Author: rossana.piscopo.1@gov.mt

PR230438

Il-Gvern jirreferi għall-istqarrija ta’ Steward Malta ppubblikata llum, it-23 ta’ Marzu.

Għal darb’oħra l-Gvern qed iżomm ferm mal-pożizzjoni kkomunikata fl-istqarrija PR230421 u se jibqa’ jżomm pożizzjoni legali soda favur l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin.

L-istqarrija ta’ Steward Malta hija barra minn lokha kif il-Gvern diġà spjega għal iktar minn darba.

Għal darb’oħra l-Gvern qed jerġa’ jassigura s-servizz lill-pazjenti kollha u l-impjieg tal-ħaddiema kollha fl-isptarijiet.​

PR230423

Fil-Jum Dinji tal-Ħidma Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela żar l-uffiċini tal-Appoġġ fi Gwardamanġa u dawk tal-FSWS, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, f’Santa Venera. Il-Prim Minsitru ltaqa’ wkoll mal-ħaddiema tal-linja telefonika nazzjonali li toffri l-appoġġ, in-numru 179. Huwa beda biż-żjara tiegħu fil-binja tal-Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS fejn iltaqa’ mal-ħaddiema soċjali u professjonisti oħra fil-qasam soċjali fl-okkażjoni ta’ dan il-jum importanti li jirrifletti l-pjan ta’ ħidma qawwija li għandu l-gvern fil-qasam soċjali.

Flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti, il-Prim Ministru esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma mwettqa mis-social workers mal-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà Maltija u nnota kif in-nefqa globali marbuta mas-soċjal kompliet tiżdied minn sena għal sena. Fil-fatt is-sena l-oħra l-investiment fl-FSWS kien jiżboq għal aktar minn €28 miljun, kważi erba’ darbiet aktar minn għaxar snin ilu. Wara ż-żjara fil-binja tal-Appoġġ, il-Prim Ministru żar ukoll dawk tal-FSWS f’Santa Venera, li din is-sena qed tfakkar il-25 sena mit-twaqqif tagħha u llum timpjega 948 impjegat li 80% huma ħaddiema soċjali u professjonisti oħra soċjali li jagħmlu xogħol dirett mal-persuni vulnerabbli li jiġu bżonn s-servizzi tagħha. 

Matul l-aħħar snin l-FSWS rat tkabbir kbir fl-għadd ta’ servizzi li toffri li huma ferm aktar ħafna mis-servizzi tal-ħarsien tat-tfal (child protection), kontra l-vjolenza domestika u l-abbuż tas-sustanzi u dipendenzi oħra li kienu t-tliet servizzi li kien hemm fil-bidu. Illum l-FSWS għandha preżenza f’bosta bliet u rħula madwar Malta u Għawdex pemezz ta’ għadd ta’ ċentri għall-familja fil-komunità. Dawn jinsabu fil-Belt, il-Birgu, il-Fgura, Marsaskala, Ħal Qormi, l-Imsida, il-Qawra, Ħal Kirkop, il-Mosta, ir-Rabat (Malta) ir-Rabat (Għawdex) u Marsalforn.

Ma’ dawn hemm is-servizzi fl-isptarijiet fejn hemm ħaddiema soċjali fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, kif ukoll r-residenza San Vinċenz de Paul. Professjonisti oħra huma wkoll assenjati biex jagħtu servizz lil diversi entitajiet oħra tal-gvern li jaħdmu fil-qasam soċjali bħalma huma l-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva, l-Awtorità tad-Djar u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fost l-oħrajn. Preżenti matul iż-żjarat kien hemm ukoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

PR230421

Il-Gvern ta’ Malta nnotifika lil Steward Malta li se jkun qed jagħmel ‘control step-in’ biex jieħu f’idejh l-operat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa. 

Il-Gvern reġa’ nnotifika lil Steward Malta li ma kienx qed jaċċetta dak li qalet f’dik li sejħet bħala Termination Notice u minflok kiteb lil Steward Malta li l-‘control step-in’ u t-terminazzjoni se jsiru bil-kundizzjonijiet elenkati mill-Gvern.

Il-pass li ħa l-Gvern ifisser li se jidħol minnufih għat-tmexxija ta’ dawn l-isptarijiet.

Għal darb’oħra l-Gvern qed jerġa’ jassigura s-servizz lill-pazjenti kollha u l-impjiegi tal-ħaddiema kollha fl-isptarijiet.

Qed jittieħdu l-passi kollha biex din it-tranżizzjoni ssir mingħajr interuzzjonijiet fis-servizz. 

Dawn il-passi qed isiru mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li hemm quddiem il-Qrati Maltin iżda huma intiżi biex ikomplu jipproteġu l-interess tal-Gvern Malti u l-interess nazzjonali f’kull ċirkostanza.

PR230402

Il-Prim Ministru Robert Abela kiteb lill-Awditur Ġenerali kif stqarr li se jagħmel fil-Parlament fis-seduta Parlamentari tas-16 ta’ Marzu.

Il-Prim Ministru talab investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali, permezz ta’ ittra li fiha rrefera għal mandat li tah il-Parlament biex “jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jirkupra dawk il-ħlasijiet li ġew affettwati, u li dwarhom jirriżultalek li ma ngħatax il-valur tagħhom f’servizzi mediċi u servizzi relatati u investiment.”

L-ittra qed tkun ippubblikata.

PR230397

Il-Gvern jirreferi għall-istqarrija ta’ Steward Malta iktar kmieni llum li ddeċidew li jabbandunaw l-operat tal-isptarijiet. Fiċ-ċirkostanzi l-Awtoritajiet tas-Saħħa jinsabu f’pożizzjoni li b’mod immedjat joperaw l-isptarijiet inkwistjoni.

B’hekk il-Gvern jerġa’ jserraħ ras l-impjegati li x-xogħol tagħhom huwa garantit. Il-Gvern jagħti wkoll assigurazzjoni li ċ-ċittadini, inkluż lill-pazjenti, se jibqgħu jirċievu servizz tas-saħħa tal-ogħla livell li pajjiżna magħruf għalih.

Il-Gvern jiddikjara li ma jaqbilx bl-aktar mod assolut mar-raġunijiet li ngħataw minn Steward għall-abbandun u wisq anqas mat-talbiet li qed isiru u se jkun qed iwieġeb dwar dan fil-fora adattata fl-aqwa interess nazzjonali.