Month: December 2024

PR242099

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela żaru l-isptar Monte Karmeli fejn iltaqgħu mal-ħaddiema u pazjenti f’dawn il-festi. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li f’dawn il-festi rridu nibagħtu messaġġ li ħadd ma hu għall-iżolament iżda kulħadd hu parti minn soċjetà li tagħder u taħseb f’kulħadd.

Il-Prim Ministru tkellem mal-ħaddiema u rringrazzjahom ta’ xogħolhom li jwettquh b’dedikazzjoni kbira u servizz lejn il-pazjenti li ħaqqhom l-aqwa kura b’dinjità. Innota x-xogħol ta’ rinnovar li sar f’taqsimiet tal-isptar. Qal li lil hinn minn hekk l-kura għas-saħħa mentali trid tkun aktar fil-komunità b’servizzi offruti f’ambjent li jixbah aktar lid-dar milli sptar.

Dr Abela rrimarka li bit-tisħiħ tal-kura f’ambjent isbaħ, il-pazjenti jistgħu jħarsu lejn iż-żmien li jgħixu ħajja aktar indipendenti b’appoġġ mill-professjonisti. Il-Prim Ministru nnota wkoll li bl-investiment allokat fil-budget għas-sena d-dieħla, il-kura fis-saħħa mentali se tkompli tissaħħaħ fil-komunità b’servizzi offruti b’ħidma mal-Kunsilli Lokali. Qal li b’hekk irridu nkomplu nkissru l-istigma kontra s-saħħa mentali.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-importanza li l-ambjent fl-isptar għal persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali jisbieħ biex ikompli jippreparahom għall-ħajja fil-komunità. Innota dak li qed isir anki b’Dar Sebħ Ġdid, halfway house li qed tgħin pazjenti li jkunu rċevew il-kura fl-isptar Monte Karmeli biex jintegraw ruħhom fis-soċjetà. Il-Prim Ministru temm jawgura għas-sena l-ġdida kemm lill-pazjenti u anki lill-ħaddiema u l-professjonisti. Huwa offrielhom it-tama u l-kuraġġ.

PR242093

Lejliet il-Milied, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela żaru t-tfal rikoverati fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u fl-Isptar Mater Dei fejn anki ltaqgħu mal-familji tagħhom. Fiż-żjarat li saru tqassmu rigali lit-tfal mogħtija frott il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-inizjattiva ‘Rigal b’imħabba’.

Il-Prim Ministru ntlaqa’ wkoll mid-diriġenti tal-għaqda Puttinu Cares li jaħdmu ħafna mal-familji bi tfal rikoverati fl-isptarijiet. Ġie spjegat it-tip ta’ kura li jirċievu t-tfal u kif il-ħajja tagħhom tkun faċilitata anki bil-vjaġġ edukattiv ikompli fl-isptar meta t-tfal ikunu hemm għal perjodu ta’ żmien.

Apparti l-edukaturi, hemm fiżjoterapisti fost professjonisti oħra li xogħolhom mat-tfal jagħmluh b’dedikazzjoni kbira. Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-ħidma tagħhom mat-tfal, u lit-tfal u lill-familji tagħhom għamlilhom kuraġġ waqt dan il-perjodu ta’ sfida f’ħajjithom. Infermiera fl-isptar sostniet kif tfal li finalment ifiqu jmorru lura l-isptar flimkien mal-familji tagħhom u juru sens t’apprezzament.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll il-ħidma kbira li twettaq Puttinu Cares li taħdem ħafna mat-tfal u l-familji tagħhom biex tiffaċilita l-ħajja tagħhom. Saħaq li Puttinu jgħix l-esperjenzi mal-familji billi joffri t-tama u l-kuraġġ fi żmien diffiċli. Qal li Puttinu dejjem ikun ta’ spalla u għalhekk bl-istess mod pajjiżna jagħti spalla lil din l-għaqda li għandha missjoni soċjali importanti.

PR242082

Il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Malcolm Paul Agius Galea, iltaqgħu ma’ bosta anzjani residenti f’San Vinċenz de Paul fejn mhux biss tkellmu magħhom iżda tawhom oġġetti li jeħtieġu forma ta’ rigali li qed jitqassmu f’dawn il-festi lir-residenti kollha.

Akkumpanjati wkoll mill-Kap Eżekuttiv tar-residenza Jorgen Souness, il-Prim Ministru fost oħrajn kellu ħin fejn tkellem mal-anzjani dwar aktar servizzi li qed jirċievu. Fost dawn kien hemm l-anzjani mis-sezzjoni Narċis fejn din is-sena beda proġett pilota dwar kura intermedjarja li laqa’ ftit aktar minn mitt pazjent bl-età medja ta’ 85 sena. Il-kura intermedjarja tiġbor taħt il-kappa tagħha dawk is-servizzi tas-saħħa, li jservu ta’ pont bejn il-bżonn ta’ kura akuta fl-isptar Mater Dei u kura fit-tul jew fil-komunità.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif l-anzjanità hi fażi fil-ħajja li wkoll għandha l-aspirazzjonijiet favur il-kwalità tal-ħajja. Innota kif is-servizzi jingħataw ukoll b’dinjità. “F’kull post li jgħix, jekk hux f’residenza tal-anzjani jew fil-komunità, kull anzjan ħaqqu jgħix kwalità ta’ ħajja li tixraq f’ambjent isbaħ u komdu,” sostna Dr Abela.

Fiż-żjara f’St Joseph Ward 5 imbagħad ġie spjegat kif f’San Vinċenz illum hawn mat-tliet swali għall-koppji fejn qabel kien hemm sala waħda biss u l-anzjani kienu mifrudin. Is-swali għall-koppji huma mgħammra wkoll fl-ambjent ta’ dar, bit-televiżjoni, kċina żgħira, sufan u kamra tal-banju kull kamra. “Nemmnu li parti mit-titjib fil-kwalità tal-ħajja hija li l-anzjani jgawdu lil xulxin anki fl-anzjanità,” spjegat it-tmexxija tar-residenza.

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ wkoll mal-anzjani ta’ sala Padre Pio 1 fejn bħal fis-swali l-oħra ta’ San Vinċenz, qed isir investiment fit-teknoloġija fosthom fil-kumditajiet li jixraqlu kull anzjan. Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-ħaddiema u lill-professjonisti li jaħdmu b’dedikazzjoni sħiħa mal-anzjani u qal li l-investiment fir-residenza jibqa’ importanti iżda l-aktar fir-riżors uman.

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela u s-Segretarju Parlamenti Malcolm Paul Agius Galea awguraw il-Milied it-tajjeb u risq għas-sena l-ġdida lil kull anzjan u ħaddiem.

PR242079

“Dwar l-Ukrajna l-vera rebħa tkun il-waqfien b’mod permanenti tal-gwerra” – Il-Prim Ministru Robert Abela

Fis-Summit tal-Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza l-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea fi sfond ta’ realtajiet b’rabta mal-Ukrajna u quddiem soluzzjonijiet possibbli fuq l-immigrazzjoni.

Il-Prim Ministru Malti spjega kif l-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti ġabet dimensjoni differenti, kif kien espress mill-mexxejja infushom. Il-Prim Ministru saħaq li filwaqt li l-appoġġ lill-Ukrajna ma jonqosx, għaliex il-punt tat-tluq għandu jibqa’ dejjem li l-Ukrajna kienet il-vittma ta’ aggressjoni inġusta mir-Russja, wieħed ma jistax jiskarta l-fatt li eluf kbar ta’ persuni tilfu ħajjithom innoċentament.

Spjega li hemm min qed jargumenta illi din hija gwerra illi l-Unjoni Ewropea ma tiflaħx u ma tistax titlifha, iżda spjega wkoll kif f’isem Malta huwa tkellem favur realiżmu u pragmatiżmu. “Il-mument li ma nitħaddtux iktar fuq termini ta’ rebħ u telf wasal. L-unika rebħa li jista’ jkollna hi li l-gwerra tieqaf darba għal dejjem u nemmen li din id-darba hemm il-possibbiltà reali li jekk ikun hemm realiżmu mill-Ukrajna u r-Russja flimkien mal-isforz tal-amministrazzjoni Trump u l-Unjoni Ewropea, inkunu qed nibagħtu messaġġ li verament irridu naslu.” Spjega li dan għandu jsir mingħajr mal-Ukrajna tkun imġiegħla titlef l-ebda parti mis-sovranità tagħha imma li jinstabu s-soluzzjonijiet madwar il-mejda. “Wara kważi tliet snin, jekk ma jkollniex approċċ differenti ser ikollna iktar snin ta’ gwerra li ma jwassluna għal imkien,” temm jgħid fuq dan is-suġġett il-Prim Ministru.

Dwar il-politika tar-ritorn fl-immigrazzjoni irregolari, il-Prim Ministru Robert Abela għamel referenza għal-laqgħa li kellu fil-marġini tal-Kunsill Ewropew ma’ mexxejja oħra inkluż il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Spjega kif il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea għall-2025 għandu jwassal għal politika effettiva dwar l-immigrazzjoni irregolari. 

“M’għadniex f’sitwazzjoni li ma jsir xejn fuq din il-kwistjoni kif kien il-każ sa ftit snin ilu, meta konna waħedna bħala pajjiż. Illum nieħu gost li nara għaxar Stati Membri lkoll vuċi waħda. Wieħed mill-ikbar suċċessi li kellna fil-politika tal-immigrazzjoni irregolari bħala Malta kienet fil-politika tar-ritorn, ħdimna ħafna fuqha u rnexxejna. Dak is-suċċess irrid narah rifless ukoll fuq il-livell Ewropew,” qal il-Prim Ministru Malti.

PR242076

  • Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza s-summit tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea

Il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem fil-laqgħa tal-mexxejja tal-UE u tal-Balkani tal-Punent fi Brussell.

Il-laqgħa serviet bħala opportunità biex jinżamm il-momentum il-ġdid għas-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Balkani tal-Punent, inkluż permezz tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea bid-dħul ta’ dawn il-pajjiżi fl-UE.

Is-suġġetti ewlenin tad-diskussjoni fis-summit kienu, it-tkabbir tal-UE permezz ta’ dħul ta’ stati membri ġodda mill-Balkani tal-Punent u t-tisħiħ tal-impenn politiku tal-UE mar-reġjun f’diversi oqsma, inkluża l-politika estera u ta’ sigurtà. Dan apparti t-trażżin tal-impatt tal-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-koperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Dwar dan il-punt tkellem il-Prim Ministru Robert Abela li sostna li, “Il-ħidma bejn l-aġenziji Ewropej u l-pajjiżi tal-Balkani għandha tkompli twassal għat-tnaqqis tal-immigrazzjoni irregolari lejn il-fruntieri Ewropej. Dak li rnexxielna nagħmlu sa issa f’dan il-qasam juri r-riżultati li nistgħu nilħqu jekk naħdmu flimkien mill-qrib.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar kif din il-kollaborazzjoni mhix importanti għar-reġjun tal-Balkani biss imma għall-bqija tal-Ewropa speċjalment fil-kuntest ta’ gwerer u l-instabbiltà li jiddominaw bħalissa. Dan kemm minħabba l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u anke s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi tar-reġjun trid tibda tissaħħaħ minn issa – anke qabel ma huma jsiru membri sħaħ tal-UE.

“Irridu nitkellmu b’leħen wieħed fl-entitajiet multilaterali – fejn nitkellmu dwar il-valuri tagħna – dan sabiex nipproteġu lilna nfusna mit-tibdiliet fil-qasam tal-enerġija, ikel u sigurtà ekonomika”, qal il-Prim Ministru Abela.

Il-Prim Ministru faħħar ir-rieda u l-impenn tal-pajjiżi f’dan ir-reġjun li qed jaħdmu qatigħ biex jintegraw mas-sistemi tal-Unjoni Ewropea – bħala parti mill-proċess ta’ sħubija. Saħaq fuq l-importanza li dawn il-pajjiżi jikkomunikaw il-vantaġġi tas-sħubija maċ-ċittadini tagħhom filwaqt li jikkuntrastaw diżinformazzjoni minn pajjiżi terzi.

Is-summit qed ikun ippresedut mill-President António Costa, għall-ewwel darba fil-kapaċità l-ġdida tiegħu bħala l-President tal-Kunsill Ewropew.