PR231281
31/08/2023
Waqt żjara fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara l-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-investiment fis-saħħa primarja huwa kruċjali għal komunitajiet iktar b’saħħithom u għalhekk il-Gvern se jibqa’ jinvesti f’ċentri tas-saħħa iktar moderni, b’iktar riżorsi u b’ħaddiema b’kundizzjonijiet aħjar. Akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Prim Ministru seta’ jara kif iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara ġie mmodernizzat wara li f’Lulju ta’ din is-sena tlesta proġett ta’ rinnovazzjoni qawwi b’investiment ta’ €1.1 miljun mill-Fondi Soċjali Nazzjonali għall-Iżvilupp.
F’dan il-lokal, miċ-Ċentru tas-Saħħa mhux biss jingħata servizz ġenerali ta’ kura primarja, iżda jingħata wkoll servizz lill-pazjenti li jagħmlu użu miċ-ċentru speċjalizzat tal-podjatrija. Iċ-ċentru huwa mgħammar ukoll b’maħżen li jissuplixxi apparat mediku liċ-ċentri tas-saħħa kollha mifruxa madwar Malta. Il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ mhux biss mal-professjonisti, l-infermiera u l-ħaddiema kollha li jagħmlu parti minn dan iċ-ċentru, iżda sema’ minn pazjenti stess xi jsarraf investiment kontinwu bħal dan għal saħħithom. Minn dan iċ-ċentru biss igawdu mal-35,000 resident mill-akkwati ta’ Birkirkara, Ħal Balzan, l-Iklin u Ħal Lija.
Il-Prim Ministru tenna kif l-investiment fil-qalba tal-komunità fis-setturi diversi huwa kruċjali fil-politika tal-Gvern li taħdem għal ġid komuni u Malta iktar ġusta. F’xahar mill-ftuħ tiegħu, iċ-ċentru offra s-servizzi tiegħu lil aktar minn 5,000 persuna bil-għan li jkompli jtejjeb il-livell tal-poplu Malti f’ambjent tal-aqwa kwalità. Is-servizzi offruti f’dan iċ-ċentru, li jinkludu klinika tat-tabib tal-familja, klinika tat-trabi u servizzi fil-kura tal-għajnejn, fost oħrajn. Fil-fatt, il-kura tas-saħħa primarja tista’ tkopri minn 80% sa 90% tal-ħtiġijiet tas-saħħa tal-individwu matul il-kors ta’ ħajtu.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ dan iċ-ċentru tax-xogħol li jwettqu ta’ kuljum b’tant dedikazzjoni u mħabba favur il-pazjent. Huwa nnota wkoll il-livell ta’ komunikazzjoni professjonali li jaħdmu biha meta jidħol fiċ-ċentru l-pazjent u li permezz tagħha tinbena relazzjoni immedjata u komda bejn l-individwu li jżur iċ-ċentru u l-professjonist li qed joffri s-servizz tiegħu. Il-programm ta’ modernizzazzjoni u titjib fil-kura tas-saħħa primarja u l-kliniċi fil-komunità huwa appoġġjat mill-għotja ta’ €10 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF). Dan juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fis-servizzi nazzjonali tal-kura tas-saħħa biex jiżgura li l-pazjenti jkomplu jgawdu mill-aqwa kura possibbli; waħda li tkun eqreb ta’ djarhom.
Akkumpanjaw lill-Prim Ministru u lid-Deputat Prim Ministru s-Sindku ta’ Birkirkara Joanne Debono Grech u l-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja għas-Saħħa Roseanne Camilleri. Wara ż-żjara fiċ-ċentru tas-saħħa, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-komunità ta’ Birkirkara billi żar numru ta’ negozji fil-lokalità bħala parti minn sensiela ta’ żjarat kontinwi li fihom il-Prim Ministru jkun fil-komunità Maltija jisma’ l-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet tan-nies.