-komunità. “Huwa ta’ sodisfazzjon naraw studenti ta’ etajiet varji igawdu minn dan il-ġnien fejn permezz tal-għalliema tagħhom qed ikomplu jsawru l-esperjenza edukattiva tagħhom ’il bogħod mill-ambjent tradizzjonali tal-klassi. Permezz ta’ dan il-ġnien qed nerġgħu nagħtu ħajja ġdida lil din iż-żona sabiex inkomplu nipprovdu kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti tal-Kottonera u tal-madwar,” saħqet il-Ministru Miriam Dalli.

Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca, is-Sindku tal-Birgu, John Boxall u l-Kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Birgu. Nhar is-Sibt li ġej mill-4pm ’il quddiem se tkun qed tiġi organizzata wkoll attività f’dan il-ġnien b’divertiment għall-familja kollha.

PR240897

• Il-Prim Ministru Robert Abela jżur Ċentru Vincent Moran f’Raħal Ġdid

Iċ-Ċentru tas-Saħħa Vincent Moran f’Raħal Ġdid, li se jibda jagħti bosta servizzi fiż-żmien li ġej, huwa eżempju b’saħħtu favur is-servizz ta’ kura fil-komunità għan-nies. Fi żjara li l-Prim Ministru Robert Abela għamel flimkien mal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela f’dan iċ-ċentru ta’ sitt sulari, li fih se jingħataw servizzi differenti, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) Robert Xuereb, spjega l-ammont ta’ servizzi u spazji li hemm biex dan iċ-ċentru jkompli jsaħħaħ is-servizz tas-saħħa.

F’dan iċ-ċentru se jkunu jistgħu jsiru anki operazzjonijiet minn kirurgi u speċjalisti għal pazjenti li jerġgħu jirritornaw lejn djarhom ftit wara l-istess operazzjoni. Iċ-Ċentru, li sar b’investiment ta’ fondi pubbliċi u fondi Ewropej li nkisbu mill-Gvern Malti, se jservi għan-nies tan-Nofsinhar tal-pajjiż fejn mistenni jaqdi madwar 130,000 ruħ li jiġu bżonn is-servizzi permezz anki ta’ apparat tekniku li se jkun impoġġi fiċ-Ċentru.

Iċ-Ċentru se jkun qed jgħaqqad bosta servizzi taħt saqaf wieħed u jkompli jnaqqas id-dipendenza fuq l-Isptar Mater Dei. F’diskussjoni ma’ diversi ħaddiema, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif il-professjonisti u n-nies qed jilqgħu aktar il-viżjoni tal-Gvern għas-settur tas-saħħa billi tingħata aktar enfasi lejn servizzi fil-komunità. Dr Abela nnota wkoll kif f’dan iċ-ċentru anki servizzi għal kura tas-saħħa mentali se jkunu qed jingħataw, bil-ħaddiema jispjegaw aspett ieħor pożittiv li se jibda fiċ-Ċentru msemmi għal Vincent Moran, dak ta’ fiżjoterapija u konsulenzi għall-mard tal-qalb, li bħalissa qed jingħata f’Mater Dei iżda issa se jiġi offrut fil-komunità, f’Raħal Ġdid. Servizzi oħra offruti huma dawk għall-kura tas-snien, b’faċilità dentali.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li s-servizzi fil-komunità jibqgħu l-aqwa għodda biex in-nies ikomplu jgħixu aħjar u jkollhom kwalità tal-ħajja. “L-investiment li qed inwettqu f’kull qasam, inkluż tas-saħħa, huwa wieħed li jkompli jappoġġja lin-nies f’kull sitwazzjoni tal-ħajja”, spjega l-Prim Ministru.

Il-proġett sar ukoll b’attenzjoni lejn is-sostenibbiltà u ż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, anki dik alternattiva. Fuq il-post hemm ukoll parkeġġ iddedikat għall-vetturi tal-ħaddiema, tal-pazjenti u tar-residenti li jgħixu fl-inħawi taċ-Ċentru

PR240888

• Fi tmiem din il-ġimgħa tibda titħaddem il-miżura ta’ għotja ta’ €1,500 fuq tliet snin għall-ġenituri bi tfal li qed ikomplu bl-istudji wara l-edukazzjoni obbligatorja

Fi tmiem din il-ġimgħa l-ġenituri ta’ madwar 9,600 familja u 10,500 student li baqgħu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja se jibdew jirċievu għotja ta’ €500 fis-sena sa massimu ta’ tliet snin, b’totall massimu ta’ €1,500. Fil-każ li studenti jgħixu għal rashom, il-pagament jasal għand l-istudent. Kien il-Prim Ministru Robert Abela li f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kulleġġ Ġian Franġisk Abela, il-Junior College, ħabbar l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura mwiegħda fil-manifest u llum huwa l-programm ta’ ħidma ‘Malta Flimkien’.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif din hi miżura li tgħin lill-familji kollha iżda hi miżura li tasal aktar għand familji middle-class. Qal li din hi miżura li trid tidħol fit-tessut soċjali ta’ pajjiżna bħalma daħlu miżuri oħra bħaċ-childcare b’xejn u ċ-children’s allowance. “Is-sinjal tal-Gvern hu ċar. Investu fl-edukazzjoni ta’ uliedkom u l-Gvern se jkun magħkom,” saħaq il-Prim Ministru. 

Dr Abela qal li l-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta biex iktar persuni jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u s-settur edukattiv huwa wieħed mill-ħames pilastri tal-viżjoni ekonomika tal-Gvern, li kien hu wkoll li saħħaħ l-istipendji. Il-Prim Ministru Robert Abela, li kien għadu kemm kellu laqgħat mal-istudenti fil-Junior College, qal li mill-istudenti nnota kif l-edukazzjoni post-sekondarja u lil hinn minnha tagħti sodisfazzjon u l-Gvern kommess li jkompli jinċentiva dik l-esperjenza. Huwa għalhekk li saħaq kif irridu nibqgħu ta’ spalla għall-familji fl-ewwel parti tal-kors tal-vjaġġ edukattiv post-sekondarju f’dik li fissirha bħala għotja estiża taċ-children’s allowance.

Il-miżura mħabbra u li se tibda taħdem għall-ewwel darba se jgawdu minnha dawk l-istudenti li jattendu f’korsijiet full-time jew ikkunsidrati full-time u ma hemmx testijiet tal-mezzi għaliha. Aktar minn 800 familja minnhom se jieħdu ħlas għal aktar minn wild wieħed u l-ħlas jirċevuh foster parents u ġenituri adottivi. Skont il-Budget 2024 kellhom jibbenefikaw dawk bi tfal bejn 16 u 19-il sena li jkunu jistudjaw u jieħdu ħlas sa €500 kull sena sa massimu ta’ tliet snin iżda l-miżura twessgħet u ġew ikkunsidrati sitwazzjonijiet ta’ studenti li jew ikunu irrepetew sena sekondarja, jew ikunu ħadu ‘gap year’, jew minħabba sitwazzjonijiet ta’ mard jew ċirkostanzi oħra, u allura jibdew l-istudji post-sekondarji tagħhom aktar tard. Fil-fatt il-kriterji twessgħu sabiex kull min meta tkun bdiet is-sena skolastika u ma jkunx għalaq 20 sena, jibbenefika wkoll.

Jekk l-istudent ikun jattendi kors ta’ studju post-sekondarju f’istituzzjoni edukattiva tal-Gvern ma hemmx għalfejn issir applikazzjoni. L-informazzjoni qed tinġabar u tiġi pproċessata b’mod awtomatizzat. Studenti li ma jkunux jattendu f’istituzzjoni edukattiva tal-Gvern iżda f’istituzzjoni edukattiva għolja li tkun rikonoxxuta mill-Awtorità Maltija tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA), ukoll jistgħu jibbenefikaw billi jimlew dikjarazzjoni fuq is-sit tas-Sigurtà Soċjali.

Intant fit-tħabbira ta’ din il-miżura tkellmu wkoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Il-Ministru Falzon qal li t-tħabbira tal-lum hija ħolqa oħra minn katina ta’ miżuri soċjali li jkomplu jkunu ta’ sostenn għall-familji tagħna. “Nemmnu li rridu nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja. Dan nagħmluh, għax qrib in-nies, u nifhmu sew il-ħtiġijiet tagħhom. Kien għalhekk li sawwarna pakkett ta’ miżuri verament dehen ta’ Gvern b’ruħ soċjali u li se jitnaqqax fl-istorja soċjali tal-pajjiż,” qal il-Ministru Michael Falzon. Il-Ministru Grima tkellem dwar l-għajnuna li qed jingħataw l-istudenti u l-familji tagħhom fi żmien delikat meta jkunu qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom, li hija l-pedament għall-futur mhux biss tagħhom, imma tal-pajjiż. “Dan il-Gvern minn dejjem emmen u investa fir-riżors uman, l-aqwa riżors li għandu l-pajjiż. Huwa għalhekk li dan l-investiment naraw li jibda minn kmieni, waqt il-perkors tal-istudent fl-edukazzjoni fuq il-bankijiet tal-istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna. Matul dawn l-aħħar snin, mhux biss daħħalna miżuri, żidna l-istipendji, qed nagħtu opportunitajiet ta’ scholarships u grants, saħħaħna Skema 9, imma wkoll implimentajna inċentivi biex nagħtu sostenn lill-istudent, u l-familja tiegħu, fosthom ir-riforma fl-Istipendji Preskritti u ta’ Prijorità Għolja fl-Università ta’ Malta u l-MCAST,” spjega l-Ministru Grima.

PR240870

F’indirizz li għamel fl-okkażjoni li mmarkat lukanda ewlenija f’pajjiżna tiġi klassifikata resort, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-investiment li sar bħala att ieħor ta’ fiduċja f’pajjiżna u fis-settur turistiku. Innota li l-istaġjonalità fis-settur turistiku f’pajjiżna saret xi ħaġa tal-imgħoddi hekk kif ċifri uffiċjali juru żidiet rekord anki fix-xitwa u dan kollu jwassal biex investimenti bħal dak li sar f’Malta Marriott Resort & Spa, kien possibbli.

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-lukanda u apparti li ltaqa’ mal-ħaddiema, tkellem kemm mat-tmexxija lokali tal-lukanda u t-tmexxija ta’ Marriott International, li kienet preżenti għal din l-okkażjoni permezz taċ-Chairman tal-Bord, David Marriott. Il-Prim Ministru nnota l-investiment komprensiv ta’ €35 miljun li sar f’faċilitajiet tal-ogħla livell f’resort u lukanda ta’ ħames stilel.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja l-industrija turistika li tikkontribwixxi bi sħiħ għall-ġid li jinħoloq fil-pajjiż. Qal li l-istrateġija li għandu l-pajjiż għat-turiżmu issa mhux biss tiffoka fuq irkupru li pajjiżna laħaq ferm qabel kompetituri tiegħu wara pandemija iżda issa qed tħares lejn kif is-settur jista’ jkompli jimraħ f’realtajiet ġodda. Il-Prim Ministru qal li s-suq turistiku f’pajjiżna jibqa’ marbut ma’ turisti li jiġu minn pajjiżi fl-Ewropa u dawk minn pajjiżi mhux mbiegħda minnha iżda wkoll qed jiġu turisti minn kontinenti oħra. Hawn irrimarka għall-importanza tal-konnettività li tibqa’ kruċjali iżda saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li nkomplu ngħollu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna permezz ta’ investimenti bħal dawn, li jgħinu anki fis-sostenibbiltà u l-kwalità fit-turiżmu.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru Robert Abela, li kien akkumpanjat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo sostna li Malta qed tibqa’ tinvesti anki fl-infrastruttura u fi żvilupp sostenibbli biex il-pajjiż jibqa’ jgħolli l-prodott turistiku tiegħu bil-karatteristiċi partikolari li kapaċi joffri.