Month: February 2023

PR230225

Il-proċedura fl-għoti tal-għajnuniet mill-gvernijiet tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea għandha tkun iżjed effikaċi, inkluż krediti ta’ taxxa f’setturi strateġiċi li jistgħu jkomplu jgħinu fil-qalba ambjentali. Din kienet waħda mill-konklużjonijiet prinċipali li qablu fuqha l-mexxejja Ewropej waqt Kunsill Ewropew Straordinarju li tlaqqa’ fi Brussell matul il-Ħamis sas-sigħat bikrin tal-Ġimgħa.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota dan fi tmiem laqgħat mal-Mexxejja Ewropej fejn irrimarka b’sodisfazzjon li Malta tilqa’ anki l-inklużjoni ta’ referenza għan-negozji żgħar u medji li bħala pajjiż nemmnu li huma sħab ewlenin fl-iżvilupp ekonomiku. “Dan kollu huwa xhieda ta’ kemm il-messaġġ ta’ pajjiżna wasal sew,” qal il-prim ministru hu u jispjega li lokalment pajjiżna jaħdem tajjeb ma’ sħab soċjali li jirrappreżentaw l-intrapriżi li huma kruċjali biex jgħinu fil-miri ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħna.

Dwar it-tema tal-ekonomija diskussa fil-Kunsill Ewropew, il-prim ministru Malti qal li jeżistu sfidi burokratiċi għan-negozji żgħar u medji u pajjiżna jaqbel ma’ aktar flessibbiltà biex ngħinu aktar. Quddiem argumenti għal kawtela fil-flessibiltà marbuta ma’ proċedura t’għajnuna minħabba li hemm pajjiżi Ewropej li jifilħu inqas minħabba djun għolja, Malta għamlet argument b’saħħtu favur iżjed flessibbiltà għaliex pajjiżna kien bil-għaqal u għandu qagħda fiskali b’saħħitha li tippermetti iżjed għajnuna b’inqas burokrazija, kif seħħ waqt pandemija.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan kollu jrid isir fi spirtu ta’ tisħiħ tal-kompetittività fuq livell anki Ewropew fil-kuntest li l-Istati Uniti ħabbret li se tissussidja industriji f’oqsma ħodor u għalhekk filwaqt li għandna nibqgħu nżommu r-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, irridu li l-industriji jibqgħu jsibu l-kontinent Ewropew bħala wieħed attraenti.

F’Kunsill Ewropew li fih anki attenda l-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, Malta tenniet l-appoġġ tagħha għall-Ukrajna b’għajnuna umanitarja u rrimarka għall-irwol ta’ pajjiżna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-fatt li bħalissa Malta għandha l-Presidenza ta’ Kunsill li jkompli jibgħat messaġġi ċari kontra l-gwerra fuq l-Ukrajna.

Tema oħra diskussa fil-Kunsill Ewropew kienet l-immigrazzjoni, b’Malta ttenni l-ħtieġa ta’ iżjed sforzi kontra t-traffikar uman riżultat ta’ kriminalità organizzata u iżjed ħidma sfieqa mill-FRONTEX, li kapaċi tnaqqas it-telfien ta’ ħajjiet fil-baħar u t-tluq ta’ dgħajjes mix-xtut Afrikani. Dan apparti iżjed ħidma marbuta mar-ripatrijazzjoni ta’ immigranti li ma ħaqqhomx l-ażil.

Fil-Kunsill Ewropew fost oħrajn saret referenza wkoll għat-traġedja umana fit-Turkija u fis-Sirja riżultat tat-terremoti li laqtu liż-żewġ pajjiżi u l-Mexxejja Ewropej qablu fuq inizjattiva importanti ta’ konferenza għad-donaturi li tkompli tkun ta’ appoġġ b’mod tanġibbli għan-nies milquta mit-terremoti fl-aħħar jiem.

Il-Prim Ministru Robert Abela b’laqgħa mal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, fil-marġni ta’ Kunsill Ewropew Straordinarju fi Brussell. Fil-laqgħa kompla jiġi mtenni l-appoġġ lejn l-Ukrajna, b’Malta tkompli tagħti l-għajnuna umanitarja u twassal messaġġ kontra l-gwerra fuq l-Ukrajna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Fil-laqgħa pparteċipaw ukoll il-Prim Ministru tal-Belġju Alexander De Croo, il-Prim Ministru tal-Irlanda Leo Varadkar, il-Prim Ministru tal-Lussemburgu Xavier Bettel, il-Prim Ministru tal-Portugall António Costa u l-President tal-Litwanja Gitanas Nausėda.

PR230198

​L-avjazzjoni kienet tema ewlenija fil-laqgħat bilaterali li saru bejn il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela u l-Prim Ministru tal-Etjopja Abiy Ahmed Ali. Fi żjara uffiċjali li l-Prim Ministru Etjopjan għamel f’Malta, iż-żewġ mexxejja tkellmu fuq iżjed koperazzjoni fis-settur tal-avjazzjoni, li tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi.

Il-Prim Ministru Malti laqa’ lil dak Etjopjan fil-Berġa ta’ Kastilja u nnota d-diskussjonijiet li għaddejjin biex il-linja nazzjonali tal-ajru tal-Etjopja, li hija l-akbar kumpanija tal-ajru fl-Afrika u r-raba’ l-ikbar fid-dinja għad-destinazzjonijiet, tibda ttir lejn Malta. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan l-iżvilupp mal-Ethiopian Airlines jista’ jkun pożittiv mhux biss għax il-pjan hu li mbagħad minn Malta, il-linja tal-ajru ttir dirett lejn l-Istati Uniti, iżda lejn pajjiżna jiġi attirat investiment globali li jwassal ukoll għal investiment dirett barrani lejn l-Etjopja.

Waqt it-taħdidiet il-Prim Ministru Malti fisser l-Etjopja bħala sieħeb strateġiku ewlieni fl-Afrika bħal ma’ hu l-pajjiż tal-Ghana. Dr Abela nnota l-ftuħ ta’ Ambaxxata Maltija fil-kapitali Addis Ababa u spjega kif Malta tista’ tkun ħolqa kummerċjali importanti għall-Etjopja kemm fir-reġjun tal-Mediterran iżda anki fl-Ewropa. Dr Robert Abela awgura lil Dr Abiy Ahmed Ali għal ftehim ta’ paċi li ntlaħaq fl-Etjopja, li mistenni jfisser aktar stabbiltà u spjega kif Malta issa anki bħala President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda qed tkompli twassal messaġġ favur il-paċi u tiffaċilita d-djalogu. Iż-żewġ naħat tkellmu anki fuq aktar koperazzjoni fis-settur marittimu, dak tal-intelliġenza artifiċjali, l-edukazzjoni u x-xjenza fost oħrajn.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru ta’ Malta fil-laqgħat bilaterali kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia.

PR230184 

Il-gvern qed ikompli jinvesti f’Għawdex. Fil-fatt, f’Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ proġetti li qed jiġu implimentati b’investiment miljunarju u li se jkomplu jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji. Wieħed mill-investimenti li żar il-prim ministru kien l-iskola primarja tan-Nadur fejn bħalissa għaddej proġett ta’ tisbiħ estensiv. Dan il-proġett qed jsir b’investiment ta’ €6 miljun kofinanzjat minn fondi Ewropej, u għandu jitlesta matul din is-sena. Din l-iskola primarja għandha popolazzjoni ta’ madwar 200 student kif ukoll madwar 30 edukatur.

Waqt iż-żjara, il-prim ministru sostna li uliedna għandu jkollhom l-aqwa edukazzjoni f’ambjent edukattiv modern, aċċessibbli u sigur. Għaldaqstant għaddejja ħidma mill-gvern sabiex l-iskejjel jiġu aġġornati maż-żminijiet tal-lum u dan huwa wieħed mill-proġetti li ser iwassal għal spazju edukattiv li se jkun modern, aċċessibbli u sabiħ għat-tfal. Bħala parti mill-proġett se jiġu installati servizzi ġodda, bħal dawl, ilma, drenaġġ, CCTV, konnessjoni tal-internet u servizzi ta’ fire safety. Apparti t-tisbiħ tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett se jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi, kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extrakurrikulari, fosthom dance studio, music room, theatre studio, u klassijiet għall-arti.  Il-proġett se jindirizza wkoll l-aċċessibbiltà fil-binja, bħall-installazzjoni ta’ lift ġdid. Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

Il-Prim Ministru Robert Abela żar ukoll investiment kbir fl-isport fejn għall-ewwel darba Għawdex se jkollu kumpless akwatiku u sportiv, fiċ-ċentru tal-gżira. Il-prim ministru sostna li l-isport għandu jkun parti integrali mill-ħajja tan-nies u dan il-proġett se joffri lill-atleti Għawdxin u oħrajn kumpless akwatiku u sportiv tal-ogħla livell fejn jistgħu jipprattikaw id-dixxiplina sportiva tagħhom. Il-proġett taċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv, li wasal fi stadju avvanzat, jinvolvi l-bini ta’ pixxina ta’ daqs olimpiku u numru ta’ faċilitajiet ġodda fosthom għall-ġinnastika, basketball u faċilitajiet oħra fejn jista’ jintlagħab sport ieħor fuq ġewwa. Iċ-ċentru sportiv se jkun mgħammar ukoll b’faċilitajiet tal-aqwa livell għal kull min jagħmel użu minnu, fosthom bi kmamar tal-ewwel għajnuna. Il-kumpless sportiv se jwassal ukoll għal aktar tkabbir ekonomiku f’Għawdex, hekk kif se joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda billi jattira atleti u gruppi professjonali barranin sabiex jagħmlu użu minn dan il-kumpless ġdid f’Għawdex.

PR230183

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) tista’ tmexxi ’l quddiem inizjattivi ambizzjużi f’Għawdex biex l-ekonomija ta’ din il-gżira tkun tal-ewwel li tagħmel il-qalba favur carbon neutral. Waqt li kien qed jinawgura uffiċini ġodda tal-Awtorità fir-Rabat Għawdex, il-Prim Ministru fisser il-GRDA bħala għodda biex tagħti l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi għal din il-ġenerazzjoni.

Il-Prim Ministru wera s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol li qed twettaq din l-Awtorità li l-għan tagħha hu li tagħti viżjoni għall-ġejjieni ta’ Għawdex. Tenna li l-fatt li din l-Awtorità twaqqfet fl-eqqel tal-pandemija turi biċ-ċar li meta ffaċċjat bl-isfidi, dan il-Gvern iħares ’il quddiem biex jegħlibhom u jwettaq viżjoni aktar għat-tul, li twassal għal aktar suċċessi f’pajjiżna.

Dr Abela saħaq li Għawdex huwa fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern u kif diġà sar investiment bla preċedent f’diversi oqsma, il-Gvern kommess li jkompli jimplimenta aktar miżuri u jattira aktar investiment li jibqa’ jwassal għal aktar tkabbir ekonomiku f’din il-gżira.

Il-Prim Ministru semma wkoll kif qed jsir investiment mill-Gvern biex jiġi inċentivat il-privat fejn fl-aħħar tliet snin, f’Għawdex biss, il-Malta Enterprise għenet madwar elf negozju f’inizjattivi maħsuba biex isaħħu u jkabbru l-operat tagħhom u ngħataw €17-il miljun f’għajnuniet.

“Bħala Gvern kommessi li Għawdex ikun mutur ewlieni tal-progress ekonomiku u soċjali. Għalina Għawdex huwa parti essenzjali tal-bidla li rridu naraw f’pajjiżna lejn kwalità ta’ ħajja aħjar”, sostna l-Prim Ministru filwaqt li stqarr li l-GRDA għandha rwol kruċjali f’dan il-kuntest għaliex minbarra li qed tiżviluppa strateġija ta’ żvilupp reġjonali għal Għawdex, għandha wkoll l-awtorità li tħares l-interessi t’Għawdex kull meta ikun hemm deċiżjonijiet politiċi jew proġetti li jistgħu jaffetwaw lil din il-gżira. 

Waqt l-inawgurazzjoni tkellem ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fejn spjega kif l-akbar proġett li ħadmet u għadha qed tkompli taħdem fuqu l-Awtorità huwa dak tal-Gozo Regional Airfield. Il-Gvern jemmen fil-potenzjal ta’ Għawdex u l-istudji indipendenti li saru mill-Awtorità kollha jindikaw li dan il-proġett huwa fattibbli, għaldaqstant ġiet sottomessa l-applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Ministru Camilleri spjega wkoll kif fix-xhur li ġejjin, l-Awtorità se tassumi aktar responsabbiltajiet li ser ikomplu jgħollu l-profil u jistabbilixxu aktar id-dimensjoni tagħha. Dan għaliex l-GRDA ser tkun qed tikkordina l-pjan ta’ kif ser jiġu utilizzati b’mod effiċjenti s-€60 miljun li ġew allokati taħt il-fond Żvilupp Sostenibbli fl-Urban.

Mario Borg, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità qal li tul dawn l-aħħar sentejn, l-Awtorità rnexxielha tistabbilixxi ruħha bħala entità ewlenija f’Għawdex. Semma kif fost oħrajn l-Awtorità ħadmet fuq bosta policies u proġetti relatati ma’ żvilupp soċjo-ekonomiku iktar sostenibbli, kif ukoll waqqfet strutturi li permezz tagħhom jinżamm kuntatt kontinwu mal-istakeholders kollha.

Matul il-jum tal-Ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ numru ta’ rappreżentanti tal-imsieħba soċjali Għawdxin. Ir-rappreżentanti nnutaw b’sodisfazzjon li l-miżuri li qed jieħu l-Gvern f’Għawdex qed iħallu impatt pożittiv fosthom fit-turiżmu u jħarsu ’l quddiem għal aktar ħidma li tkompli tkattar il-ġid.