Month: February 2023

PR230164

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-anzjani fil-komunità permezz ta’ żjarat f’żewġ ċentri għall-anzjanità attiva.​​​

Fl-ewwel żjara tiegħu, Dr Abela żar iċ-ċentru tad-dimensja ta’ Ħal Safi, li jagħti appoġġ lill-familji u jagħti l-opportunità biex persuni bid-dimensja jgħixu aktar fit-tul fil-komunità, bi kwalità ta’ ħajja aħjar.

Fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi, il-Prim Ministru tkellem mal-anzjani waqt attivitajiet speċifikament magħżula biex jaqblu mal-kapaċitajiet u l-preferenzi tagħhom.

Iċ-ċentru huwa ddisinjat biex jilqa’ lill-anzjani f’atmosfera ta’ dar u li hija aċċessibbli għalihom.

Fis-Siġġiewi mbagħad il-Prim Ministru Robert Abela segwa mill-qrib attivitajiet għall-anzjani marbuta mal-kreattività artistika, l-attività fiżika u anki l-kura u l-ħarsien tal-pjanti.

Il-Prim Ministru nnota kif l-anzjani fil-komunità jfittxu li jibqgħu attivi u jeżerċitaw l-abbiltajiet tagħhom f’oqsma differenti.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-politika tal-Gvern li twieżen u ssostni lil persuni differenti fis-soċjetà fosthom anki lill-anzjani.

Dan mhux biss b’żieda oħra li daħlet fis-seħħ għall-pensjonanti iżda anki f’aktar tisħiħ ta’ għotjiet li se jkunu qed jingħataw fil-jiem li ġejjin fosthom l-għotja għall-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità meta jkollhom 75 sena jew aktar u anki l-ħlas ta’ bonus għal dawk li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja.

Flimkien ma’ dawn imbagħad hemm inizjattivi maħsuba apposta bħal dawk li żar il-Prim Ministru tul il-jum tal-Erbgħa.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser dawn il-miżuri bħala parti minn deċiżjonijiet favur in-nies u li huma maħsuba biex ikomplu jmexxu ‘l pajjiż ‘il quddiem biex ħadd ma jaqa’ lura.

Il-Prim Ministru rringrazzja ħidmet dawk li b’tant dedikazzjoni jaħdmu mill-qrib mal-anzjani u jgħinuhom jgħixu f’ambjent dinjituż.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru fiż-żewġ żjarat kien hemm il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.