Month: February 2023

PR230293

Il-Gvern jirreferi għas-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li ngħatat illum mill-Imħallef Francesco Depasquale dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. 

Il-Gvern qed janalizza din is-sentenza, u f’kull eventwalità se jassigura li jħares l-interess nazzjonali, l-impjiegi tal-ħaddiema kollha, u s-servizzi kollha li l-pazjenti jieħdu mill-isptarijiet, li huma mertu tal-konċessjoni li dwarha ngħatat is-sentenza surriferita.

PR230258

Il-Prim Ministru Robert Abela, f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, ħabbar id-dettalji dwar it-twettiq ta’ miżura oħra mill-manifest elettorali li se tara l-first-time buyers igawdu minn għotja ta’ €1,000 fis-sena għal 10 snin. B’dawk il-first-time buyers li xtraw proprjetà s-sena li għaddiet u li għaliha ħadu self mill-bank, se jkunu jistgħu jibdew japplikaw mal-Awtorità tad-Djar min-nhar it-Tnejn 20 ta’ Frar.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-iskop tal-għotja huwa wieħed ċar, li l-Gvern jgħin liż-żgħażagħ biex il-ħolma tagħhom li jkollhom l-ewwel dar ma tkunx piż iżda ħolma sabiħa.

Din il-miżura qed titwettaq f’inqas minn sena mit-tħabbira tagħha waqt il-kampanja elettorali u se tkun qed tingħaqad ma’ wegħdi importanti oħra li diġà twettqu.

Il-Prim Ministru spjega li l-isfidi tal-first-time buyers nafuhom biżżejjed, ir-rieda li jiksbu d-dar tagħhom biex fiha jibnu l-futur u l-familja tagħhom fiż-żmien li qed iwittu l-karriera tagħhom. Bil-Gvern irid ikun magħhom fl-ewwel passi ta’ dan il-vjaġġ, li jkunu l-aktar iebsin mill-vjaġġ kollu. Din l-iskema se tkun qed tingħaqad mal-ħafna li l-Gvern daħħal matul is-snin maħsuba għal dan il-għan. Uħud maħsuba għal ħafna bħat-tneħħija tat-taxxa tal-boll għall-first-time buyers, oħrajn għal dawk f’ċirkostanzi partikolari bħall-iskemi Equity Sharing u New Hope, kollha bl-għan qawwi ta’ ġustizzja soċjali.

Il-Prim Ministru kkonkluda li dan hu l-iktar Gvern li ħadem biex kulħadd ikollu saqaf fuq rasu. Bil-prinċipju jkun li f’dan il-pajjiż kulħadd ikun jista’ jwettaq l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tiegħu biex jasal fejn jixtieq. Għan li qed jintlaħaq għaliex dan hu Gvern li l-kelma li jagħti jżommha u hu determinat li jkompli jġib din il-bidla pożittiva f’ħajjet in-nies.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes saħaq li din l-għotja tidħol perfettament f’dik li hija l-kullana ta’ servizzi, għajnuniet, u skemi li l-Gvern ġab fis-seħħ tul dawn l-aħħar snin fis-settur tal-akkomodazzjoni. Settur reżiljenti minkejja l-isfidi kollha li qed tesperjenza d-dinja għaliex dan il-Gvern qatt ma abbanduna lil dawk li qed ifittxu li jaċċessaw is-suq tal-proprjetà, anzi qed inżidu l-inizjattivi sabiex kull min jaħdem u jistinka biex jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu jkun aġevolat mill-Istat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li llum il-ġurnata qegħdin naraw kif l-awtorità espandiet il-ħidma tagħha u ma għadiex assoċċjata biss mal-akkomodazzjoni soċjali. Illum l-awtorità għandha rwol importanti li ssegwi u tirregola s-settur biex tassigura li jibqa’ wieħed li jaħdem għal kulħadd.

Din l-għotja mhux se tkun soġġetta għal test tal-mezzi u l-Awtorità tad-Djar se tkun qed toħroġ il-pagamenti annwali fix-xahar ta’ Ġunju, permezz ta’ bank transfer direttament fil-kont tal-applikant, jekk huwa benefiċjarju waħdu, jew fil-kont konġunt fil-każ li l-applikanti jkunu koppja.

L-applikanti li jkunu xtraw l-ewwel dar residenzjali tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2022 għandhom sal-31 ta’ Mejju 2023 sabiex japplikaw u jirċievu l-ewwel pagament f’Ġunju tal-2023. F’każ ta’ kuntratti li saru fl-2023, applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni sa Marzu 2024, bl-ewwel pagament jinħareġ f’Ġunju 2024.

L-applikazzjonijiet se jkunu jistgħu jiġu aċċessati mis-sit housingauthority.gov.mt.​

PR230257

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-postijiet fejn l-artisti tal-Karnival jaħdmu b’dedikazzjoni liema bħalha. Hemmhekk iltaqa’ mal-parteċipanti li kienu għaddejjin bl-aħħar preparamenti qabel jesebixxu l-karrijiet u l-kostumi tagħhom.

Organizzat minn Festivals Malta, il-Karnival ta’ Malta huwa wieħed mill-eqdem festivals f’pajjiżna, li saħansitra jmur lura għal 500 sena ilu. Din is-sena l-attivitajiet tal-Karnival ser ikunu mifruxa fuq ħamest ijiem fil-Belt Valletta. F’din l-edizzjoni ser jikkompetu disa’ kategoriji differenti li jikkonsistu f’karrijiet, żfin kompetittiv, stallazzjonijiet, u maskaruni.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru tkellem mal-parteċipanti, fejn spjegawlu kif minn kunċett artistiku jirnexxilhom joħolqu l-karrijiet tagħhom, xogħol li jieħu xhur twal biex jitlesta. Huwa faħħar din il-ħidma u sostna li permezz ta’ dan it-talent qed iżommu ħaj it-tradizzjoni tal-Karnival, sabiex ikompli jitgawda mill-pubbliku kif ukoll mit-turisti.

Il-Prim Ministru ra wkoll il-vetturi l-ġodda li ser jintużaw waqt il-Karnival permezz ta’ investiment ta’ €1.2 miljun. Huwa tenna li l-Gvern kommess li jkompli jinvesti fil-qasam tal-kultura u permezz ta’ dan l-investiment ser ikollna Karnival aktar sostenibbli u sigur, kemm għall-parteċipanti kif ukoll għall-udjenzi.​

PR230249

Il-Prim Ministru Robert Abela bagħat ittra lid-Direttur Eżekuttiv tal-Mediatoday Saviour Balzan b’rabta ma’ ittra li ntbagħtet mill-kumpanija tal-midja dwar talba għal investigazzjoni.

Il-Gvern ma jinvestigax ġurnalisti u kommess li jibqa’ jkun hemm ambjent fejn il-ġurnalisti jitħallew jagħmlu xogħolhom.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jippubblika l-ittra li ntbagħtet lis-Sur Balzan.

Mal-wasla tiegħu f’Malta wara li attenda għall-Kunsill Ewropew Straordinarju fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa spontanja fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin, il-Commonwealth u l-Iżvilupp tar-Renju Unit, James Cleverly.

Iż-żewġ naħat qalu li jħarsu ’l quddiem lejn l-implimentazzjoni ta’ ftehim ta’ koperazzjoni bilaterali ffirmat aktar kmieni llum, u tennew l-impenn biex jissaħħu r-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta u r-Renju Unit, speċjalment fil-qasam tas-saħħa.