Month: May 2023

PR230819

Il-Prim Ministru Robert Abela żar investiment ġdid ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni internazzjonali li wettqet proġetti f’diversi kontinenti u li ilha topera f’pajjiżna għal dawn l-aħħar 20 sena. F’laqgħa mat-tmexxija u l-ħaddiema tal-kumpanija, fil-preżenza wkoll tal-Ambaxxatur tat-Turkija għal Malta, il-Prim Ministru nnota mill-ġdid kif Malta qed tibqa’ tattira investiment barrani b’saħħtu li jixhed il-fiduċja li teżisti f’pajjiżna. Dan fl-istess ħin li kumpaniji stabbiliti f’pajjiżna qed jibqgħu jsaħħu l-operat tagħhom.

Il-Prim Ministru kien infurmat ukoll dwar l-investiment li għamlet il-kumpanija f’makkinarju tal-kostruzzjoni sostenibbli u favur l-ambjent b’investiment li jiżboq l-€4 miljun. Innota kif dan it-tip ta’ investiment hu xhieda ta’ kif it-tranżizzjoni ambjentali tista’ ssir mingħajr ma jixxekkel l-investiment, hekk kif pajjiżna jibqa’ wieħed miftuħ għall-investiment u l-Gvern se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet kollha biex jiffaċilita l-investiment.

Waqt laqgħa mat-tmexxija u l-ħaddiema, il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll is-sehem tal-kumpanija fuq proġetti tal-Gvern li huma ta’ benefiċċju għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

It-tmexxija tal-kumpanija esprimiet il-fiduċja tagħha f’pajjiżna. “Aħna konna, għadna u se nibqgħu ninvestu fl-operat tagħna għaliex nemmnu fil-potenzjal ta’ dan il-pajjiż. Sodisfatti bil-mod kif kumpaniji Maltin u l-ħaddiema tagħhom jaħdmu magħna u nawgura li nibqgħu nesploraw orizzonti ġodda flimkien,” qalu Kurt Akin u James Fenech, li huma Diretturi tal-ESC.

Preżenti matul iż-żjara kien hemm il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, il-Membru Parlamentari Cressida Galea u l-Ambaxxatur tat-Turkija għal Malta Erdeniz Sen.

Il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta l-midalji fid-dixxiplina sportiva tal-isquash (singles) tan-nisa, fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023. Il-Prim Ministru Abela ppreżenta l-midalja tad-deheb lill-atleta ta’ Malta, Colette Sultana, il-midalja tal-fidda lill-atleta ta’ Malta, Lijana Sultana, u l-midalja tal-bronż lill-atleta tal-Lussemburgu, Sandra Denis. Preżenti għall-għoti tal-midalji kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

 PR230814

Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza ċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023 organizzati f’Malta. Huwa ddikjara dawn il-Logħob bħala miftuħa. Id-diskors qiegħed jiġi ppubblikat.

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela jilqgħu fil-Berġa ta’ Kastilja, dinjitarji u rappreżentanti mill-kontinġenti tal-pajjiżi parteċipanti fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023, qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ.

PR230791

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza konferenza tal-MCESD

Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza konferenza tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li matulha ġie preżentat ir-Rapport Nazzjonali dwar il-Produttività tal-2022.

Fid-diskors tiegħu, li emfasizza l-viżjoni ekonomika tal-gvern, il-prim ministru spjega li l-ekonomija Maltija għaddejja minn tranżizzjoni importanti ħafna.

Il-prim ministru sostna li l-gvern mhux se jistrieħ fuq il-kisbiet, iżda se jkompli jaħdem fuq prinċipji mġedda, b’viżjoni ekonomika għaż-żmien li ġej li tinkludi t-tranżizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq it-tagħrif, tranżizzjoni lejn ekonomija iktar ħadra u diversifikazzjoni ta’ dak li noffru bħala pajjiż biex inkunu aktar kompetittivi.

Dan hu meħtieġ wara li l-iżvilupp ekonomiku li esperjenza pajjiżna fl-aħħar deċenju kien wieħed li wassal lil Malta tilħaq livell ieħor kif jixhdu r-riżultati ekonomiċi, hekk kif illum pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ xogħol, l-inqas rata ta’ qgħad u l-iktar ekonomija li qed tikber fl-Ewropa.

F’dan l-isfond, Malta se tibqa’ tara tkabbir ekonomiku b’saħħtu, bil-gvern se jkompli jaħdem favur livell ta’ għajxien aħjar.

F’dan il-kuntest, il-prim ministru laqa’ x-xogħol li sar mill-imsieħba soċjali fuq dan ir-rapport li jitkellem dwar il-produttività ta’ pajjiżna. Hawnhekk, tenna l-importanza tad-djalogu soċjali biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem, u fakkar kif meta affaċjat bl-akbar sfidi, il-gvern dejjem sab fis-sħab soċjali fonti ta’ ideat ta’ kif nistgħu nimxu ‘l quddiem u li l-istrateġija u l-viżjoni ekonomika għandha tkun imfassla minn firxa wiesgħa ta’ nies li jirrappreżentaw l-interessi ta’ kulħadd.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għax-xokk tal-inflazzjoni li laqat lil diversi pajjiżi fl-aħħar xhur, u spjega li f’Malta, mingħajr it-tkabbir ekonomiku li ġie investit fin-nies, il-konsum privat kien jistaġna u mhux ikompli jiżdied. Iżda li madanakollu, xorta jeħtieġ tiġdid fit-tmexxija ekonomika u finanzjarja għaliex is-suċċess ekonomiku ta’ Malta huwa riżultat ta’ pajjiż li ma jiqafx jinbidel. Il-prim ministru sostna li l-bidla hi l-garanzija ta’ pajjiż li jibqa’ kompetittiv u jattira l-investiment.

Dwar it-tkabbir ekonomiku, il-prim ministru spjega li dan ġej mill-investiment, mit-titjib tal-ħiliet, mill-użu aħjar tar-riżorsi umani ta’ pajjiżna u minn żieda fil-produttività. Hawn il-prim ministru tkellem dwar il-kontribut tal-ħaddiema. “Nemmen illi l-ħaddiem huwa dak li jsaħħaħ id in-negozju f’dinja fejn il-kompetittività u l-produttività qed titqies fuq il-ħiliet tal-ħaddiema u mhux fuq kemm in-negozju se jiffranka fuq il-pagi,” qal il-prim ministru.

Dwar il-qalba diġitali u ambjentali, il-prim ministru spjega dak li qed jippjana l-gvern u kif iċ-ċokon ta’ pajjiżna għandu jservi ta’ opportunità biex ċerti bidliet isiru b’iktar ħeffa u effiċjenza.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Abela spjega li s-sena li għaddiet Malta rat investiment ta’ €3.7 biljun, għaxar snin qabel dan kien anqas min-nofs. L-istess fejn jidħlu gradwati jaħdmu fl-ekonomija tagħna, illum għandna 94,000, aktar mid-doppju ta’ għaxar snin ilu.

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonkluda li dawn il-kisbiet huma biss il-bidu tat-triq u li biex immorru għal-livell li jmiss, il-bidla u l-innovazzjoni jridu jiġu fiċ-ċentru tal-ħajja ta’ kuljum. Irridu nżidu l-produttività, insaħħu l-ekonomija imma fuq kollox nagħtu ħajja aħjar lill-familji u nipproteġu lill-ħaddiem b’kundizzjonijiet u b’pagi aħjar.​