PR240933
30/05/2024
• Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li din l-espansjoni hija xhieda tal-ekonomija reżiljenti ta’ pajjiżna li tiflaħ għax-xokkijiet internazzjonali u tiffaċilita t-tkabbir
Fiż-Żona Industrijali tal-Marsa, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar l-espansjoni tal-kumpanija Baxter li timmanifattura tagħmir mediku. L-espansjoni, li se tkun qed issir b’investiment ta’ €60 miljun bl-għajnuna tal-Gvern Malti permezz tal-Malta Enterprise u INDIS Malta, se tissarraf f’180 impjieg ġdid, bi tkabbir fil-kapaċità produttiva ta’ 20%.
Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li din l-espansjoni, it-tielet waħda tal-kumpanija Baxter f’pajjiżna, hija xhieda ta’ kemm pajjiżna għandu ekonomija reżiljenti li tiflaħ għax-xokkijiet internazzjonali filwaqt li tiffaċilita t-tkabbir. Fisser din l-espansjoni bħala waħda li turi r-rieda ta’ kumpanija li tkompli tkabbar l-operat tagħha f’pajjiż li għandu klima ekonomika b’saħħitha.
Tant hu hekk li ċifri uffiċjali maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fis-sigħat li għaddew juru li l-ekonomija Maltija kibret tnax-il darba iktar mill-medja Ewropea fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. “Huwa grazzi għall-mentalità ta’ Gvern miftuħ għan-negozju, permezz ta’ entitajiet bħal Malta Enterprise u INDIS Malta, li pajjiżna jibqa’ wieħed li joffri ambjent kompetittiv u attraenti għal kull min irid jinvesti. Hija din il-klima ekonomika pożittiva li toħloq prosperità ġdida,” saħaq il-Prim Ministru.
Dr Abela qal li l-investiment mill-privat, l-investiment fi start-ups u t-tkabbir tan-negozji lkoll jissarrfu f’aktar dħul u allura konsum fl-ekonomija. “Huwa investiment li jissarraf f’ekonomija li tista’ tinħass u titgawda mill-poplu kollu kemm hu. Investiment li jkompli jġedded l-ekonomija tagħna,” saħaq il-Prim Ministru. Żied jgħid li dan hu investiment ieħor li qed joħloq karrieri ta’ kwalità f’pajjiżna stess fosthom għaż-żgħażagħ li qed jistudjaw fl-Università u l-MCAST u li għada se jsibu dawn l-opportunitajiet. Qal li dan l-investiment ifisser messaġġ ta’ tama li ż-żgħażagħ għandhom futur sabiħ f’Malta.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li l-investiment imħabbar illum fil-Baxter huwa biss wieħed minn sensiela ta’ investimenti kbar li tħabbru fl-aħħar ġimgħat. “Ta’ kull ġimgħa flimkien mal-Prim Ministru qed inħabbru investimenti kbar fis-settur privat, b’ħafna minnhom huma investimenti diretti barranin, li ta’ kull ġimgħa qed jagħmilna pass eqreb mill-mira ekonomika li nixtiequ nilħqu din is-sena, dik li jkollna l-akbar żieda ta’ investiment dirett barrani. Dan l-investiment f’niċeċ ekonomiċi ġodda kif ukoll oħrajn f’setturi differenti minn xulxin huma prova ta’ ekonomija dinamika li qed tħalli l-frott mixtieq,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Id-Direttur tal-Manifattura ta’ Baxter Malta Christelle D’Amato qalet li dan l-investiment se jwassal għat-tisħiħ tal-provvista ta’ medical devices madwar id-dinja, issa u fil-futur. “F’isem Baxter, nixtieq nirringrazzja lill-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, kif ukoll lil Malta Enterprise u lil INDIS Malta għall-appoġġ kontinwu tagħhom għall-preżenza ta’ Baxter f’Malta.”