Month: February 2026

PR260342

  • Il-Prim Ministru jniedi pjan fit-tul għal pajjiżna – Viżjoni Malta 2050 – wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’
  • Imħabbra s-sitt flagship projects u l-mitt miżura finali tal-Viżjoni Malta 2050
  • Imniedi s-sit maltavision.mt li bih ser jiġi mkejjel it-twettiq ta’ dawn il-miżuri

Fi Pjazza Tritoni, il-Prim Ministru Robert Abela nieda uffiċjalment il-Viżjoni Malta 2050. Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva din il-Viżjoni bħala wegħda ta’ poplu sħiħ. Qal, “Wegħda biex nagħmlu l-almu tagħna sabiex inkunu l-aħjar li nistgħu nkunu.” Huwa saħaq li l-Viżjoni Malta 2050 hija mfassla minna lkoll u se tkompli tinżamm ħajja ħalli tibqa’ rilevanti matul is-snin.

“Wasal iż-żmien ta’ twettiq ġdid – il-quċċata ta’ żminijietna li fiha niltaqgħu mal-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Wasal iż-żmien fejn destin artna jinkiteb u nibdew ngħixuh fl-aqwa tiegħu, minnha u minn uliedna,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela tenna kif dan il-pjan għal 24 sena li ġejjin huwa frott ta’ studji, analiżi u esperjenzi lokali u internazzjonali, biex l-isfidi tal-futur naqilbuhom fil-pedament tat-tkomplija tas-suċċess ta’ pajjiżna. Huwa saħaq li d-dinja qed tinbidel b’pass mgħaġġel, għaldaqstant ma nistgħux nibqgħu nippjanaw fuq bażi ta’ ħames snin, jiġifieri sa ċiklu politiku wieħed. Jeħtieġ imma li jsir pjan komprensiv, u l-Viżjoni Malta 2050 hija propju l-ewwel pjan komprensiv li għandu pajjiżna.

Huwa nnota kif bħala pajjiż diġà wettaqna mirakli kbar, hekk kif iddeskriva lil pajjiżna bħala mutur ekonomiku fost l-aqwa ekonomiji tal-Ewropa, mimli opportunitajiet. Il-Prim Ministru żied jgħid li għax aħna pajjiż ta’ suċċess, nistgħu naqbżu għal-livell li jmiss. Issa wasal iż-żmien ta’ twettiq ġdid. “Wara li qajjimna l-ekonomija issa rridu li aħna lkoll flimkien nidħlu f’kapitlu ġdid fl-istorja ta’ dan il-pajjiż tant għal qalbna,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Viżjoni Malta 2050 hija msejsa fuq missjoni waħda, 4 pilastri, 3 miri u 100 miżura. Il-missjoni ewlenija hija dik li “Noħolqu nazzjon sikur u reżiljenti, ispirat mill-wirt tiegħu u mmexxi mill-progress, li jippromwovi kwalità ta’ ħajja sana għal kulħadd.”

Din l-istess missjoni hija msejsa fuq 4 pilastri. Bl-ewwel pilastru jdur mat-tkabbir sostenibbli; it-tieni ma’ kif is-servizzi pubbliċi tagħna se jkunu aktar aċċessibbli; it-tielet, dwar kif ser nagħmlu lil pajjiżna aktar reżiljenti u b’edukazzjoni dejjem aktar moderna u l-aħħar pilastru jittratta l-użu aktar intelliġenti tal-art u l-baħar li jdawwarna.

Il-Prim Ministru qal li l-qafas tal-Viżjoni Malta 2050 huwa l-mod ta’ kif jitkejjel is-suċċess tal-pajjiż, li issa mhux ser jibqa’ bbażat biss fuq kemm noħolqu ġid imma kif miżura tħalli effett fuq il-ħajja tan-nies. Dan se jintlaħaq billi jiġu mkejla 3 indikaturi ewlenin ġodda.

L-ewwel indikatur huwa l-Human Development Index tal-Nazzjonijiet Magħquda, li jinkludi fatturi bħall-edukazzjoni, is-saħħa u t-tul tal-ħajja. Malta bħalissa tinsab fl-24 post globalment f’dan l-indiċi. Qed nimmiraw li nitilgħu fost l-ewwel 20 pajjiż sal-2035 u fost l-ewwel 10 pajjiżi fid-dinja sal-2050.

It-tieni indikatur jiffoka fuq kemm verament jibqa’ flus fil-bwiet tan-nies, dak li nsejħulu l-EU Median Disposable Income Index. Sal-2035 irridu nħabbtuha mal-Franċiżi, u nibqgħu telgħin ’il fuq sakemm sal-2050 nilħqu wkoll lill-Finlandiżi, li llum jinsabu mal-ewwel 7 fl-Ewropa.

It-tielet huwa l-indiċi tal-Unjoni Ewropea li jkejjel il-benesseri ġenerali tan-nies, inkluż il-kuntentizza tagħhom, is-saħħa mentali u kif iħossuhom dwar il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom, jiġifieri l-overall experience of life. Malta bħalissa tinsab fid-9 post fl-Unjoni Ewropea f’dan l-indikatur, u l-mira hija li nitilgħu mal-ewwel 8 sal-2035 u fost l-ewwel 5 sal-2050.

Huwa rrimarka kif minkejja li dan huwa pjan li sa jwassalna sal-2050, iħaddan fih ukoll miri intermedjarji li se jkun l-ewwel test biex din il-viżjoni tissarraf f’inizjattivi u miżuri tanġibbli favur il-familji. Mitt miżura u li 6 minnhom huma meqjusa bħala ċentrali – flagship projects.

Dawn huma:

  1. Sistema ta’ trasport dejjem aktar effiċjenti
  2. Tisħiħ fil-qasam tas-saħħa
  3. Edukazzjoni u ħiliet għall-futur
  4. Enerġija nadifa, azzjoni klimatika u trasformazzjoni ambjentali
  5. Malta li tħaddar, b’numru ta’ parks nazzjonali
  6. Riġenerazzjoni fil-portijiet tagħna

It-twettiq ta’ dawn il-miżuri ser jiġi mkejjel permezz tas-sit maltavision.mt.

“Il-Viżjoni Malta 2050 mhijiex biss pjan. Hija mod ġdid kif ngħixu. Fejn l-iżvilupp ikun bilanċjat. Fejn kulħadd jikseb l-aspirazzjonijiet tiegħu. Fejn ikollna pajjiż ferm aħjar minn dak li sibna. Flimkien, nistgħu nibnu l-aqwa Malta,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Fit-tnedija tkellem ukoll il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri. Huwa qal li l-Viżjoni Malta 2050 mhijiex biss dwar tkabbir, iżda dwar tkabbir ta’ kwalità. “Illum ninsabu f’pożizzjoni b’saħħitha biżżejjed biex niffukaw it-triq ’il quddiem għal pajjiżna. Din hija l-għażla kuraġġuża tagħna, li nipproteġu l-kwalità tal-ħajja ta’ għada billi ninvestu fl-eċċellenza llum. Il-futur ma jitfassalx waħdu iżda jinbena deċiżjoni b’deċiżjoni, u għalhekk, għall-ġid ta’ wliedna, aħna għażilna li l-futur nibnuh aħna,” sostna l-Ministru Schembri.

It-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050 kienet akkumpanjata minn manifestazzjoni li fiha numru ta’ Maltin ta’ suċċess minn Haley Bugeja u Neil Agius għal Ira Losco u magħhom tfal u żgħażagħ oħra għamlu wegħdiet simboliċi f’isem il-bqija ta’ pajjiżna. Fosthom dawk tar-reżiljenza u d-determinazzjoni u li wieħed jemmen fih innifsu. Prinċipji li ser iwasslu sabiex pajjiżna jwettaq dan il-pjan għall-2050.

PR260331

Matul il-jum tal-Ħamis, il-Prim Ministru Robert Abela għamel numru ta’ żjarat f’Għawdex li jmissu ma’ diversi oqsma u setturi, fosthom l-edukazzjoni u l-ħiliet, servizzi ta’ emerġenza, il-kultura u l-arti pubblika, kif ukoll l-intrapriża.

Waqt żjara uffiċjali fil-kampus tal-MCAST f’Għawdex, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-amministrazzjoni u tkellem ma’ diversi studenti li qed isegwu l-istudji post-sekondarji tagħhom hemmhekk. Bosta studenti urew l-apprezzament tagħhom għaż-żieda fl-istipendji u sostnew li din kienet t’għajnuna kbira għalihom. Dan filwaqt li enfasizzaw fuq l-importanza li l-intelligenza artifiċjali (AI) tintuża bħala għodda bżonjuża fl-istudji tagħhom. Fl-istess waqt huma tennew l-apprezzament tagħhom għall-miżura tal-Budget li se twassal biex jingħata taħriġ u sottoskrizzjoni b’xejn għall-użu tal-AI.

L-MCAST f’Għawdex bħalissa jilqa’ 218 student full-time u 42 student part-time. Din l-istituzzjoni edukattiva toffri aktar minn 20 kors full-time f’bosta oqsma vokazzjonali, fosthom l-informatika, in-negozju u l-kummerċ, l-inġinerija, il-kura soċjali, ix-xjenzi tas-saħħa u korsijiet ta’ parrukkiera. Il-korsijiet jiġu offruti f’livelli differenti tal-qafas nazzjonali tal-kwalifiki, mit-tieni livell sas-sitt livell, jiġifieri sal-livell tal-baċellerat. Il-Prim Ministru sostna li l-edukazzjoni vokazzjonali tibqa’ għall-Gvern pilastru kruċjali biex iż-żgħażagħ u l-adulti jiksbu ħiliet li jwasslu għal impjiegi ta’ kwalità u opportunitajiet konkreti.

Il-Prim Ministru Abela żar ukoll id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex. Hawnhekk, Dr Abela ltaqa’ mal-ħaddiema u l-voluntiera fi ħdan id-Dipartiment u rringrazzjahom għall-ħidma essenzjali tagħhom. Il-Protezzjoni Ċivili għandha rwol ċentrali fil-ġestjoni tar-riskji u fil-protezzjoni tal-pubbliku. Permezz ta’ prevenzjoni, tħejjija u interventi meħtieġa, toffri servizzi ta’ kwalità ekwivalenti għal dawk f’Malta.

F’Għawdex, il-Protezzjoni Ċivili taħdem mill-qrib mal-Gvern Lokali u mal-komunità biex tinforma lir-residenti dwar is-sigurtà, u torganizza taħriġ u simulazzjonijiet sabiex tiġi żgurata ħidma effettiva u koordinata f’każ ta’ emerġenzi.

Il-Gvern qed ikompli jinvesti fl-infrastruttura meħtieġa sabiex dan is-servizz essenzjali jkun jista’ jibda jippjana ukoll għall-ħtiġijiet t’għada, fosthom anke permezz tal-bini ta’ fire station ġdida.  F’dawn l-aħħar sentejn, il-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex investiet f’żewġ vetturi żgħar għall-wildfires, kif ukoll f’vettura oħra minn fost dawk li tħabbru riċentement. Il-Prim Ministru sostna li dan il-mudell ta’ servizz f’Għawdex huwa eżempju ta’ kif il-Gvern irid ikompli jsaħħaħ servizzi essenzjali b’mod ekwu fuq iż-żewġ gżejjer.

Dr Abela kellu wkoll l-opportunità jiltaqa’ ma’ erba’ artisti Għawdxin li fasslu erba’ monumenti ġodda bħala parti mill-Iskema għall-Arti Pubblika. Il-Prim Ministru  kellu l-opportunità jara l-erba’ xogħlijiet artistiċi li se jiġu installati matul ix-xhur li ġejjin maħduma mill-Artist Christopher Saliba,  Austin Camilleri, Vince Caruana u Mario Agius.

Il-Prim Ministru temm il-ġurnata f’Għawdex bi żjara f’Tal-Massar Winery fl-Għarb – intrapriża tal-familja li tħaddan storja u tradizzjoni twila fil-qasam tal-produzzjoni tal-inbid f’Għawdex. Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mat-tmexxija ta’ dil-kumpanija, fejn ġie spjegat kif illum hija t-tielet ġenerazzjoni tal-familja li qed tiġġestixxi din l-intrapriża.

Il-Prim Ministru faħħar din il-ħidma li, b’għaqal u b’viżjoni, qed tgħaqqad flimkien l-agrikoltura, il-kwalità, il-prodott lokali u l-element turistiku. Tal-Massar Winery tipproduċi firxa varjetajiet ta’ inbejjed differenti u qed tkompli tikkontribwixxi għaż-żamma tal-identità agrikola u kulturali ta’ Għawdex.

Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru rrefera għall-ħidma tal-Gvern li tħares biex tkompli ssaħħaħ il-potenzjal ta’ Għawdex b’azzjonijiet konkreti li jġibu valur miżjud u opportunitajiet ġodda għall-komunità.

PR260323


Waqt l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-Business Hub il-ġdid tal-Bank of Valletta (BOV) f’The Quad Central, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru Silvio Schembri, iddeskriva dan l-investiment bħala pass strateġiku li jkompli jsaħħaħ is-servizzi finanzjarji għan-negozji, filwaqt li jibgħat messaġġ ċar ta’ fiduċja fl-ekonomija Maltija. Fi sfond internazzjonali ta’ inċertezza u pressjoni ekonomika, l-istabbiltà ta’ Malta tibqa’ element ewlieni li jattira l-investiment.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan mhux biss post ġdid tax-xogħol imma vot ġdid ta’ fiduċja, fiduċja fil-bank, fiduċja fin-nies tiegħu, u fiduċja fid-direzzjoni li qed jieħu pajjiżna. Huwa qal li fi żmien ta’ inċertezza globali, tensjonijiet ġeopolitiċi u bidliet fit-teknoloġija u l-finanzi, l-istabbiltà saret vantaġġ kompetittiv. Saħaq li Malta baqgħet miftuħa għal negozju serju, impenjata fir-riformi u determinata li tibqa’ miexja ’l quddiem.

Dr Abela rrefera għall-evalwazzjoni tal-IMF, li tikkonferma momentum ekonomiku b’saħħtu minkejja riskji globali. Huwa semma l-fatt li l-IMF irrakkomandat li l-konsultazzjoni li jmiss taħt l-Artikolu IV issir fuq ċiklu ta’ 24 xahar flok 12-il xahar, u dan huwa rikonoxximent tal-mod responsabbli li bih titmexxa l-ekonomija ta’ pajjiżna kif ukoll responsabbiltà biex nibqgħu dixxiplinati, intejbu u nsaħħu r-reżiljenza tagħna.

Huwa għamel referenza wkoll għall-irwol internazzjonali ta’ Malta, speċjalment fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni, b’dawn jibagħtu sinjal ċar li l-kapital qed ikompli jagħżel lil Malta, għax Malta qed toffri ċertezza.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Kenneth Farrugia, tkellem dwar il-funzjoni u l-viżjoni wara dan iċ-Ċentru modern. Huwa spjega li, “Is-servizzi kummerċjali li noffru evolvew b’rata mgħaġġla, u għalhekk ħassejna l-ħtieġa li niġbru s-servizzi kollha taħt saqaf wieħed, sabiex il-klijent tan-negozju jinqeda b’mod aktar komdu, effiċjenti u integrat. Dan il-Business Hub ġdid jagħti lill-klijenti tagħna aċċess ċentrali, b’faċilitajiet ta’ parkeġġ u ambjent professjonali fejn jistgħu jiltaqgħu mar-rappreżentanti tagħna u jirċievu għarfien espert għal kull bżonn finanzjarju tagħhom. Rajna wkoll li nkunu nistgħu noffru firxa sħiħa ta’ servizzi bankarji fuq il-post, u għalhekk inkludejna fergħa ddedikata għall-klijenti kummerċjali sabiex wieħed ikun jista’ jinqeda mill-istess post hawn fiċ-ċentru ta’ The Quad Central.”

Is-Sur Farrugia żied jgħid li l-Bank huwa partikolarment kburi li dan il-bini ġdid jinsab f’bini ċertifikat LEED Platinum, l-ogħla livell ta’ rikonoxximent globali għall-bini sostenibbli. Dan, fi kliemu “jirrappreżenta t-tmexxija tagħna lejn prattiki ambjentali moderni u jirrifletti l-impenn tal-Bank lejn finanzjament aħdar, sostenibbli u responsabbli lejn il-komunità.”

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-BOV, Dr Gordon Cordina qal li b’dan l-investiment, il-Bank qed jagħti messaġġ ċar tal-impenn tiegħu lejn il-kwalità. “Dan il-Hub il-ġdid se jfisser servizz aħjar għall-klijenti tagħna, post ta’ xogħol aħjar għall-impjegati tagħna, u impatt iktar sostenibbli fuq il-klima u l-ambjent. Dan jikkumplimenta b’mod xieraq l-investimenti li l-Bank qiegħed jagħmel fit-teknoloġija informatika u diġitali.”

Iċ-Chairperson kompla jsostni li l-investiment fil-kwalità msejsa fuq il-ħtiġijiet tal-klijenti, fir-riżorsi umani, fit-teknoloġija u fis-sostenibbiltà hija r-riċetta għall-iżvilupp dejjiemi ta’ pajjiżna, hekk kif imħaddna fil-Viżjoni Malta 2050. “Il-Bank of Valletta jibqa’ fuq quddiem biex jagħti sehmu permezz tal-proġetti li jiffinanzja, bil-ħidma li titwettaq propju minn din il-binja.”

PR260318

Malta bħala l-post fejn in-nies, l-ideat u l-ambizzjonijiet jistgħu jikbru u jirnexxu – Il-Prim Ministru Robert Abela

Quddiem it-Tempji ta’ Ħaġar Qim, il-Prim Ministru Robert Abela nieda uffiċjalment immaġni viżiva nazzjonali mġedda u narrattiva marbuta mal-Viżjoni Malta 2050.

Il-Prim Ministru nnota kif issa qrobna biex pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi jidħol f’kapitlu ġdid hekk kif wara it-tnedija, se jibda jagħti l-frott it-twettiq tal-Viżjoni Malta 2050. Huwa spjega kif kien propju waqt li kienet qed tinbena din l-istess Viżjoni li nħass il-bżonn li pajjiżna jkollu immaġni ġdida u distinta li tirrifletti l-Viżjoni Malta 2050.

“Din l-immaġni tirrifletti pajjiż li għandu Viżjoni għall-ġejjieni, li għandu grinta meħtieġa biex jospita innovaturi, u li jħaddan passjoni għax nemmnu li minn gżira żgħira nistgħu nitfgħu raġġi li jimirħu mad-dinja, għalhekk ‘Malta – Shine Here’,” spjega Dr Abela. Huwa żied jgħid kif f’dinja dejjem aktar kompetittiva, li jkollok immaġni b’saħħitha li wieħed jista’ jassoċja ma’ pajjiżna m’għadux lussu, iżda bżonn.

“Sal-lum, Malta ġiet ippreżentata permezz ta’ diversi narrattivi settorjali, fit-turiżmu, l-investiment, il-kultura, l-innovazzjoni u l-kummerċ. Kull wieħed b’saħħtu fih innifsu. Iżda wasal iż-żmien li ngħaqqdu dawn l-isforzi f’narrattiva waħda u unita. Din l-istorja Maltija ġdida ser tippermettilna nitkellmu b’vuċi waħda konsistenti u konvinċenti. Se nippromwovu lil pajjiżna bħala post ideali fejn wieħed iżur għall-btala, jgħix, jaħdem, jinvesti u jistudja,” sostna l-Prim Ministru. 

Huwa qal li n-narrattiva hija bbażata fuq erba’ prinċipji:

  1. Nimble by nature: li tħares lejn il-vantaġġ li aħna żgħar u li l-affarijiet inwettquwhom bla xkiel żejjed, bħal meta daħħalna liġijiet ġodda fis-servizzi finanzjarji, fil-gaming u fil-blockchain.
  2. Bridges worlds: għaliex Malta u Għawdex iservu ta’ pont bejn il-kontinenti, fejn it-talent u l-kummerċ jiġu biex jiltaqgħu u jikbru.
  3. Focusing on what matters: minħabba li s-sustanza u l-impatt imorru lil hinn mill-kwantità.
  4. Make it happen: għaliex pajjiżna huwa n-nazzjon ta’ min joħlom u jwettaq.

L-immaġni viżiva nazzjonali mġedda u n-narrattiva marbuta mal-Viżjoni Malta 2050: Malta – Shine Here, se timbotta l-awtentiċità filwaqt  li twitti t-triq għal aktar progress ekonomiku u soċjali. Dan kollu se jagħmel lil pajjiżna aktar attraenti għat-talent, jibni fiduċja fost l-investituri, jappoġġja l-esportazzjoni u fuq kollox issaħħaħ il-kburija nazzjonali. “Aktar minn tagline – hija dikjarazzjoni strateġika. Malta bħala l-post fejn in-nies, l-ideat u l-ambizzjonijiet jistgħu jikbru u jirnexxu,” temm jgħid Dr Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal, “Permezz tad-determinazzjoni, il-ħidma bla waqfien u l-enerġija pożittiva tagħna, irnexxielna nsaħħu t-tama u l-fiduċja tal-barranin, u nħeġġuhom jiġu jinvestu f’pajjiżna b’kunfidenza u ċertezza. Fl-aħħar sena ksibna figuri rekord f’dak li għandu x’jaqsam ma’ investiment dirett barrani. Xhieda li mhux aħna biss nemmnu fil-potenzjal ta’ pajjiżna u tal-poplu tagħna, iżda anke l-investituri. Dan hu l-pajjiż li fih il-ħolm jitwettaq. U filwaqt li ngħożżu l-passat tagħna, illum qed inħarsu lejn il-futur u l-pajjiż li se nagħtu lil uliedna.”

Il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Dr Mark Mallia spjega kif il-Viżjoni Malta 2050 hija msejsa fuq 4 pilastri ewlenin: it-Tkabbir Ekonomiku Sostenibbli; Servizzi Aċċessibbli u li jqiegħdu liċ-Ċittadin fiċ-ċentru; Pajjiż Reżiljenti u Sistema ta’ Edukazzjoni Moderna; u Użu Intelliġenti tal-Art u l-Baħar. Kompla jispjega li apparti dan, hemm ukoll 5 elementi prinċipali li se jwasslu sabiex il-Viżjoni Malta 2050 titwettaq b’suċċess, dawn huma: kejl sostenibbli u kkalkulat tal-investiment finanzjarju; l-użu tal-għodod diġitali; il-ħiliet tal-futur; l-implimentazzjoni tal-policies; kif ukoll immaġni viżiva u narrattiva unita li għadhom kif ġew imnedija.

Is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Viżjoni Malta 2050 Ronald Mizzi qal, “Ġaladarba pajjiżna hu kommess li jagħmel dik il-qabża ’il fuq fil-kwalità grazzi għall-Viżjoni Malta 2050, daqstant ieħor l-importanza li din il-qabża tiġi trasmessa permezz ta’ identità ġdida għal pajjiżna, u li biha nistgħu mmorru hemm barra u nittrasmettu l-aspirazzjonijiet tal-istess Viżjoni barra minn xtutna. Li tasal għall-għażla finali ma kienx proċess ħafif u ħa ħafna xhur u kunsiderazzjonijiet għax jirrifletti responsabbiltà ta’ Stat. Finalment, ix-xemx, u dak kollu assoċjat magħha – qawmien, ġdid, dija, riflessjoni, u pożittività, nemmnu li jippersonifikaw eżatt dak li nixtiequ nwasslu.”

PR260311

Waqt il-laqgħa mal-Ambaxxaturi għal Malta barra minn pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif dan l-appuntament annwali jgħin biex titqiegħed f’perspettiva l-aġenda diplomatika ta’ pajjiżna għas-sena li ġejja.

Huwa nnota kif is-sena li għaddiet għalqet ċiklu importanti għall-politika barranija ta’ pajjiżna. Dan b’referenza għal ċiklu li matulu l-aġenda internazzjonali tagħna kienet marbuta ma’ impenji fl-ogħla livell, fin-Nazzjonijiet Magħquda, fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u fil-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Prim Ministru spjega li din is-sena qed toffri opportunità biex bħala pajjiż nirriflettu dwar kif se nkomplu nsaħħu s-servizz barrani tagħna għall-ġid tal-pajjiż u fl-interess nazzjonali. F’dan il-kuntest, ġiet magħżula t-tema “Niżguraw l-Iskop Tagħna”, li tagħmel enfasi fuq din il-ħtieġa.

Dr Abela rrefera wkoll għall-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn il-futur li rridu nibnu bħala pajjiż. Huwa enfasizza li l-Ambaxxaturi għandhom rwol kruċjali biex din il-viżjoni nazzjonali tirnexxi. Flimkien mal-Konsli Onorarji, li din is-sena ngħaqdu għal din il-laqgħa, huma msejjħa jwasslu messaġġ ċar, dak li Malta hi miftuħa għad-dinja, mibnija fuq ix-xogħol, u determinata li taqbad opportunitajiet f’setturi ta’ valur.

Il-Prim Ministru spjega kif il-ħidma diplomatika barra minn xtutna hija marbuta mill-qrib mal-ħidma nazzjonali li qed issir permezz tal-Viżjoni Malta 2050, b’mod partikolari f’pilastri bħall-kummerċ u t-turiżmu. Huwa ddeskriva lill-Ambaxxaturi bħala ċ-ċavetta li tiftaħ lil Malta għad-dinja. 

Dwar il-kuntest internazzjonali, il-Prim Ministru wissa dwar sfidi u inċertezzi, kif ukoll il-ħtieġa ta’ riformi fl-istituzzjonijiet multilaterali, b’mod speċjali għall-protezzjoni ta’ pajjiżi żgħar. “Madwarna qed nesperjenzaw kuntest ta’ sfidi u inċertezzi. Fi ħdan l-istituzzjonijiet multilaterali, qegħdin naraw il-bżonn ta’ riformi li mhumiex qegħdin iseħħu, għall-periklu ta’ pajjiżi żgħar bħal tagħna. Dawn huma realtajiet li ma nistgħux ma nagħtux kashom,” tenna l-Prim Ministru. Huwa żied jgħid li fis-snin li għaddew, Malta uriet li kapaċi wkoll tagħti l-kontribut tagħha sabiex dawn iċ-ċirkostanzi jitjiebu, favur l-interessi nazzjonali iżda wkoll favur il-ġid komuni. 

“Għamilna dan meta, flimkien ma’ diversi pajjiżi oħra, irrikonoxxejna l-Istat tal-Palestina, sabiex żammejna ħajja t-tama f’Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati. Għamilna dan meta tajna sehemna biex l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa tibqa’ tiffunzjona. Għamilna dan fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn ħdimna biex jiġi stabbilit it-Tribunal Speċjali għar-Reat tal-Aggressjoni kontra l-Ukrajna,” sostna Dr Abela.

Issa, qal il-Prim Ministru, qed inkomplu naħsbu dwar kif Malta tista’ tkun effettiva fir-reġjun tagħha stess, il-Mediterran. Storikament, il-Mediterran safa vittma ta’ interessi li ma kinux neċessarjament interessi Mediterranji, anke jekk forsi kienu jaqblu mal-interessi ta’ pajjiż jew ieħor fil-Mediterran. Għalhekk jeħtieġ li, fir-reġjun tal-Mediterran, inkomplu niżviluppaw il-kapaċitajiet tagħna li noħorġu b’soluzzjonijiet tassew Mediterranji għall-problemi li jaffetwawna lkoll.

Huwa semma wkoll il-kontribut ta’ Malta fuq livell internazzjonali u r-rwol dejjem aktar importanti fil-Mediterran, b’enfasi fuq sfidi bħat-tibdil fil-klima, u s-sigurtà marittima.

Dr Abela temm billi esprima l-apprezzament tiegħu u tal-Gvern lis-Servizz Diplomatiku kollu għas-sehem importanti tiegħu fl-iżvilupp kontinwu ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, radd ħajr lill-ambaxxaturi ta’ Malta għad-dedikazzjoni tagħhom matul is-snin, b’mod partikolari għall-isforzi li wettqu permezz tar-rwoli bilaterali u multilaterali tagħhom matul it-terminu ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Unit, iċ-Chairpersonship tal-OSCE fl-2024, u l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2025.

“Fi żminijiet ta’ bidla ġeopolitika mgħaġġla, irridu nibnu fuq il-kisbiet multilaterali ta’ dawn l-aħħar snin, filwaqt li nadattaw b’mod għaqli biex nibqgħu rilevanti u nindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kondiviżi, mingħajr ma ninsew il-prinċipji, l-miri u l-identità unika tagħna,” qal Dr Borg.