Month: August 2023

PR231281

Waqt żjara fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara l-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-investiment fis-saħħa primarja huwa kruċjali għal komunitajiet iktar b’saħħithom u għalhekk il-Gvern se jibqa’ jinvesti f’ċentri tas-saħħa iktar moderni, b’iktar riżorsi u b’ħaddiema b’kundizzjonijiet aħjar. Akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Prim Ministru seta’ jara kif iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara ġie mmodernizzat wara li f’Lulju ta’ din is-sena tlesta proġett ta’ rinnovazzjoni qawwi b’investiment ta’ €1.1 miljun mill-Fondi Soċjali Nazzjonali għall-Iżvilupp.

F’dan il-lokal, miċ-Ċentru tas-Saħħa mhux biss jingħata servizz ġenerali ta’ kura primarja, iżda jingħata wkoll servizz lill-pazjenti li jagħmlu użu miċ-ċentru speċjalizzat tal-podjatrija. Iċ-ċentru huwa mgħammar ukoll b’maħżen li jissuplixxi apparat mediku liċ-ċentri tas-saħħa kollha mifruxa madwar Malta. Il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ mhux biss mal-professjonisti, l-infermiera u l-ħaddiema kollha li jagħmlu parti minn dan iċ-ċentru, iżda sema’ minn pazjenti stess xi jsarraf investiment kontinwu bħal dan għal saħħithom. Minn dan iċ-ċentru biss igawdu mal-35,000 resident mill-akkwati ta’ Birkirkara, Ħal Balzan, l-Iklin u Ħal Lija.

Il-Prim Ministru tenna kif l-investiment fil-qalba tal-komunità fis-setturi diversi huwa kruċjali fil-politika tal-Gvern li taħdem għal ġid komuni u Malta iktar ġusta. F’xahar mill-ftuħ tiegħu, iċ-ċentru offra s-servizzi tiegħu lil aktar minn 5,000 persuna bil-għan li jkompli jtejjeb il-livell tal-poplu Malti f’ambjent tal-aqwa kwalità. Is-servizzi offruti f’dan iċ-ċentru, li jinkludu klinika tat-tabib tal-familja, klinika tat-trabi u servizzi fil-kura tal-għajnejn, fost oħrajn. Fil-fatt, il-kura tas-saħħa primarja tista’ tkopri minn 80% sa 90% tal-ħtiġijiet tas-saħħa tal-individwu matul il-kors ta’ ħajtu.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ dan iċ-ċentru tax-xogħol li jwettqu ta’ kuljum b’tant dedikazzjoni u mħabba favur il-pazjent. Huwa nnota wkoll il-livell ta’ komunikazzjoni professjonali li jaħdmu biha meta jidħol fiċ-ċentru l-pazjent u li permezz tagħha tinbena relazzjoni immedjata u komda bejn l-individwu li jżur iċ-ċentru u l-professjonist li qed joffri s-servizz tiegħu. Il-programm ta’ modernizzazzjoni u titjib fil-kura tas-saħħa primarja u l-kliniċi fil-komunità huwa appoġġjat mill-għotja ta’ €10 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF). Dan juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fis-servizzi nazzjonali tal-kura tas-saħħa biex jiżgura li l-pazjenti jkomplu jgawdu mill-aqwa kura possibbli; waħda li tkun eqreb ta’ djarhom.

Akkumpanjaw lill-Prim Ministru u lid-Deputat Prim Ministru s-Sindku ta’ Birkirkara Joanne Debono Grech u l-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja għas-Saħħa Roseanne Camilleri. Wara ż-żjara fiċ-ċentru tas-saħħa, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-komunità ta’ Birkirkara billi żar numru ta’ negozji fil-lokalità bħala parti minn sensiela ta’ żjarat kontinwi li fihom il-Prim Ministru jkun fil-komunità Maltija jisma’ l-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet tan-nies.

PR231272

Fi żjara li l-Prim Ministru Robert Abela għamel lin-nursery u l-klabb tal-futbol ta’ Dingli Swallows, tkellem ma’ uħud mit-tfal u ż-żgħażagħ li jingħataw it-taħriġ minn dan il-klabb, li kellhom l-opportunità li mhux biss iressqu ’l quddiem l-ideat tagħhom għal-lokalità li jgħixu fiha iżda anke dawk dwar is-settur sportiv.

Il-Prim Ministru stqarr magħhom li għandhom sehem importanti fit-tfassil tal-lokalitajiet li jridu u li bl-attiviżmu tagħhom qegħdin ikomplu jsaħħu l-komunitajiet. Liema komunitajiet dan il-Gvern se jibqa’ jinvesti biex jissaħħu u għalhekk ħeġġiġhom biex ikomplu jressqu ’l quddiem aktar ideat.

Huwa faħħar ukoll is-sens ta’ komunità li qiegħed joħloq dan il-klabb sportiv f’Ħad-Dingli, bit-tfal u ż-żgħażagħ fiċ-ċentru, u b’ħidma mill-Kumitat, il-coaches u l-ġenituri. Irrimarka li bid-dedikazzjoni tagħhom, organizzazzjonijiet sportivi bħal dawn qegħdin mhux biss iżommu l-komunità attiva iżda qegħdin joffru valuri, edukazzjoni u esperjenzi uniċi lit-tfal u żgħażagħ tagħna lil hinn mill-bank tal-iskola.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-investiment li l-Gvern qed jagħmel fit-tfal u ż-żgħażagħ, bl-għan li jiggarantixxi suċċess għalihom, għas-soċjetà u għal pajjiżna. L-investiment fis-settur sportiv huwa eżempju ta’ dan u juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fit-talenti tagħhom. B’faċilitajiet sportivi aċċessibbli għal kulħadd, li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ persuni sportivi, minn dawk li jagħmlu taħriġ bażiku għal dawk professjonali. Il-Gvern qed jaħdem biex ikollu faċilitajiet sportivi ta’ standards internazzjonali li jsaħħu l-industrija tal-isport Maltija.

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonkluda li għal dan il-Gvern tibqa’ prijorità li l-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li jkollhom l-aqwa għodod sabiex uliedhom jirnexxu fl-iskola, ser inkomplu nagħtu l-istess importanza wkoll lill-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fl-isports, l-arti u l-kultura.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mis-Sindku ta’ Ħad-Dingli Raymond Schembri.

PR231228

Fil-ġimgħat li ġejjin, se jibda l-proċess biex isiru l-bidliet fil-liġijiet tal-ippjanar biex il-gvern jissiġilla ċ-ċertezza u s-serħan il-moħħ li Ħondoq ir-Rummien ma jkunx żviluppat. Dan hu l-pass li jmiss fil-ġlieda għall-ħarsien ta’ Ħondoq ir-Rummien. Dan kien il-messaġġ importanti u ċar li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel f’Ħondoq ir-Rummien, fil-limiti tal-Qala, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mis-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li din hi deċiżjoni li trid treġġa’ dak li missu ma sar qatt, jiġifieri li fl-2006 iddaħħlet bidla fil-pjan lokali li ffaċilitat li jista’ jsir żvilupp konsiderevoli f’Ħondoq. Qal li d-direzzjoni li issa qed jagħti l-gvern hija bidla oħra importanti li tippriserva l-gżira Għawdxija u li hi fl-interess tal-familji fosthom Għawdxin u l-komunità tal-Qala b’mod partikolari.

Il-Prim Ministru Abela nnota li deċiżjonijiet mill-2013 ‘il quddiem tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-qrati ċaħdu dan l-iżvilupp iżda preżentament ma hemm xejn xi jżomm milli tidħol applikazzjoni oħra għal żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien, u għalhekk hu meħtieġ li kontra dawk id-deċiżjonijiet passati li taw valur akbar għall-ispekulaturi, issa jintbagħat sinjal qawwi favur l-interessi tan-nies u aċċess mingħajr xkiel għall-bajja f’Ħondoq.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota li prinċipju ewlieni f’ħidmet dan il-gvern kien dejjem wieħed konsistenti kontra żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien. Tenna li b’dak li qed iħares lejh il-gvern qed jara li jimplimenta miżura numru 319 fil-manifest ‘Malta Flimkien’, il-programm ta’ ħidma tal-gvern approvat mill-poplu fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Il-prim ministru radd ħajr b’mod partikolari lis-Sindku Buttigieg tal-ħidma bla heda biex jiddefendi lil Ħondoq minn żvilupp.

Fis-sit ta’ Ħondoq ir-Rummien, il-Prim Ministru Abela nnota li fuq art tal-gvern, li kienet ilha abbandunata, sar l-ewwel Reverse Osmosis għal Għawdex, impjant state-of-the-art li sar b’investiment ta’ €11-il miljun li qed jiżgura għall-Għawdxin, sors indipendenti ta’ ilma ta’ kwalità li fost oħrajn jasal fid-djar. Dan l-impjant se jkompli jsaħħaħ l-effiċjenza tiegħu b’aktar investiment frott il-fiduċja li ntweriet fil-Green Bonds li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħarġet b’valur ta’ €25 miljun u li nħatfu minnufih. L-impjant jipproduċi madwar 9,000 metru kubu ta’ ilma kuljum u f’każ ta’ emerġenza kapaċi jagħti provvista ta’ ilma anki fuq in-naħa l-oħra tal-fliegu.

PR231216

Il-Prim Ministru Robert Abela żar Villa Portelli fil-Kalkara, binja storika li nibtet minn idea lejn tmiem is-seklu 18 u li bħalissa qed isir xogħol ta’ restawr fuqha minn Heritage Malta biex tkun ta’ servizz komunitarju u titgawda mill-pubbliku.

Fi żjara li l-Prim Ministru Robert Abela għamel, it-tmexxija ta’ Heritage Malta spjegat kif ix-xogħol li qed isir ta’ restawr u anki diġitalizzazzjoni se jgħin biex il-pubbliku jgawdi l-villa mingħajr ħlas, mhux bħala sempliċiment mużew iżda tiġi offruta esperjenza fuq diversi temi marbuta mal-wirt kulturali u anki tingħata viżibilità virtwali lill-wirt storiku wiesa’ li għandu pajjiżna taħt il-baħar.

Il-ġnien mal-villa, ta’ daqs ta’ iktar minn erba’ tomniet, ukoll se jitgawda mill-pubbliku fi spazju aħdar miftuħ li jservi ta’ rilassament għall-komunità u anki jkun ta’ spazju fejn isiru attivitajiet edukattivi għall-familji.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan ix-xogħol li qed isir frott deċiżjoni tal-Kabinett, li Villa Portelli tgħaddi f’idejn Heritage Malta, bħala waħda importanti biex il-patrimonju ta’ pajjiżna mhux biss jitħares iżda jitgawda mill-familji u joffri esperjenza edukattiva f’ambjent sabiħ. Qal li l-aspett komunitarju li se jkun minsus f’din il-binja se jkun wieħed importanti. “Dan il-proġett ta’ restawr fdat f’idejn il-gwardjan tal-wirt kulturali huwa wkoll parti minn bidliet oħra f’livell ta’ komunità li rridu nkomplu nagħmlu billi binjiet storiċi u pubbliċi jkunu miftuħa għall-familji,” irrimarka l-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-isfond li qabel għaddiet għand il-Gvern b’għeluq tal-bażi militari Ingliża fl-1979 din il-villa kienet ir-residenza tal-Ammiral, Heritage Malta mistennija wkoll toffri esperjenza lill-viżitaturi fejn ikollhom l-opportunità jsegwu restawr ta’ dgħajjes tradizzjonali. Dan huwa proġett li se jkun qed jinħadem mal-istudenti tal-MCAST. Dan apparti inizjattivi minn Heritage Malta ppjanati għal din il-villa bħal spjegi lill-viżitaturi fuq effetti tat-tibdil fil-klima fuq wirt storiku. Fil-fatt, ix-xogħol ta’ restawr li qed isir bħalissa u li jammonta għal €3 miljun qed jindirizza wkoll ħsarat li Villa Portelli sofriet kawża tal-maltempata Helios, li laqtet lill-gżejjer Maltin fi Frar li għadda.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela fiż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina.​

PR231208

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jippubblika ittra mibgħuta lill-Bord ta’ Inkjesta Amministrattiva, maħtura mill-Prim Ministru Robert Abela u mħabbra fis-17 ta’ Lulju 2023. F’din l-ittra hemm imniżżla t-Termini ta’ Referenza tal-Inkjesta Amministrattiva dwar l-inċident fatali li seħħ f’Kordin nhar it-3 ta’ Diċembru 2022.

Il-Prim Ministru Robert Abela qed iżomm mal-impenn li ta pubblikament, jiġifieri li jippubblika t-Termini ta’ Referenza, li fit-tfassil tagħhom ġiet ikkonsultata l-familja ta’ Jean Paul Sofia, li miet fl-inċident fatali msemmi.

Il-gvern itenni li hu impenjat li ssir ġustizzja fit-totalità tagħha u tkun magħrufa l-verità kollha. Huwa għalhekk li l-gvern stabbilixxa Termini ta’ Referenza bbażati fuq il-prinċipji ta’ trasparenza assoluta, skrutinju b’saħħtu u tisħiħ ta’ sistemi.

L-ittra bit-Termini ta’ Referenza u r-rispons mill-familja tal-vittma jinsab anness.

pr231208a.pdf

pr231208b.pdf